|
31.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ April 2012
dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma
(2012/283/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Wara sensiela ta’ negozjati, fl-14 ta’ Lulju 2011 il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (“il-Grupp”) qablu dwar it-test tal-emendi fil-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp. |
|
(2) |
L-Unjoni hija parti mill-Grupp. |
|
(3) |
Dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li kienu membri tal-Grupp ressqu avviżi formali ta’ rtirar u rtiraw mill-Grupp mill-1 ta’ Lulju 2011. |
|
(4) |
L-adozzjoni tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp hija indispensabbli sabiex ikunu kkonfermati l-Kwartieri Ġenerali l-ġodda tal-Grupp u sabiex isiru dispożizzjonijiet espliċiti dwar l-istatus tal-Unjoni ġewwa l-Grupp, kif ukoll biex jiġu allinjati mill-ġdid l-istruttura organizzattiva, il-kontribuzzjonijiet baġitarji u l-proċeduri deċiżjonali. |
|
(5) |
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp ġie awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/664/UE (1) li tipprevedi wkoll għall-applikazzjoni tagħhom fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom. |
|
(6) |
Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp għandhom jiġu approvati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (“il-Grupp”) huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.
It-testi tal-Kostituzzjoni u tar-Regoli ta’ Proċedura emendati ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jagħżel il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jikkonfermaw bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp il-qbil tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati.
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Grupp kif stabbilit bl-Artikolu IX tal-Kostituzzjoni emendata.
L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
N. WAMMEN