|
7.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 324/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ EUTM SOMALIA/2/2011
tas-6 ta’ Diċembru 2011
dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia)
(2011/814/PESK)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (1) (EUTM Somalia) u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) sabiex jieħu deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri (KtK) għal EUTM Somalia. |
|
(2) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002 stabbilixxew l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u fl-istabbiliment ta’ KtK. |
|
(3) |
Il-KtK ser ikollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ EUTM Somalia. Huwa ser ikun il-forum prinċipali fejn l-Istati li qed jagħtu kontribut kollettivament jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-użu tal-forzi tagħhom fil-missjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni, ser iqis il-fehmiet espressi mill-KtK. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka, għalhekk, ma tieħux sehem fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u fil-finanzjament ta’ EUTM Somalia, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment u termini ta’ referenza
Huwa b’dan stabbilit Kumitat ta’ Kontributuri (KtK) għall-missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia). It-termini ta’ referenza tiegħu huma stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002.
Artikolu 2
Kompożizzjoni
1. Il-membri tal-KtK għandhom ikunu kif ġej:
|
— |
rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, u |
|
— |
rappreżentanti tal-Istati terzi parteċipanti fil-missjoni u li jipprovdu kontributi militari sinifikattivi, kif imsemmi fl-Anness, |
2. Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jattendu għal-laqgħat tal-KtK.
3. Jistgħu jiġu mistiedna terzi persuni għal partijiet rilevanti tad-diskussjoni, skont il-każ.
Artikolu 3
Presidenza
Il-KtK għandu jiġi ppresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha f’konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (CEUMC) jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.
Artikolu 4
Laqgħat
1. Il-KtK għandu jitlaqqa’ mill-President fuq bażi regolari. Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta’ emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta’ membru.
2. Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda proviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Għandu jiġi ċċirkolat sommarju tal-laqgħa wara kull laqgħa.
Artikolu 5
Proċedura
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 u għall-kompetenzi tal-KPS u għar-responsabbiltajiet tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE,
|
— |
għandha tkun meħtieġa l-unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati li jikkontribwixxu għall-missjoni sabiex il-KtK jieħu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni, |
|
— |
għandha tkun meħtieġa l-unanimità tal-membri tal-KtK sabiex il-KtK jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar aġġustamenti possibbli għall-ippjanar operattiv, inklużi aġġustamenti possibbli għall-objettivi. |
L-astensjoni ta’ membru tal-KtK m’għandhiex tipprekludi l-unanimità.
2. Il-President għandu jistabbilixxi li l-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati intitolati li jieħdu sehem fil-deliberazzjonijiet tkun preżenti.
3. Il-kwistjonijiet proċedurali kollha għandhom jiġu riżolti b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-KtK preżenti fil-laqgħa.
4. Id-Danimarka m’għandha tieħu sehem f’ebda deċiżjoni tal-KtK.
Artikolu 6
Kunfidenzjalità
1. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2), ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adegwata.
2. Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta’ segretezza professjonali, dment li l-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà
Il-President
O. SKOOG
ANNESS
Lista tal-Istat(i) terz(i) msemmi(jin) fl-artikolu 2(1), it-tieni inċiż
|
— |
Serbja |