28.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/18


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ April 2010

dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka msejħa “Il-wirt kulturali u t-tibdil dinji: sfida ġdida għall-Ewropa”

(2010/238/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 181 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-wirt kulturali, fit-tifsira tal-Konvenzjonijiet tal-Unesco dwar il-Ħarsien tal-wirt kulturali u naturali tad-dinja u s-salvagwardjar tal-wirt kulturali intanġibbli (1), huwa patrimonju fraġli ħafna u huwa espost għal diversi riskji minħabba t-tixjiħ, il-kundizzjonijiet ambjentali ħżiena u l-pressjoni min-naħa tal-bniedem.

(2)

Għall-biċċa l-kbira miċ-ċittadini Ewropej, l-assi tal-wirt kulturali huma uniċi u ma jista joħdilhom posthom xejn, kemm fil-forma tanġibbli tagħhom, jiġifieri l-bini, il-ġabriet u s-siti storiċi, u l-oġġetti storiċi li wieħed jista’ jċaqlaqhom minn post għall-ieħor, u kif ukoll fil-forma intanġibbli tagħhom, li tinkludi l-istorja, il-memorja kollettiva u l-identità.

(3)

L-effetti tat-tibdil fil-klima, ta’ tibdil ambjentali ieħor, tal-intervenzjoni min-naħa tal-bniedem u tar-riskji għas-sigurtà, meħudin flimkien, jheddu l-wirt kulturali Ewropew. B’mod partikulari, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal biex ċerti assi tal-wirt kulturali jġarrbu ħsara li ma tistax titraġġa’ lura jew iwassal biex dawn jintilfu minħabba li huma fraġli ħafna u li għandhom ħafna snin. Barra minn hekk, id-diżastri u r-riskji għas-sigurtà jheddu n-natura fiżika tal-assi tal-wirt kulturali li huma simboli u ikoni tal-bliet u s-siti Ewropej.

(4)

Jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet miftehma sabiex jiġi evitat li dawn ir-riskji li jheddu l-wirt kulturali Ewropew, meħudin flimkien, iwasslu għal ħsara li ma tistax titraġġa’ lura.

(5)

Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill għall-kompetittività għaraf “Il-wirt kulturali, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà” (it-titlu wara nbidel għal “Il-wirt kulturali u t-tibdil dinji: sfida ġdida għall-Ewropa”) bħala qasam li fih l-ipprogrammar konġunt se jagħti valur miżjud ewlieni għall-isforzi frammentati attwali fil-qasam tar-riċerka fl-Istati Membri. Għalhekk, huwa adotta konklużjonijiet li fihom għaraf il-ħtieġa li titnieda inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt dwar dan is-suġġett u li fihom stieden lill-Kummissjoni tagħti kontribut fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. Il-Kunsill ikkonferma mill-ġdid li l-ipprogrammar konġunt huwa proċess li jmexxuh l-Istati Membri u li fih il-Kummissjoni għandha biss ir-rwol li tiffaċilitah.

(6)

L-ipprogrammar konġunt tar-riċerka dwar il-wirt kulturali u t-tibdil dinji se jipprovdi għall-koordinazzjoni tar-riċerka f’dan il-qasam, u se jagħti kontribut sinifikanti għall-bini ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka mħaddma għal kollox li tittratta l-preżervazzjoni tal-wirt kulturali, u se jsaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija u l-kompetittività tal-Ewropa fir-riċerka f’dan il-qasam.

(7)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni dwar l-esplorazzjoni ta’ inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw viżjoni komuni dwar kif il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħinu biex il-wirt kulturali jiġi ppreżervat fil-forom kollha tiegħu, u b’hekk ikunu żgurati s-sigurtà u l-isfruttar sostenibbli tiegħu.

(2)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw aġenda strateġika komuni tar-riċerka li tistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-għanijiet medji u fit-tul tar-riċerka fil-qasam tal-preżervazzjoni u l-użu tal-wirt kulturali fil-kuntest tat-tibdil dinji. L-aġenda strateġika tar-riċerka għandha tinkludi pjan tal-implimentazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet u meta dawn għandhom jintlaħqu u li jispeċifika l-azzjonijiet, l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa biex din tiġi implimentata.

(3)

L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-azzjonijiet li ġejjin bħala parti mill-aġenda strateġika tar-riċerka u mill-pjan tal-implimentazzjoni:

(a)

l-identifikazzjoni tat-tagħrif dwar il-programmi nazzjonali u l-attivitajiet tar-riċerka rilevanti u l-iskambju ta’ dan it-tagħrif;

(b)

it-tisħiħ tal-eżerċizzju konġunt dwar il-previżjoni u tal-kapaċitajiet konġunti tal-valutazzjoni teknoloġika, b’mod speċjali dwar l-impatt tat-tibdil dinji fuq l-assi tal-wirt kulturali u t-tweġibiet ta’ prevenzjoni u ta’ konservazzjoni;

(c)

l-iskambju tat-tagħrif, tar-riżorsi, tal-aqwa prattiki, tal-metodoloġiji u tal-linji gwida;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ oqsma jew ta’ attivitajiet tar-riċerka li se jibbenefikaw mill-koordinazzjoni, mis-sejħiet konġunti għall-proposti jew mill-ġbir flimkien tar-riżorsi;

(e)

id-definizzjoni tal-modi li bihom għandha titwettaq ir-riċerka b’mod konġunt fl-oqsma msemmija fil-punt (d);

(f)

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet li jinbidlu tal-konsumaturi u tal-viżitaturi meta jkunu qed jiġu ddefiniti l-għanijiet tal-programmi tar-riċerka dwar il-wirt kulturali;

(g)

il-qsim, fejn xieraq, tal-infrastruttura tar-riċerka li diġà teżisti, jew l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda bħalma huma l-banek tad-dejta kkoordinati jew l-iżvilupp ta’ mudelli sabiex jiġu studjati l-proċessi ta’ deterjorament;

(h)

it-tħeġġiġ ta’ kollaborazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll innovazzjoni miftuħa bejn attivitajiet differenti fil-qasam tar-riċerka u setturi tan-negozju marbutin mal-wirt kulturali, inklużi t-turiżmu, il-manutenzjoni sostenibbli u l-bini jew il-bini mill-ġdid ta’ siti, bini jew pajsaġġi, u s-servizzi tan-negozju relatati;

(i)

l-esportazzjoni u t-tixrid tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tal-approċċi metodoloġiċi interdixxiplinari;

(j)

il-ħolqien ta’ netwerks bejn ċentri eżistenti ddedikati għar-riċerka tal-wirt kulturali.

(4)

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu struttura ta’ ġestjoni komuni fil-qasam tal-wirt kulturali u t-tibdil dinji li jkollha s-setgħa tistabbilixxi kundizzjonijiet, regoli u proċeduri komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u li jkollha s-setgħa timmonitorja l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika tar-riċerka.

(5)

L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka b’mod konġunt, inkluż permezz tal-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom jew permezz ta’ attivitajiet nazzjonali oħrajn tar-riċerka.

(6)

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu esplorati inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka u bil-għan li l-programmi konġunti jiġu kkoordinati mal-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

(7)

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Máire GEOGHEGAN-QUINN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Għat-tifsira tal-“wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli” ara l-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali u naturali dinji tal-Unesco li saret f’Pariġi fis-16 ta’ Novembru 1972 u l-Konvenzjoni dwar is-salvagwardjar tal-wirt kulturali intanġibbli tal-Unesco li saret f’Pariġi fis-17 ta’ Ottubru 2003.