7.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/10


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Settembru 2011

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/008 AT/AT&S mill-Awstrija)

(2011/653/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-ambitu tal-FEG twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ lil ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)

L-Awstrija ressqet applikazzjoni fil-11 ta’ Marzu 2010 għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji fl-intrapriża AT&S u ssupplementatha b’informazzjoni addizzjonali sat-22 ta’ Frar 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat proposta biex timmobilizza l-ammont ta’ EUR 1 221 128.

(5)

Għalhekk, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Awstrija,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 221 128 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)   ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.