23.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 20/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUCAP NESTOR/1/2013

tal-11 ta' Jannar 2013

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini ta' Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

(2013/41/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2012/389/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà ("KPS") biex jieħu deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet għall-EUCAP NESTOR minn Stati terzi u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri ("KtK").

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 stabbilixxew il-prinċipji gwida u l-arranġamenti għall-kontribut minn Stati terzi għall-missjonijiet tal-pulizija. Fl-10 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill approva d-dokument bit-titlu "Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet" li kompla jiżviluppa l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet ċivili ta' maniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta' KtK.

(3)

Il-KtK għandu jkun forum għad-diskussjoni tal-problemi kollha relatati mal-ġestjoni tal-EUCAP NESTOR mal-Istati Terzi li jikkontribwixxu. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUCAP NESTOR, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   B'dan huwa stabbilit Kumitat ta' Kontributuri ("KtK") għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini ta' Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR).

2.   It-termini ta' referenza tal-KtK huma stabbiliti fid-dokument bit-titolu "Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet".

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-membri tal-KtK għandhom ikunu kif ġej:

rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, u

rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fil-missjoni u li jipprovdu kontribuzzjonijiet,

2.   Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jista' wkoll jattendi għal-laqgħat tal-KtK.

Artikolu 3

Informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni

Il-KtK għandu jirċievi regolarment informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

President

Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-KtK għandu jitlaqqa' mill-President fuq bażi regolari. Fejn iċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.

2   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (2), ir-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni ta' sigurtà adegwata.

2.   Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta' segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

O. SKOOG


(1)   ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40.

(2)   ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.