|
13.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 213/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-3 ta’ Awwissu 2010
li tistabbilixxi linji gwida dwar il-kundizzjonijiet tal-ispezzjonijiet u l-miżuri ta’ kontroll u dwar it-taħriġ u l-kwalifiki tal-uffiċjali fil-qasam tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem, stipulati fid-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5278)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/453/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2004/23/KE tistabbilixxi l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ċelloli tal-bniedem maħsuba biex jiġu applikati fuq il-bniedem u ta’ prodotti manifatturati li ġejjin minn tessuti u ċelloli tal-bniedem maħsuba biex jiġu applikati fuq il-bniedem biss safejn huma involuti d-donazzjoni, il-ksib u l-ittestjar, sabiex jiġi assigurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. |
|
(2) |
Biex tiġi miġġielda t-trażmissjoni ta’ mard permezz tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem maħsuba biex jiġu applikati fuq il-bniedem u jkun assigurat livell ekwivalenti ta’ kwalità u sigurezza, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/23/KE jistipula li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jorganizzaw spezzjonijiet u għandhom iwettqu miżuri ta’ kontroll xierqa sabiex jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva. |
|
(3) |
L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2004/23/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida dwar il-kundizzjonijiet tal-ispezzjonijiet u l-miżuri ta’ kontroll, u dwar it-taħriġ u l-kwalifiki tal-uffiċjali involuti sabiex jintlaħaq livell konsistenti ta’ kompetenza u prestazzjoni. Il-linji gwida ma jorbtux legalment iżda jiswew biex jipprovdu gwida utli lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/23/KE. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi u taġġorna l-linji gwida stipulati fl-Anness għal-din id-Deċiżjoni abbażi tar-rapporti trażmessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2004/23/KE. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/23/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida dwar il-kundizzjonijiet tal-ispezzjonijiet u miżuri ta’ kontroll, u dwar it-taħriġ u l-kwalifiki tal-uffiċjali, fil-qasam tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem stipulati fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2004/23/KE huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
IL-LINJI GWIDA DWAR L-ISPEZZJONIJIET U L-MIŻURI TA’ KONTROLL, U DWAR IT-TAĦRIĠ U L-KWALIFIKI TAL-UFFIĊJALI, FIL-QASAM TAT-TESSUTI U Ċ-ĊELLOLI TAL-BNIEDEM
1. L-għan tal-linji gwida
L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jipprovdu gwida lill-Istati Membri lejn livell konsistenti ta’ kompetenza u prestazzjoni ta’ spezzjonijiet fil-qasam tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem.
2. Ir-responsabbiltajiet tal-ispetturi
L-ispettur għandu jkollu mandat ċar bil-miktub mill-awtorità kompetenti għax-xogħol speċifiku u għandu jkollu identifikazzjoni uffiċjali. L-ispettur għandu jiġbor informazzjoni dettaljata li għandha tingħadda lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-mandat speċifiku tal-ispezzjoni.
Spezzjoni tinvolvi eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni peress li l-ispetturi ma jistgħux jeżaminaw iż-żoni u d-dokumentazzjoni kollha matul l-ispezzjoni. Spettur m’għandux jinżamm responsabbli għal nuqqasijiet li ma setgħux jiġu osservati matul l-ispezzjoni minħabba żmien jew ambitu limitat jew minħabba li ċertu proċessi ma ġewx osservati jseħħu matul l-ispezzjoni.
3. Il-kwalifiki tal-ispetturi
L-ispetturi għandhom minn tal-inqas:
|
(a) |
ikollhom diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fil-qasam tax-xjenzi mediċi jew bijoloġiċi, mogħtija wara t-tlestija ta’ kors ta’ studju universitarju jew kors rikonoxxut bħala ekwivalenti mill-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll |
|
(b) |
ikollhom esperjenza prattika fl-oqsma rilevanti tal-operazzjonijiet fi ħdan stabbiliment ta’ tessuti, ċelloli jew ta’ demm. Esperjenzi preċedenti oħra jistgħu wkoll jitqiesu rilevanti. |
F’każijiet eċċezzjonali l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkunsidraw l-eżenzjoni ta’ persuna mir-rekwiżiti stipulati fil-punt (a) minħabba l-esperjenza konsiderevoli u rilevanti li din ikollha.
4. It-taħriġ tal-ispetturi
Meta jassumu d-doveri tagħhom, l-ispetturi għandhom jirċievu taħriġ speċifiku dwar l-impjieg. Dan it-taħriġ għandu jinkludi minn tal-inqas:
|
(a) |
is-sistemi ta’ akkreditazzjoni, in-nominazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew il-liċenzar fl-Istat Membru kkonċernat; |
|
(b) |
il-qafas legali applikabbli għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħhom; |
|
(c) |
l-aspetti tekniċi tal-attivitajiet ta’ stabbilimenti tat-tessuti u ċ-ċelloli; |
|
(d) |
it-tekniki u l-proċeduri ta’ spezzjoni, inklużi eżerċizzji prattiċi; |
|
(e) |
Is-Sistemi Internazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Kwalità (ISO, EN); |
|
(f) |
Is-Sistemi Nazzjonali tas-Saħħa u strutturi organizzattivi tat-tessuti u ċ-ċelloli fl-Istat Membru kkonċernat; |
|
(g) |
L-Organizzazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji; |
|
(h) |
L-Istrumenti Internazzjonali ta’ Spezzjoni u entitajiet rilevanti oħra. |
Dan it-taħriġ dwar l-impjieg għandu jingħata flimkien ma’ taħriġ speċjalizzat u ma’ taħriġ intern kontinwu kif xieraq matul il-karriera tal-ispettur.
5. Tipi ta’ spezzjonijiet
|
5.1. |
It-tipi differenti ta’ spezzjonijiet li jistgħu jitwettqu:
(a) Spezzjonijiet ġenerali orjentati lejn is-sistema: għandhom isiru fuq is-sit u jkopru l-proċessi u l-attivitajiet kollha, inklużi: l-istruttura organizzattiva, il-politiki, ir-responsabbiltajiet, il-ġestjoni tal-kwalità, l-impjegati, id-dokumentazzjoni, il-kwalità tad-dejta, is-sistemi li jassiguraw il-ħarsien u l-kunfidenzjalità tad-dejta, il-faċilitajiet, it-tagħmir, il-kuntratti, l-ilmenti u s-sejħiet lura jew il-verifiki, il-komunikazzjoni dwar l-informazzjoni (kemm ġewwa l-fruntieri kif ukoll b’mod transkonfinali) u t-traċċabbiltà tat-tessuti u ċ-ċelloli. (b) L-ispezzjonijiet tematiċi: għandhom isiru fuq is-sit u jkopru tema speċifika jew aktar, bħal pereżempju: sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, proċessi ta’ preparazzjoni, sistemi ta’ viġilanza, jew kundizzjonijiet ta’ laboratorju għall-ittestjar tad-donatur. (c) Ir-reviżjonijiet ibbażati fuq dokumentazzjoni: ma jitwettqux fuq is-sit imma f’lok imbiegħed u jistgħu jkopru l-proċessi u l-attivitajiet kollha jew jiffokaw fuq tema speċifika jew aktar. (d) L-ispezzjonijiet mill-ġdid: jistgħu jiġu indikati bħala segwitu jew evalwazzjoni mill-ġdid biex jissorveljaw l-azzjonijiet korrettivi li kienu ntalbu matul spezzjoni li tkun saret qabel. |
|
5.2. |
B’żieda ma’ dan jistgħu jitwettqu ċerti spezzjonijiet partikolari:
(a) Spezzjonijiet ta’ partijiet terzi: Spezzjonijiet ibbażati fuq dokumentazzjoni jew dawk li jsiru fuq is-sit għandhom jitwettqu lill-partijiet terzi kif speċifikat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/23/KE. (b) Spezzjonijiet konġunti: B’riżultat tal-istudju taċ-ċirkustanzi speċifiċi, inkluża l-limitazzjoni tar-riżorsi jew kompetenza, Stat Membru jista’ jikkunsidra l-possibbiltà li jitlob Awtorità Kompetenti oħra tal-Unjoni biex twettaq spezzjonijiet konġunti fit-territorju tiegħu b’kollaborazzjoni mal-uffiċjali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba. |
6. L-iskedar tal-ispezzjonijiet
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet u jidentifikaw u jallokaw ir-riżorsi neċessarji.
B’konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/23/KE, għandhom jiġu organizzati spezzjonijiet u għandhom jitwettqu miżuri ta’ kontroll mill-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti fuq bażi regolari. L-intervall bejn żewġ spezzjonijiet ma għandux ikun aktar minn sentejn.
Huwa rrakkomandat li minn tal-inqas kull erba’ snin għandha titwettaq spezzjoni sħiħa fuq is-sit li tkopri ż-żoni kollha tal-attività. Matul l-intervall bejn iż-żewġ spezzjonijiet ġenerali tas-sistema, tista’ titwettaq spezzjoni tematika li tiffoka fuq tema jew proċess partikolari jew, alternattivament, fin-nuqqas ta’ tibdil sinifikanti mill-aħħar spezzjoni, tista’ titwettaq reviżjoni bbażata fuq dokumentazzjoni.
7. Twettiq tal-ispezzjonijiet
|
7.1. |
Fejn ir-riżorsi jippermettu, it-tim għandu jkun kompost minn membri b’kompetenzi differenti.
Fejn meħtieġ, tistgħa tintalab l-għajnuna ta’ espert estern għal spezzjoni speċifika. Dan l-espert għandu jkollu biss rwol konsultattiv. Spezzjonijiet minn spettur wieħed għandhom, b’mod ġenerali, ikunu evitati. Minn tal-inqas wieħed mill-ispetturi għandu jkollu minimu ta’ sentejn esperjenza prattika kif imsemmi f’punt 3(b). |
|
7.2. |
Wara li tkun saret l-ispezzjoni għandu jintbagħat rapport lill-istabbiliment tat-tessuti jew lill-parti terza li tkun ġiet spezzjonata. Il-konklużjonijiet tar-rapport għandhom jidentifikaw b’mod ċar in-nuqqasijiet osservati.
Għandha tkun definita data fir-rapport sa meta l-istabbiliment tat-tessut jew il-parti terza għandhom jissottomettu proposti u skeda ta’ żmien biex jiġu rranġati n-nuqqasijiet imsemmija fir-rapport. Fejn meħtieġ, għandha titwettaq spezzjoni mill-ġdid biex tassigura s-segwitu. |
8. Is-sistema tal-Ġestjoni tal-kwalità tal-ispettorat
Kull awtorità kompetenti għandu jkollha stabbilit sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li tkun tinkludi proċeduri standard u adegwati ta’ tħaddim u sistema ta’ verifika interna xierqa. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw is-sistemi ta’ spezzjoni tagħhom b’mod regolari.