19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ġunju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari tal-1999

(2012/311/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 214(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari tal-1999 (FAC) ġiet konkluża mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE (1), u estiża permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

(2)

L-FAC attwali tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012 u l-kwistjoni dwar hix possibbli l-estensjoni tagħha se tkun indirizzata fis-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2012.

(3)

Skont l-Artikolu XXV(b) tal-FAC, l-estensjoni tagħha hija kondizzjonali fuq li l-Konvenzjoni dwar in-Negozju taż-Żrieragħ tal-1995 tibqa’ fis-seħħ. Fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ iddeċieda li jestendi l-Konvenzjoni dwar in-Negozju taż-Żrieragħ 1995 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

(4)

Waqt is-sessjoni nru 103 tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-membri tiegħu qablu li jibdew il-proċess formali ta’ negozjar mill-ġdid tal-FAC, b’sensiela ta’ sessjonijiet ta’ negozjati.

(5)

Minħabba li l-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari, li ser tissuċċedi lill-FSC tidħol fis-seħħ biss nhar l-1 ta’ Jannar 2013, ser ikun hemm lakuna ta’ sitt xhur bejn l-iskadenza tal-FAC u d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari l-ġdida.

(6)

Waqt il-105 sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari tat-30 ta’ Novembru 2011, il-Partijiet tal-FAC qablu li għandu jiġi evitat dħul ġo xulxin mal-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari ġdida u li l-qabża ta’ sitt xhur hija preferibbli minn estensjoni tal-FAC.

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea, li tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, għandha għalhekk tiġi awtorizzata biex topponi kunsens li jiffavorixxi estensjoni fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari għandha tkun li topponi kunsens fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, li jiffavorixxi estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tesprimi din il-pożizzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)   ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.