1.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Awwisu 2011

dwar ir-rikonoxximent tal-Marokk skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 6020)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/520/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba ta’ Ċipru tat-13 ta’ Mejju 2005,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japprovaw iċ-ċertifikati x-xierqa tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi, dejjem jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi jridu jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978 (il-Konvenzjoni STCW) (2), kif irriveduta fl-1995.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2005, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu li l-Marokk jiġi rrikonoxxut. Wara dik it-talba ta’ Ċipru, il-Kummissjoni vvalutat is-sistemi tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni fil-Marokk sabiex tivverifika jekk il-Marokk jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri x-xierqa biex ikun evitat il-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Diċembru tal-2006. Matul dik l-ispezzjoni ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fis-sistemi tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni tat rapport lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(4)

Permezz ta’ ittri tal-4 ta’ Frar 2009 u tad-9 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Marokk jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw.

(5)

Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Mejju 2009, tad-29 ta’ Mejju 2009, tat-2 ta’ April 2010 u tal-4 ta’ Jannar 2011, il-Marokk ta t-tagħrif u l-provi mitlubin dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati ħafna min-nuqqasijiet identifikati matul il-valutazzjoni ta’ konformità.

(6)

In-nuqqasijiet li fadal għandhom x’jaqsmu, minn naħa, ma’ dispożizzjonijiet legali neqsin dwar it-tagħmir għat-taħriġ u dwar il-kwalifiki u t-taħriġ tal-għalliema u tal-assessuri u, min-naħa l-oħra, man-nuqqas ta’ tagħmir għat-taħriġ fl-istitut ewlieni tal-Marokk għat-taħriġ u l-edukazzjoni marittima. Għalhekk il-Marokk ġie mistieden jimplimenta aktar azzjoni korrettiva b’rabta ma’ dan. Madankollu, dawn in-nuqqasijiet ma jwasslux biex iqajmu dubji dwar il-livell ġenerali ta’ konformità tal-Marokk mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

(7)

Ir-riżultati tal-valutazzjoni ta’ konformità u tal-evalwazzjoni tat-tagħrif mibgħut mill-Marokk juru li l-Marokk jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u li huwa ħa l-miżuri x-xierqa biex ikun evitat il-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Għalhekk huwa għandu jiġi rrikonoxxut mill-Kummissjoni.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Marokk huwa rrikonoxxut, għall-għanijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.