5.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Frar 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea

(2011/209/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat Memorandum ta’ Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem il-“Memorandum”fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u l-Anness 1 għalih dwar il-kooperazzjoni SESAR-NEXTGEN għall-interoperabbiltà globali, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2009 li tawtoriżża lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati.

(2)

Il-Memorandum u l-Anness 1 ġew inizjalati fit-18 ta’ Ġunju 2010.

(3)

Il-Memorandum u l-Anness 1 għandhom jiġu ffirmati u applikati proviżorjament, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tal-Memorandum;

(4)

Jeħtieġ li jiġu stipulati arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Memorandum, ir-riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil u t-terminazzjoni ta’ Annessi u Appendiċijiet għall-Memorandum,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea u l-Anness 1 tiegħu huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Memorandum.

It-testi tal-Memorandum u tal-Anness 1 huma mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Memorandum u l-Anness 1 tiegħu f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Memorandum għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-Unjoni mid-data tal-firma tiegħu.

Artikolu 4

1.   L-Unjoni għandha tkun rappreżentata fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu III tal-Memorandum mill-Kummissjoni, assistita minn rappreżentanti tal-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill, għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, inkluż fir-rigward ta’:

(a)

L-adozzjoni ta’ Annessi addizjonali għall-Memorandum u l-Appendiċijiet tagħhom;

(b)

L-adozzjoni ta’ emendi għall-Annessi għall-Memorandum u l-Appendiċijiet tagħhom.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa skont l-Artikoli II (B), IV, V, VII u VIII tal-Memorandum.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tirrapreżenta lill-Unjoni fil-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu XI tal-Memorandum.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Memorandum.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FELLEGI T.


TRADUZZJONI

MEMORANDUM TA’ KOOPERAZZJONI

NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea


BILLI l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea għandhom bħala skop komuni l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp tal-avjazzjoni ċivili; u

BILLI kooperazzjoni bħal din għandha tħeġġeġ l-iżvilupp u s-sikurezza tal-ajrunawtika ċivili fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea;

ISSA GĦALHEKK, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewopea (kollettivament, il-“Partijiet,” u individwalment, “Parti”) qablu li jwettqu programmi konġunti skont it-termini u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu I

Għan

A.

Dan il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, inkluż l-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu (il-“Memorandum”), jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni reċiproka fil-promozzjoni u l-iżvilupp tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili. B’dan l-iskop il-Partijiet jistgħu, suġġett għad-disponibbiltà ta’ fondi xierqa u riżorsi neċessarji oħra, jipprovdu persunal, riżorsi, u servizzi relatati biex jikkooperaw sal-livell li huwa mitlub fl-Anness u l-Appendiċijiet għal dan il-Memorandum.

B.

L-għanijiet ta’ dan il-Memorandum jistgħu jinkisbu permezz ta’ kooperazzjoni fi kwalunkwe qasam li ġej:

1.

L-iskambju ta’ tagħrif rigward programmi u proġetti, riċerka riżultati, jew pubblikazzjonijiet;

2.

It-twettieq ta’ analiżi konġunta;

3.

Il-koordinazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp, u t-twettieq tagħhom abbażi ta’ sforz kondiviż;

4.

L-iskambju ta’ persunal xjentifiku u tekniku;

5.

L-iskambju ta’ tagħmir, softwer, u sistemi speċifiċi għal riċerka attivitajiet u studji ta’ kompatibbiltà;

6.

L-organizzazzjoni konġunta ta’ simpożja jew konferenzi; u

7.

Konsultazzjonijiet reċiproċi bil-għan li tiġi stabbilita azzjoni kkoordinata fil-korpi internazzjonali xierqa.

C.

Suġġett għal-liġijiet, regolamenti u politiki applikabbli, iskont kif ikunu emendati jew modifikati, il-Partijiet għandhom irawmu, sal-limitu possibbli, l-involviment ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont dan il-Memorandum bil-għan li jipprovdu opportunitajiet komparabbli għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp. Il-Partijiet għandhom jinvolvu parteċipanti fl-attivitajiet kooperattivi, li għandhom jitwettqu fuq bażi reċiproka skont il-prinċipji li ġejjin:

1.

Benefiċċju reċiproku;

2.

Opportunitajiet komparabbli ta’ involviment f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni;

3.

Trattament ekwu u ġust;

4.

Skambju f’waqtu ta’ tagħrif li jista’ jaffettwa l-attivitajiet kooperattivi; u

5.

Trasparenza.

D.

Attivitajiet kooperattivi bħal dawn għandhom jitwettqu skont l-Annessi u l-Appendiċijiet speċifiċi ddefiniti fl-Artikolu II.

Artikolu II

Implimentazzjoni

A.

Dan il-Memorandum għandu jiġi implimentat permezz ta’ Annessi u Appendiċijiet speċifiċi għal dan il-Memorandum. Dawn l-Annessi u l-Appendiċijiet għandhom jispjegaw, kif xieraq, in-natura u l-perjodu ta’ żmien ta’ kooperazzjoni għal qasam jew skop speċifiku, it-trattament tal-propjetà intellettwali, responsabbiltà, finanzjament, allokazzjoni ta’ spejjeż, u kwistjonijiet rilevanti oħra. Sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor, f’każ ta’ inkompatibbiltà bejn dispożizzjoni f’Anness jew Appendiċi u dispożizzjoni f’dan il-Memorandum, id-dispożizzjoni fil-Memorandum għandha tieħu preċedenza.

B.

Rappreżentanti mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Unjoni Ewropea għandhom jiltaqgħu perjodikament biex:

1.

jiddiskutu proposti għal attivitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni; u

2.

jirrevedu l-istatus ta’ attivitajiet li għadhom għaddejin u li jkunu qed jitwettqu skont Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum.

C.

Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ attivitajiet kooperattivi skont dan il-Ftehim għandhom jitwettqu f’isem il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika mill-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni u f’isem l-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni Ewropea.

D.

L-uffiċċju magħżula għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ dan il-Memorandum, u fejn għandhom isiru t-talbiet għal servizzi li jaqgħu taħt dan il-Memorandum, huma:

1.

Għall-Istati Uniti tal-Amerika:

Federal Aviation Administration

Office of International Aviation

Wilbur Wright Bldg., 6th Floor, East

600 Independence Ave., S.W.

Washington, D.C.

20591 - USA

In-numru tat-telefown: +1-202-385-8900

Faks: +1-202-267-5032

2.

Għall-Unjoni Ewropea:

European Commission

Directorate-General for Mobility and Transport

Directorate General for Air Transport

1040 Brussels, Belgium

In-numru tat-telefown: +32-2-2968430

Faks: +32-2-2968353

E.

Għandhom jiġu stabbiliti programmi tekniċi ta’ kollaborazzjoni għal attivitajiet speċifiċi kif indikat fl-Annessi u l-Appendiċijiet għal dan il-Memorandum.

Artikolu III

Ġestjoni Eżekuttiva

A.

Il-Partijiet, b’dan jistabbilixxu Kumitat Konġunt, li ser ikun responsabbli biex jiżgura l-funzjonament effettiv ta’ dan il-Memorandum u għandu jiltaqa’ regolarment biex jevalwa l-effettività tal-implimentazzjoni tiegħu.

B.

Il-Kumitat Konġunt għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’:

1.

L-Istati Uniti tal-Amerika, li għandha tkun l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA, kopresidenza), u

2.

L-Unjoni Ewropea, li għandha tkun il-Kummissjoni Ewropea (kopresidenza)assistita minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

C.

Il-Kumitat konġunt jista’ jistieden il-parteċipazzjoni ta’ esperti f’suġġetti speċifiċi fuq bażi ad hoc. Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma tekniċi u jissorvelja l-ħidma tagħhom u l-ħidma ta’ kumitati u gruppi stabbiliti fl-Annessi u l-Appendiċi speċifiċi. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżviluppa u jadotta proċeduri interni ta’ ggvernar.

D.

Id-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat Konġunt għandhom jittieħdu b’kunsens taż-żewġ Partijiet, li jiffurmaw il-Kumitat Konġunt. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bil-miktub u ffirmati mir-rappreżentanti tal-Kumitat Konġunt.

E.

Il-Kumitat Konġunt jista’ jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-funzjonament ta’ dan il-Memorandum u l-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu. B’mod partikolari għandu jkun responsabbli biex:

1.

jipprovdi forum għal diskussjoni, fi ħdan l-ambitu ta’ dan il-Memorandum u tal-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu, ta’:

a.

kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu u bidliet li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Memorandum u tal-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu;

b.

approċċi komuni għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u proċeduri, proċeduri u programmi ta’ riċerka u evalwazzjoni, u oqsma oħra ta’ interess reċiproku; u

c.

abbozz ta’ regolamenti u leġiżlazzjoni minn kwalunkwe Parti li jistgħu jaffetwaw l-interessi tal-Parti l-oħra, fi ħdan l-ambitu ta’ dan il-Memorandum u tal-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu;

2.

kif xieraq, jadotta Annessi għal dan il-Memorandum u Appendiċijiet tiegħu;

3.

kif xieraq, jadotta emendi għal Annessi għal dan il-Memorandum u l-Appendiċijiet tiegħu; u

4.

jagħmel proposti lill-Partijiet, kif ikun xieraq, sabiex jemendaw mod ieħor dan il-Memorandum.

Artikolu IV

Skambju ta’ persunal

Il-Partijiet jisgħu jisambjaw persunal tekniku kif meħtieġ biex iwettqu l-attivitajiet deskritti f’Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum. L-iskambji kollha bħal dawn għandhom ikunu f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Memorandum, l-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu. Il-persunal tekniku skambjat mill-Partijiet għandu jwettaq il-ħidma skont kif hemm speċifikat fl-Anness jew l-Appendiċi. Persunal tekniku bħal dan jista’ jkun minn aġenziji jew kuntratturi mill-Istati Uniti tal-Amerika jew mill-Unjoni Ewropea, kif miftiehem reċiprokament.

Artikolu V

Arranġamenti għal self ta’ tagħmir

Jista’ jiġi msellef tagħmir minn Parti waħda (il-“Parti li Tislef”) lill-Parti l-oħra (il-“Parti li Tissellef”) skont Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw għas-self kollu ta’ tagħmir sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’xi Anness jew Appendiċi:

A.

Il-Parti li Tislef għandha tidentifika l-valur tat-tagħmir li qed jiġi msellef.

B.

Il-Parti li Tissellef għandha tassumi kustodja u pussess tat-tagħmir fil-faċilità tal-Parti li Tislef kif magħżula mill-Partijiet fl-Anness jew l-Appendiċi. It-tagħmir għandu jibqa’ fil-kustodja u l-pussess tal-Parti li Tissellef sakemm jasal lura għand il-Parti li Tislef skont il-paragrafu H ta’ hawn taħt.

C.

Il-Parti li Tissellef għandha, fuq spejjeż tagħha, tittrasporta kwalunkwe tagħmir fil-faċilità magħżula mill-Partijiet fl-Anness jew l-Appendiċi.

D.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżuraw ruħhom minn kwalunkwe liċenzji ta’ esportazzjoni u dokumenti oħra meħtieġa għall-ġarr tat-tagħmir.

E.

Il-Parti li Tissellef għandha tkun reponsabbli mill-installazzjoni tat-tagħmir fil-faċilità magħżula mill-Partijiet fl-Anness jew l-Appendiċi. Il-Parti li Tislef għandha, jekk neċessarju, tipprovdi assistenza lill-Parti li Tissellef għall-installazzjoni tat-tagħmir misluf abbażi tat-termini miftiehma mill-Partijiet.

F.

Matul il-perjodu tas-self, il-Parti li Tissellef għandha tħaddem u żżomm it-tagħmir f’kundizzjoni xierqa, tiżgura l-operabbiltà kontinwa tat-tagħmir, u tippermetti spezzjoni mill-Parti li Tislef f’kwalunkwe ħin raġjonevoli.

G.

Il-Parti li Tislef għandha tassisti lill-Parti li Tissellef biex jinstabu sorsi ta’ fornimenti għal oġġetti komuni u partijiet speċjali li mhumiex disponibbli faċilment għall-Parti li Tissellef.

H.

Mal-iskadenza jew it-terminazzjoni tal-Anness jew l-Appendiċi pertinenti jew dan il-Memorandum, jew meta tlesti mill-użu tat-tagħmir, il-Parti li Tissellef għandha tirritorna t-tagħmir lill-Parti li Tislef għas-spejjeż tal-Parti li Tissellef.

I.

F’każ ta’ telf jew ħsara ta’ kwalunkwe tagħmir imsellef skont dan il-Memorandum u li għalih il-Parti li Tissellef tkun assumiet kustodja u pussess, il-Parti li Tissellef, fid-diskrezzjoni tal-Parti li Tislef, għandha ssewwi jew tagħti kumpens lill-Parti li Tislef għall-valur (kif identifikat mill-Parti li Tislef fil-paragrafu A ta’ hawn fuq) tat-tagħmir mitluf jew bil-ħsara.

J.

Kwalunkwe tagħmir skambjat skont dan il-Memorandum għandu jsir biss għal skopijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ validazzjoni u ma għandux jintuża fi kwalunkwe mod ikun xi jkun għall-avjazzjoni ċivili attiva jew użu operattiv ieħor.

K.

Kwalunkwe trasferimenti ta’ teknoloġija, tagħmir jew oġġetti oħra skont dan il-Memorandum għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u l-politiki applikabbli tal-Partijiet.

Artikolu VI

Finanzjament

A.

Sakemm speċifikat mod ieħor f’Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum, kull Parti għandha ġġor l-ispejjeż tal-attivitajiet li twettaq skont dan il-Memorandum.

B.

Il-Memorandum bin-numru NAT-I-9406 ġie assenjat mill-Istati Uniti tal-Amerika biex jidentifika dan il-programm kooperattiv u għandha ssir referenza għalih fil-korrispondenza kollha li tirrelata ma’ dan il-Memorandum.

Artikolu VII

Rilaxx ta’ tagħrif

A.

Ħlief kif rikjest bil-liġi applikabbli jew bi ftehim bil-miktub minn qabel bejn il-Partijiet, l-ebda Parti ma għandha tirrilaxxa kwalunkwe tagħrif jew materjal pertinenti għall-kompiti jew relatat mal-programmi miftiehma skont dan il-Memorandum u l-Annessi u l-Appendiċi tiegħu lil Partijiet terzi ħlief (i) kuntratturi jew sottokuntratturi involuti fil-kompiti jew il-programmi sakemm ikun meħtieġ biex jitwettqu dawk il-kompiti u l-programmi; jew (ii) awtoritajiet governattivi oħra tal-Partijiet.

B.

Jekk waħda mill-Partijiet issir taf li, skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha, mhijiex se tkun, jew li b’mod raġonevoli jista’ jiġi mistenni li mhijiex se tibqa’ kapaċi li tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità ta’ dan l-Artikolu, din għandha tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra qabel l-iżvelar. Wara dan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jidentifikaw pjan ta’ azzjoni xieraq.

Artikolu VIII

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali

A.

Parti li tipprovdi proprjetà intellettwali (li għal skopijiet ta’ dan il-Memorandum tinkludi analżi, rapporti, bażijiet ta’ dejta, softwer, know-how, tagħrif tekniku u kummerċjalment sensittiv, dejta, u reġistri, u dokumentazzjoni u materjali relatati, indipendentament mit-tip jew il-midja li fuqha hija rreġistrata) lill-Parti l-oħra skont it-termini ta’ Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum għandha żżomm dawk id-drittijiet proprjetarji tal-proprjetà intellettwali kif kellha meta sar l-iskambju. Il-Parti li tipprovdi dokument jew proprjetà intellettwali oħra skont Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum għandha timmarka b’mod ċar id-dokument jew proprjetà intellettwali oħra bħala kunfidenzjali, jew sigriet kummerċjali, kif xieraq.

B.

Ħlief kif jista’ jkun hemm speċifikat f’Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum, il-Parti li tkun qed tirċievi l-proprjetà intellettwali mill-Parti l-oħra skont dan il-Memorandum:

1.

Ma għandha tikseb l-ebda drittijiet proprjetarji tal-proprjetà intellettwali minħabba li tkun irċivietha mingħand il-Parti l-oħra; u

2.

Ma għandhiex tiżvela l-proprjetà intellettwali lil xi parti terza, apparti minn kuntratturi jew sottokuntratturi involuti fi programm relatat ma’ Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum, mingħajr il-kunsens minn qabel bil- miktub tal-Parti l-oħra. F’każ ta’ żvelar lil kuntrattur jew sottokuntrattur involut fil-programm, il-Parti li qed tiżvela għandha:

a.

Tillimita l-użu tal-proprjetà intellettwali mill-kuntrattur jew is-sottokuntrattur għall-iskopijiet speċifikati fl-Anness jew l-Appendiċi applikabbli; u

b.

Tipprojbixxi l-iżvelar ulterjuri tal-proprjetà intellettwali lil partijiet terzi mill-kuntrattur jew sottokuntratturi ħlief meta l-Parti l-oħra tagħti l-kunsens tagħha bil-quddiem u bil-miktub għall-iżvelar ulterjuri.

C.

Ħlief fejn jista’ jkun speċifikat f’Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum, id-drittijiet proprjetarji ta’ kwalunkwe proprjetà intellettwali żviluppata b’mod konġunt mill-Partijiet skont dan il-Memorandum u l-Anessi u l-Appendiċijiet tiegħu għandhom ikun taż-żewġ Partijiet.

1.

Kull Parti għandha tkun intitolata għal dritt irrevokabbli, u mhux esklussiv fil-pajjiżi kollha biex tirriproduċi, tipprepara xogħlijiet derivattivi, tiddistribwixxi pubblikament, u tittraduċi din il-proprjetà intellettwali, sakemm tali riproduzzjoni, preparazzjoni, distribuzzjoni u traduzzjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-Parti l-oħra. Kull Parti jew l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni tagħha għandu jkollhom id-dritt li jirrevedu traduzzjoni qabel id-distribuzzjoni pubblika.

2.

Il-kopji kollha, iddistribwiti pubblikament, ta’ artikoli ta’ ġurnali xjentifiċi u tekniċi, rapporti xjentifiċi proprjetarji u kotba li ħerġin b’mod dirett mill-kooperazzjoni skont dan il-Memorandum u l-Annessi jew l-Appendiċi tiegħu għandhom jindikaw l-ismijiet tal-awturi tal-ħidma sakemm awtur espliċitament jirrifjuta li jissemma.

D.

Jekk Parti ma taqbilx mad-deżinjazzjoni ta’ dokument jew proprjetà intellettwali oħra pprovduta mill-Parti l-oħra skont Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum bħala kunfidenzjali, proprjetarja, jew sigriet kummerċjali, il-Parti li ma taqbilx mad-deżinjazzjoni għandha titlob għal konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra biex tiġi indirizzata l-kwistjoni. Il-Konsultazzjonijiet jistgħu isiru flimkien ma’ laqgħa tal-Kumitat Konġunt jew laqgħa ta’ kumitati oħra bħal dan skont kif jista’ hemm stabbilit f’xi Anness jew Appendiċi għal dan il-Memorandum.

Artikolu IX

Immunità u responsabbiltà

A.

Il-Partijiet għandhom jindirizzaw kwistjonijiet ta’ immunità u responsabbiltà assoċjati ma’ attivitajiet skont dan il-Memorandum fl-Anness jew l-Appendiċi rilevanti kif xieraq.

B.

Il-Partijiet jaqblu li l-attivitajiet kollha li qed isiru skont dan il-Memorandum u l-Annessi jew l-Appendiċijiet tiegħu għandhom jitwettqu b’attenzjoni professjonali xierqa u li għandu jsir kull sforz raġonevoli biex jiġu mminimizzati r-riskji potenzjali għal partijiet terzi u biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha ta’ sikurezza u superviżjoni.

Artikolu X

Emendi

A.

Il-Partijiet jistgħu jemedaw dan il-Memorandum, l-Annessi jew l-Appendiċijiet tiegħu. Il-Partijiet għandhom jiddokumentaw id-dettalji ta’ kull emenda tali bi ftehim bil-miktub iffirmat miż-żewġ Partijiet.

B.

L-emendi tal-Annessi jew l-Appendiċijiet għal dan il-Memorandum, adottati mill-Kumitat Konġunt, għandhom jidħlu fis-seħħ permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu III.D ta’ dan il-Memorandum, iffirmata mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt f’isem tal-Partijiet.

Artikolu XI

Riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil

Il-Partijiet għandhom jirriżolvu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Memorandum jew l-Annessi jew l-Appendiċijiet tiegħu permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet. Il-Partijiet ma għandhomx jirreferu tali nuqqas ta’ qbil għal tribunal internazzjonali jew parti terza biex tinstab risoluzzjoni.

Artikolu XII

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

A.

Fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Memorandum għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.

B.

Dan il-Memorandum għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew, u għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu tterminati.

C.

Kwalunkwe Anness jew Appendiċi individwali adottat mill-Kumitat Konġunt wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Memorandum għandu jidħol fis-seħħ permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu III.D ta’ dan il-Memorandum, iffirmati mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt f’isem tal-Partijiet.

D.

Kwalunkwe Parti tista’ ttemm dan il-Memorandum jew l-Annessi jew l-Appendiċijiet tiegħu fi kwalunkwe ħin billi jipprovdu notifika bil-miktub sittin (60) jum bil-quddiem lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni ta’ dan il-Memorandum ma għandiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikoli V, VII, VIII u IX. Kull Parti għandu jkollha mija u għoxrin (120) ġurnata biex tagħlaq l-attivitajiet tagħha wara t-terminazzjoni ta’ dan il-Memorandum jew l-Annessi jew l-Appendiċijiet tiegħu. It-terminazzjoni ta’ dan il-Memorandum għandha tittermina wkoll l-Annessi u l-Appendiċijiet kollha konklużi mill-partijiet skont dan il-Memorandum.

Artikolu XIII

Awtorità

L-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea jaqblu mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Memorandum kif indikat bil-firem tar-rappreżentanti tagħhom awtorizzati kif xieraq.

Magħmul f’Budapest, fit-tielet jum ta’ Marzu tas-sena elfejn u ħdax.

Għall-Istati Uniti tal-Amerika

Għall-Unjoni Ewropea

ANNESS 1

GĦALL-MEMORANDUM TA’ KOOPERAZZJONI NAT-I-9406 BEJN L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA U L-UNJONI EWROPEA KOOPERAZZJONI SERSAR-NEXTGEN GĦALL-INTEROPERABBILTÀ GLOBALI

BILLI SESAR u NextGen huma l-programmi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerika rispettivament għall-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

BILLI l-Impriża Konġunta SESAR ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 bl-iskop li tammaniġja l-fażi ta’ Żvilupp ta’ SESAR;

ISSA GĦALHEKK, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea (kollettivament, il-“Partijiet,” u individwalment, “Parti”) qablu kif ġej:

Artikolu I

Għan

L-iskop ta’ dan l-Anness huwa li jiġi implimentat il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea (il-Memorandum) billi jiġu stipulati t-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà globali bejn il-programmi ta’ modernizzazzjoni tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) rispettivi tagħhom, NextGen u SESAR, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-utenti tal-ispazju tal-ajru ċivili u militari.

Artikolu II

Definizzjonijiet

Bl-iskop ta’ dan l-Anness, it-terminu “validazzjoni” tfisser li jiġi kkonfermat, matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ żvilupp, li s-soluzzjoni proposta, inklużi l-kunċett, is-sistema, u l-proċeduri, tikkonforma mal-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.

Artikolu III

Prinċipji

Fi ħdan il-qafas tal-programmi NextGen u SESAR u skont il-prinċipji stipulati fl-Artikolu I.C tal-Memorandum, il-Partijiet għandhom:

A.

skont kif xieraq, jippermettu l-partiċipazzjoni mill-entitajiet governattivi u industrijali ta’ xulxin fil-korpi konsultattivi rilevanti tagħhom u l-inizjattivi industrijali rilevanti, skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, u r-regoli governattivi ta’ tali korpi u inizjattivi;

B.

jimpenjaw biex jipprovdu opportunitajiet lill-partijiet interessati industrijali ta’ xulxin biex jagħtu kontribut lil programmi ta’ ħidma u jaċċessaw tagħrif dwar, u riżultati ta’, programmi u proġetti ta’ żvilupp u riċerka ekwivalenti. u

C.

permezz tal-Kumitat ta’ Livell Għoli stabbilit skont l-Artikolu V ta’ dan l-Anness, jidentifikaw b’mod reċiproku, fl-hemżiet għal dan l-Anness (“Hemżiet”), id-dominji li jippermettu opportunitajiet speċifiċi għal parteċipazzjoni fil-korpi konsultattivi, inizjattivi, u proġetti u programmi ta’ riċerka ta’ kull Parti, partikolarment dawk id-dominji li jipprovdu għal kontribuzzjoni għal definizzjoni ta’ sistema ta’ livell għoli, bħall-interoperabbiltà, id-definizzjoni tal-arkitettura, u l-linja ta’ bażi teknika.

Il-Kumitat ta’ Livell Għoli għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u għandu jaġġorna l-Hemżiet skont kif meħtieġ.

Artikolu IV

L-għan tal-ħidma

A.   L-għan tal-ħidma huwa li jingħata kontribut għar-riċerka, l-iżvilupp, u l-validazzjoni tal-ATM għall-interoperabbiltà globali. Il-ħidma tista’ tinkludi l-attivitajiet stipulati f’paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, iżda mhijiex limitata għalihom.

1.   Attivitajiet Trasversali

L-attivitajiet trasversali jkopru dawk il-kompiti li mhumiex speċifiċi għall-iżvilupp operazzjonali jew tekniku speċifiku, iżda li għandhom interdipendenzi fil-Programmi SESAR u NextGen. Dawn l-attivitajiet huma ta’ importanza partikolati għall-kooperazzjoni, peress li kwalunkwe approċċ diverġenti potenzjalment għandu implikazzjonijiet materjali wesgħin għall-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà. F’dan il-qasam, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw:

a.

Il-kunċett u l-pjan tal-operazzjonijiet;

b.

Id-dispożizzjoni ta’ separazzjoni;

c.

L-ippjanar direzzjonali inkluż l-istandardizzazzjoni u r-regolamentazzjoni bil-għan li tiġi ffaċilitata s-sinkronizzazzjoni tal-implimentazzjoni;

d.

Il-każ tan-negozju u l-ippjanar tal-investiment;

e.

L-ambjent;

f.

Il-koordinazzjoni tal-sforzi tekniċi b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni globali u tal-ICAO fil-qasam tal-modernizzazzjoni tal-ATM;

g.

Is-sinkronizzazzjoni u l-konsistenza tal-pjanijiet avjoniċi, sabiex tiġi żgurata l-aqwa effiċjenza ekonomika għall-utenti tal-ispazju tal-ajru; u

h.

It-twassil koordinat ta’ bidliet tekniċi u operattivi li jiksbu/imantnu l-operazzjonijiet mingħajr xkiel minn perspettiva ta’ utent tal-ajru

2.   Ġestjoni ta’ Tagħrif

L-attenzjoni ewlenija fuq il-Ġestjoni ta’ Tagħrif hija li tiġi żgurata d-distribuzzjoni f’waqtha ta’ tagħrif preċiż u rilevanti li jikkonċerna l-ATM mal-komunità kollha tal-partijiet interessati b’mod mingħajr xkiel (interoperabbli), sigur u li jappoġġja t-teħid tad-deċiżjoni b’mod kollaborattiv. F’dan il-qasam, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw:

a.

L-interoperabbiltà tal-Ġestjoni tat-Tagħrif Mifruxa mas-Sistema kollha (SWIM);

b.

L-interoperabbiltà tal-Ġestjoni tat-Tagħrif Aeronawtiku (AIM); u

c.

L-iskambju ta’ tagħrif metereoloġiku.

3.   Ġestjoni tat-Trajettorja

Il-Ġestjoni tat-Trajettorja tinkludi l-iskambju mill-ajru għall-ajru u mill-ajru għall-art ta’ trajettorji b’erba’ dimensjonijiet (4D) li jeħtieġu approċċ konsistenti fit-terminoloġija, definizzjoni u skambju ta’ tagħrif ta’ titjiriet il-ħin kollu u fil-fażijiet kollha ta’ titjira. F’dan il-qasam, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw

a.

Definizzjoni u skambju komuni ta’ trajettorja;

b.

Ippjanar tat-titjira u aġġornamenti tal-pjan dinamiku tat-titjira;

c.

Ġestjoni tat-traffiku (inklużi l-integrazzjoni u t-tbassir tat-trajettorja);

d.

Integrazzjoni ta’ Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ fl-ATM; u

e.

Il-konverġenza tal-kunċetti ta’ SESAR u NextGen tal-operazzjonijiet, id-definizzjonijiet ta’ servizz u l-applikazzjonijiet tagħhom inklużi d-definizzjoni tat-trajettorja 4D u l-operazzjonijiet tal-format tal-iskambju.

4.   Komunikazzjonijiet, Navigazzjoni, Sorveljanza (CNS) u Interoperabbiltà fl-Ajru

CNS u l-interoperabbiltà fl-Ajru jinkludu l-ippjanar tat-tagħmir fl-ajru u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u sistemi interoperabbli b’mod reċiproku mill-ajru għall-ajru u mill-ajru għall-art. F’dan il-qasam, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw:

a.

L-interoperabbiltà fl-Ajru, li tinkludi:

i.

Sistema ta’ Prevenzjoni ta’ Ħabtiet fl-Ajru (ACAS);

ii.

Pjanijiet direzzjonali avjoniċi; u

iii.

Sistemi tal-Assistenza ta’ Separazzjoni fl-Ajru (ASAS) għal assistenza ta’ separazzjoni mill-ajru għall-ajru u mill-ajru għall-art.

b.

Komunikazzjonijiet, li jinkludu:

i.

Servizzi u teknoloġija Data-link u

ii.

Arkitettura ta’ komunikazzjoni flessibbli

c.

Navigazzjoni, li tinkludi:

i.

Navigazzjoni Abbażi ta’ Prestazzjoni u

ii.

Applikazzjonijiet ta’ Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) għal matul ir-rotta u l-approċċ, inkluż l-approċċ bi gwida vertikali.

d.

Sorveljanza, li tinkludi:

i.

Servizzi u teknoloġija ta’ Sorveljanza Awtomatika Dipendenti (ADS) u

ii.

Sorveljanza fl-art.

5.   Proġetti kollaborattivi

Il-Proġetti Kollaborattivi jinkludu proġetti ad hoc li għalihom il-Partijiet jaqblu li jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni ffokati. F’dan il-qasam, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw:

a.

l-Inizjattiva Atlantika għall-Interoperabbiltà biex Jitnaqqsu l-Emissjonijiet (AIRE) u

b.

it-titjib tal-monitoraġġ u l-individwazzjoni tal-pożizzjoni ta’ inġenju tal-ajru fuq reġjuni oċeaniċi u remoti.

B.   Il-Partijiet għandhom, skont il-ħtieġa, jipproduċu fuq bażi reċiproka, għall-iskambji bejniethom b’mod kemm individwali kif ukoll konġunt, rapporti li jiddiskrivu kunċetti ta’ użu, mudelli, prototipi, evalwazzjonijiet, eżerċizzji ta’ validazzjoni, studji komparattivi relatati mal-aspetti tekniċi u operazzjonali tal-ATM. L-evalwazzjonijiet u l-validazzjonijiet jistgħu jużaw firxa ta’ għodod bħal simulazzjonijiet u provi reali.

Artikolu V

Ġestjoni

Suġġett għad-disponibbiltà ta’ fondi, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu u jamminiġjaw proġetti u attivitajiet u għandhom jiżguraw li l-ħidma li tkun qed issir tibqa’ għaddejja b’mod pragmatiku, f’waqtha u orjentata mar-riżultat. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti l-livelli ta’ ġestjoni li ġejjin:

A.

Kumitat ta’ Livell Għoli, li għandu jkun kompost minn għadd indaqs ta’ parteċipanti mill-Kummissjoni Ewropea, li tista’ tiġi assistita mill-Impriża Konġunta SESAR, u mill-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA).

1.

Il-kopresidenza tal-Kumitat ta’ Livell Għoli għandha titwettaq minn rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni Ewropea u l-FAA Il-Kumitat ta’ Livell Għoli għandu jiltaqa’ mhux inqas minn darba fis-sena biex:

a.

jissorvelja l-kooperazzjoni SESAR-NextGen;

b.

jivvaluta r-riżultati miksuba;

c.

jiddeċiedi dwar il-varar ta’ proġetti u attivitajiet ġodda permezz ta’ proposta mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ddefinit aktar ’l isfel;

d.

jiddeċiedi dwar proposti għal Appendiċijiet jew emendi ġodda għall-Appendiċjiet għal dan l-Anness, li għandu jressaqhom lill-Kumitat Konġunt għall-approvazzjoni skont l-Artikolu III.D tal-Memorandum;

e.

jagħti struzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ddefinit aktar ’l isfel; u

f.

jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Artikolu III ta’ dan l-Anness u, skont kif meħtieġ, jikkonsulta dwar il-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni tal-industrija jew jirreferi l-kwistjonijiet lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Memorandum.

2.

Il-Kumitat ta’ Livell Għoli għandu jistabbilixxi l-proċeduri tiegħu ta’ ħidma u d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’kunsens bejn il-kopresidenti.

3.

Il-Kumitat ta’ Livell għoli għandu jirraporta lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu III tal-Memorandum.

B.

Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni, għandu jkun kompost minn għadd xieraq u limitat ta’ parteċipanti mill-Impriża Konġunta SESAR u mill-Organizzazzjoni tat-Traffiku tal-Ajru FAA, li t-tnejn li huma jistgħu jkunu assisititi minn esperti.

1.

Il-kopresidenza tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandha titwettaq minn rappreżentant wieħed mill-Impriża Konġunta SESAR u l-Organizzazzjoni tat-Traffiku tal-Ajru FAA. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena biex:

a.

iwettaq monitoraġġ tal-progress ta’ proġetti u attivitajiet konġunti li jkunu għaddejjin kif definit fl-Appendiċijiet;

b.

jiżgura t-twettiq effiċjenti tal-Appendiċijiet permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma ddefiniti hawn taħt;

c.

jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Artikolu III ta’ dan l-Anness;

d.

jipprepara r-rapporti lill-Kumitat ta’ Livell Għoli; jew

e.

jikkunsidra l-proposti għall-preżentazzjoni lill-Kumitat ta’ Livell Għoli, inkluż għal Appendiċijiet jew emendi ġodda għal Appendiċijiet għal dan l-Anness

2.

Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu jistabbilixxi l-proċeduri ta’ ħidma tiegħu u d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’kunsens bejn il-kopresidenti.

C.

Il-Gruppi ta’ Ħidma ddedikati għal proġetti jew attivitajiet speċifiċi deskritti fl-Appendiċijiet Kull Grupp ta’ Ħidma għandu jkun magħmul minn għadd xieraq u limitat ta’ parteċipanti. Il-Gruppi ta’ Ħidma għandhom jiltaqgħu skont il-ħtieġa, u għandhom ikunu konformi mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u għandhom jirraportaw lilu fuq bażi regolari.

Artikolu VI

Immunità u responsabbiltà

Il-Partijiet għandhom jindirizzaw kwistjonijiet ta’ immunità u responsabbiltà assoċjati ma’ attivitajiet skont dan l-Anness fl-Appendiċi rilevanti, kif xieraq.

Artikolu VII

Implimentazzjoni

A.   Il-ħidma kollha pprovvduta skont dan l-Anness għandha tiġi deskritta fl-Appendiċijiet, li fid-dħul fis-seħħ tagħhom, għandhom isiru parti minn dan l-Anness.

B.   Kull Appendiċi għandu jkun innumerat f’sekwenza u jkun fih deskrizzjoni tal-ħidma li għandha titwettaq mill-Partijiet jew l-entitajiet li jinnominaw biex iwettqu l-ħidma, inkluż il-post u t-tul ta’ żmien ippjanat tal-ħidma; il-persunal u r-riżorsi l-oħra rikjesti biex titwettaw il-ħidma; l-ispejjeż stmati; u kwalunkwe tagħrif ieħor pertinenti li jikkonċerna l-ħidma.

Artikolu VIII

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-finanzjament ta’ ħidma li għandha titwettaq skont dan l-Anness għandu jsir skont l-Artikolu VI tal-Memorandum.

Artikolu IX

Punti ta’ kuntatt

A.   L-uffiċċji magħżula għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ dan l-Aness huma:

1.

Għall-Istati Uniti tal-Amerika:

Africa, Europe & Middle East Office, AEU-10

Federal Aviation Administration

Wilbur Wright Bldg., 6th Floor, East

600 Independence Avenue, S.W.

Washington, D.C. 20591 –

USA

In-numru tat-telefown: +1 202-385-8905

Faks: +1 202-267-5032

2.

Għall-Unjoni Ewropea:

Single European Sky and ATC Modernisation Unit

Directorate-General for Mobility and Transport

Directorate for Air Transport

European Commission

Rue de Mot 24

1040 Brussels –

Belgium

In-numru tat-telefown: +32 2 296 84 30

Faks: +32 2 296 83 53

B.   Għandha tiġi stabbilita kollaborazzjoni bejn il-programmi tekniċi għal attivitajiet speċifiċi kif indikat fl-Appendiċijiet għal dan l-Anness.

Artikolu X

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

A.   Fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan l-Anness għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-firma.

B.   Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew, u għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi tterminat skont l-Artikolu XII tal-Memorandum. It-terminazzjoni ta’ dan l-Anness għandha tittermina l-Appendiċijiet kollha konklużi mill-partijiet skont dan l-Anness.

Artikolu XI

Awtorità

L-Istati Uniti tal-Amerika u l–Unjoni Ewropea jaqblu mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness kif indikat bil-firem tar-rappreżentanti tagħhom awtorizzati kif xieraq.

Magħmul f’Budapest, fit-tielet jum ta’ Marzu tas-sena elfejn u ħdax.

Għall-Istati Uniti tal-Amerika

Għall-Unjoni Ewropea