|
10.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 142/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 498/2010
tad-9 Ġunju 2010
li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għall-bastimenti li jistadu bil-“purse seines” li jtajru l-bandiera ta’ Franza jew tal-Greċja jew li jkunu rreġistrati fi Franza jew fil-Greċja, u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010 tal-14 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 (2), jistabbilixxi l-ammont tat-tonn li jistgħu jistadu għalih fl-2010 l-bastimenti tas-sajd tal-UE fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (3), jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata għall-bastimenti tagħhom li fihom iktar minn 24 metru. |
|
(3) |
Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fuq il-bażi tat-tagħrif li għandu jingħata mill-Istati Membri jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, fejn il-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuta f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi. |
|
(5) |
Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran mogħtija lill-bastimenti li jistadu bil-“purse seines” li jtajru l-bandiera ta’ Franża jew tal-Greċja jew li jkunu rreġistrati fi Franża jew fil-Greċja se jitqiesu li jkunu ntużaw għal kollox nhar id-9 ta' Ġunju 2010. |
|
(6) |
Għalhekk jeħtieġ li, sa mid-10 ta' Ġunju 2010, fil-00.00, il-Kummissjoni tipprojbixxi s-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran mill-bastimenti li jistadu bil-“purse seines” li jtajru l-bandiera ta' jew li jkunu rreġistrati fi Franża jew fil-Greċja, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran mill-bastimenti li jistadu bil-“purse seines” li jtajru l-bandiera ta’ jew li jkunu rreġistrati fi Franża jew fil-Greċja għandu jkun ipprojbit sa mid-10 ta' Ġunju 2010, fil-00.00.
Minn dik id-data għandu jkun ipprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,
Maria DAMANAKI
Membru tal-Kummissjoni