28.9.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 241/15


Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jemendaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/784/KE dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

COM(2003) 763 finali - 2003/0293 (COD)

(2004/C 241/03)

Fl-14 ta' Jannar 2004 il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċida li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond l-Artikolu 157(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il- Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jemendaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/784/KE dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

Is-Sezzjoni tat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informatika, li kienet responsabbli għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-10 ta' Mejju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Green.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu numru 409 tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2004 (il-laqgħa tat-2 ta' Ġunju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja b'171 vot favur, b'9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Bid-Deċiżjoni 1999/784/KE, (1) il-Kunsill adotta l-proposta dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew għall-perjodu li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2004.

1.2

Fit-22 ta' Settembru 1999, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità.

1.3

Kemm l-isfond tal-proposta tal-Kummissjoni u kemm dak ta' l-approvazzjoni tagħha mill-Kumitat kien dak tal-pożizzjoni ta' l-industrija awdjoviżiva bħala waħda mis-setturi strateġiċi Ewropej, partikolarment ix-xandir fuq ir-radju u t-televixin u l-produzzjoni tal-films.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi:

li testendi l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew għas-sentejn li jinkludu s-snin 2005 u 2006;

li żżomm il-budget annwali mal-livell ta' l-2004, jiġifieri €235,000.

2.2

Il-proposta hija mħeġġa b'mod partikolari minn dawn il-kunsiderazzjonijiet:

L-attivitajiet ta' l-osservatorju fil-qasam ta' l-istatistiċi tas-swieq u ta' l-informazzjoni finanzjarja u legali jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-twettiq ta' l-għanijiet stabbiliti. Għalhekk, huwa fl-interess tal-Komunità li tappoġġja u ssaħħaħ kemm l-istruttura ta' l-osservatorju u kemm il-koperazzjoni bilaterali.

Il-kontribut ta' l-osservatorju għat-twettiq ta' dawn l-għanijiet se jittejjeb permezz ta' l-implimentazzjoni ta' strateġija ġdida li bħalissa tinsab fi stat ta' żvilupp flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Komunità. Id-dipartimenti adattati ta' l-osservatorju se jaddottaw l-istruzzjoni aġġornata u l-qafas finanzjarju rilevanti sa l-aħħar ta' l-2005. L-implimentazzjoni se tibda b'mod progressiv fl-2006 l-iktar kmieni.

2.3

B'kunsiderazzjoni ta' l-esperjenza pożittiva miksuba fil-passat, li nġabret fil-qosor f'rapport f'nofs it-term, (2) il-Kummissjoni tħoss li jkun xieraq li testendi l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-osservatorju għall-perjodu ta' sentejn. Din l-estensjoni qasira tkopri perjodu kritiku għad-definizzjoni tal-mudelli tal-futur ta' l-attivitajiet ta' l-osservatorju u tkun tista' tiġi integrata fil-perspettivi finanzjarji preżenti tal-Komunità mingħajr preġudizzji għal deċiżjonijiet fil-ġejjieni, li se jittieħdu fl-2006 bl-għarfien sħiħ tal-fatturi ta' l-istruzzjoni l-ġdida ta' l-osservatorju u tal-qafas finanzjarju.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew oriġinarjament appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-osservatorju, fl-istennija li din tagħmel l-industrija awdjoviżiva Ewropea iktar kompetittva billi ttejjeb it-trasferiment ta' l-informazzjoni ekonomika u legali, biex tkun ipprovduta perspettiva ċara tas-suq u għall-promozzjoni tat-trasparenza u ta' investiment fl-infrastruttura.

3.2

Il-Kumitat iħoss li l-istennija ġenerali u r-raġunijiet oriġinali għall-approvazzjoni tal-proposta jibqgħu invalidi, u l-importanza prinċipali ta' l-industrija ta' l-awdjoviżjoni għall-ekonomija, il-kultura u d-demokrazija, mhux inqas. Din il-perspettiva hija ssostanzjata bir-rapport ta' l-attivitajiet ta' l-osservatorju (3) fost affarijiet oħra.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat iħoss li huwa importanti għall-industrija ta' l-UE nnifisha – u għall-konsumaturi – li jkun hemm aċċess għal informazzjoni li tista' toqgħod fuqha u aġġornata tat-tip ippreżentata mill-osservatorju.

4.2

Il-Kumitat iħoss li huwa importanti li l-ħarsien tal-konsumatur u liġi tad-drittijiet ta' l-awtur għandhom jibqgħu kwistjonijiet ta' priorità għall-osservatorju.

4.3

Minħabba li aspetti oħrajn – bħall-appoġġ għal oqsma ta' interess partikolari jew għajnuna statali – diġà ġew affrontati, il-Kumitat jirrakomanda wkoll li l-osservatorju jikkunsidra l-indirizzar ta' l-ambjent fiskali fis-settur awdjoviżiv (inklużi l-films).

4.4

Huwa essenzjali li l-osservatorju għandu jibqa' jopera fuq bażi normali sakemm ma tkun tista' tiġi adottata strateġija ġdida u mdaħħla fis-seħħ fl-2006.

4.5

Madankollu, il-Kumitat iħoss li strateġija ġdida tista' teħtieġ żieda fil-budget lil hinn mil-livelli preżenti, mhux inqas b'perspettiva li tingħata importanza iktar b'saħħitha fil-multimedia u l-films.

5.   Konklużjonijiet

5.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex testendi l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew għal sentejn minħabba li din tgħin biex jittejjeb it-trasferiment ta' l-informazzjoni ekonomika u legali, billi tipprovdi perspettiva iktar ċara tas-suq u billi tippromwovi t-trasparenza u l-investimenti fl-infrastruttura.

5.2

Il-Kumitat jisħaq (4) l-importanza prinċipali strateġika tas-settur awdjoviżiv ta' l-UE u l-impatt tiegħu fuq il-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-progress rapidu u kontinwu ta' l-industriji u setturi awdjoviżivi madwar id-dinja iwassal għad-disponibbiltà ta' informazzjoni statistika b'saħħitha dwar dan is-settur li kull ma jmur qed isir aktar importanti u strateġiku.

5.3

Il-Kumitat jisħaq (5) ukoll li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Soċjetà ta' l-Informatika biex tgħin il-kordinazzjoni ta' inizzjattivi varji fil-qasam tal-konverġenza tal-multimedia u biex ittejjeb l-iskop għal iktar azzjoni prattika fil-qasam tal-kultura sabiex il-kultura u l-identità Ewropea jkunu mħarsa u jiġu mogħtija dimensjoni politika.

Brussel, it-2 ta' Ġunju 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  ĠU L 307, 2.12.1999, p. 61

(2)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784 KE; COM (2002) 619 finali

(3)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE tat-22 ta' Novembru 1999 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

(4)  Ara l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Fondi ta' Garanzija Ewropej għall-promozzjoni taċ-ċinema u tal-produzzjoni televiżiva, ĠU C 204, 15.7.1996, p. 5

(5)  Ara l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (COM(1999) 111 finali - 99/0066 (CNS))