9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 199/2012

tat-8 ta’ Marzu 2012

li jiffissa l-valuri standard li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-kumpens finanzjarju u l-ħlas bil-quddiem li għandu x’jaqsam miegħu fir-rigward tal-prodotti tas-sajd irtirati mis-suq tul is-sena tas-sajd 2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(5) u (8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 jipprovdi biex jitħallas kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirtiraw taħt ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti elenkati fil-partijiet A u B tal-Anness I għal dak ir-Regolament. L-ammont ta’ kumpens finanzjarju bħal dan għandu jkun imnaqqas bil-valuri standard fil-każ tal-prodotti maħsuba għal skopijiet għajr dak tal-konsum mill-bniedem.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2493/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-eliminazzjoni [ir-rimi] ta’ ċerti prodotti tas-sajd li jkunu ġew irtirati mis-suq (2) jispeċifika l-modi ta’ kif wieħed jista’ jarmi l-prodotti rtirati mis-suq. Il-valur ta’ dawn il-prodotti għandu jkun iffissat fuq livell standard għal kull wieħed minn dawn il-modi ta’ rimi, billi jitqies id-dħul medju li jista’ jinkiseb minn dan ir-rimi fl-Istati Membri varji.

(3)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2509/2000 tal-15 ta’ Novembru 2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-għoti ta’ kumpens finanzjarju għall-irtirar ta’ ċerti prodotti tas-sajd (3), ir-regoli speċjali jipprovdu li, meta organizzazzjoni tal-produtturi jew wieħed mill-membri tagħha jqiegħed il-prodotti tiegħu għall-bejgħ fi Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż li fih ikun irrikonoxxut, dak il-korp responsabbli għall-għoti tal-kumpens finanzjarju jrid ikun infurmat. Dan il-korp huwa dak fl-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun rikonoxxuta. Il-valur standard li għandu jitnaqqas għandu għalhekk ikun il-valur applikat f’dak l-Istat Membru.

(4)

L-istess metodu ta’ kalkolu għandu jkun applikat għall-ħlasijiet bil-quddiem fuq kumpens finanzjarju kif ipprovdut fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2509/2000.

(5)

Sabiex ma tkunx imxekkla l-operazzjoni tas-sistema ta’ intervent fis-sena 2012, dan ir-Regolament għandu japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2012.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Prodotti tas-Sajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għas-sena tas-sajd 2012, il-valuri standard li jridu jintużaw biex jiġi kkalkulat il-kumpens finanzjarju u l-ħlasijiet bil-quddiem marbuta miegħu fuq il-prodotti tas-sajd irtirati mis-suq minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u maħsuba għal skopijiet għajr dak tal-konsum mill-bniedem, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-valur standard li jrid jitnaqqas mill-kumpens finanzjarju u l-ħlasijiet bil-quddiem marbuta miegħu għandu jkun dak applikat fl-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun rikonoxxuta.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

(2)   ĠU L 337, 20.12.2001, p. 20.

(3)   ĠU L 289, 16.11.2000, p. 11.


ANNESS

Valuri standard

L-użu ta’ prodotti rtirati mis-suq

EUR/tunnellata

1.

Użu wara l-ipproċessar f’ikel (għalf għall-annimali):

 

(a)

Aringi tal-ispeċi Clupea harengus u kavalli tal-ispeċi Scomber scombrus u Scomber japonicus:

 

id-Danimarka u l-Isvezja

50

ir-Renju Unit

50

Stati Membri oħra

15

Franza

2

(b)

Gambli tal-ispeċi Crangon crangon u gambli kbar tal-fond (Pandalus borealis)

 

id-Danimarka u l-Isvezja

0

Stati Membri oħra

10

(c)

Prodotti oħrajn:

 

id-Danimarka:

40

l-Isvezja, il-Portugall u l-Irlanda

20

ir-Renju Unit

20

Stati Membri oħra

1

2.

Użu frisk jew ippriservat (għalf għall-annimali)

 

(a)

Sardin tal-ispeċi Sardina pilchardus u inċovi (Engraulis spp.):

 

l-Istati Membri kollha

8

(b)

Prodotti oħra:

 

l-Isvezja

0

Franza

25

Stati Membri oħra

30

3.

Użu bħala lixka

 

Franza

55

Stati Membri oħra

20

4.

Użu għal skopijiet oħra għajr għall-għalf għall-annimali

0