|
10.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/42 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1288/2011
tad-9 ta’ Diċembru 2011
dwar in-notifika ta’ prezzijiet bl-ingrossa għall-banana fl-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 192 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2014/2005 tad-9 ta’ Diċembru 2005 dwar il-liċenzji taħt l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana lejn il-Komunità fir-rigward tal-banana li tkun tqiegħdet f’ċirkulazzjoni ħielsa bir-rata tad-dazju tat-tariffa doganali komuni (2), mill-1 ta’ Jannar 2012 huwa mħassar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1287/2011 (3). Fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 2014/2005 hemm id-dispożizzjonijiet dwar in-notifiki tal-prezzijiet bl-ingrossa għall-banana s-safra. |
|
(2) |
Sabiex is-suq tal-banana jkompli jiġi mmonitorjat, huwa xieraq li jiġu pprovduti n-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward il-prezzijiet bl-ingrossa tal-banana s-safra li taqa’ fil-kodiċi tan-NM 0803 90 10 , skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-Gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (4). |
|
(3) |
Sabiex tkun żgurata l-konsistenza mas-settur tal-frott u l-ħaxix, huwa xieraq li jiġu rreġistrati l-prezzijiet bl-ingrossa tal-banana s-safra fuq is-swieq rappreżentattivi elenkati fl-Anness XVII għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat (5). |
|
(4) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni sal-Erbgħa ta’ kull ġimgħa dwar il-prezzijiet bl-ingrossa tal-banana s-safra li taqa’ fil-kodiċi tan-NM 0803 90 10 , imqassma skont il-pajjiż tal-oriġini jew il-grupp tal-pajjiżi tal-oriġini, kif irreġistrati fil-ġimgħa ta’ qabel fis-swieq rappreżentattivi elenkati fl-Anness XVII għar-Regolament (UE) Nru 543/2011.
In-notifiki msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 324, 10.12.2005, p. 3.
(3) Ara paġna 41 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.