28.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

f’konformità mal-Artikolu 140 (2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011

(2010/416/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“Trattat”), u b’mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,

Billi:

(1)

It-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) bdiet fl-1 ta’ Jannar 1999. Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE (1), il-Kunsill, imlaqqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE (2) il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE (3) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE (4) u 2007/504/KE (5) il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta, rispettivament, kienu ssodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/608/KE (6) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja kienet issodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2009.

(3)

Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi tal-UEM fl-1 ta’ Jannar 1999. Din in-notifika ma nbidlitx minn dakinhar 'l hawn. Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern f’Edinburgh f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx ser tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE l-Isvezja għandha deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Polonja għandhom deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li l-istabbiliment tiegħu ġie miftiehem permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta’ Ġunju 1997 (7). Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (8).

(6)

L-Artikolu 140(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-derogi tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat. Ir-Rapporti ta’ Konverġenza regolari l-aktar riċenti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Mejju 2010.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu adattati skont il-ħtieġa bl-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Estonja mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza (“il-Protokoll”) il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perijodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b’iżjed minn punt perċentwali u nofs, tal-aktar, dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (9). Għall-evalwazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta’ kull xahar f’relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta’ kull xahar tal-perjodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ 1,5 punti perċentwali.

Fil-perijodu ta’ sena li jispiċċa f’Marzu 2010, il-valur ta’ referenza tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 1,0 fil-mija, bil-Portugall, l-Estonja u l-Belġju bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’dik li hi l-istabbiltà ta’ prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ – 0,8 fil-mija – 0,7 fil-mija u – 0,1 fil-mija rispettivament. Fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali kkaratterizzati minn avveniment negattiv qawwi komuni, fejn għadd ta’ pajjiżi sinifikanti qed jaffaċċjaw episodji ta’ rati ta’ inflazzjoni negattivi, huwa ġġustifikat li jiġu esklużi l-pajjiżi minn dawk bl-aħjar prestazzjoni li r-rata medja ta’ inflazzjoni tagħhom hija 'l bogħod mill-inflazzjoni medja taż-żona euro (0,3 % f’Marzu 2010) b’marġni wiesa’ – f’konformità mal-preċedent tar-Rapport ta’ Konverġenza tal-2004 – billi dawn li jvarjaw ħafna ma jistgħux jiġu ġġudikati b’mod raġonevoli bħala dawk bl-aħjar prestazzjoni f’dik li hi stabbiltà ta’ prezzijiet u l-inklużjoni tagħhom tista’ taffettwa bil-qawwi l-valur ta’ referenza u għalhekk l-imparzjalità tal-kriterju. F’Marzu 2010, dan iwassal għall-esklużjoni tal-Irlanda, l-uniku pajjiż li r-rata medja ta’ 12-il xahar tal-inflazzjoni tiegħu (ta’ – 2,3 % f’Marzu 2010) tbiddlet b’marġni wiesa’ minn dak taż-żona euro u ta’ Stati Membri oħra, u dan prinċipalment jirrifletti t-tnaqqis sever fir-ritmu ekonomiku.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li fil-waqt tal-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet gravi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perijodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perijodu ta’ sentejn li ntemm fit-23 ta’ April 2010.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ imgħax li jissemma fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ imgħax nominali fit-tul li l-iktar, ma tkunx taqbeż b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta’ imgħax, intużaw rati ta’ imgħax komparabbli fuq bonds ta’ referenza ta’ 10 snin maħruġa mill-gvern. L-Estonja, li hija waħda mill-aħjar Stati Membri f’termini ta’ stabbiltà ta’ prezzijiet f’Marzu 2010, m’għandhiex bond armonizzat ta’ referenza tal-gvern fit-tul jew sigurtà komparabbli li tista’ tintuża għall-kalkolu tal-valur ta’ referenza. Għalhekk, f’konformità mat-test tal-Protokoll (rigward il-frazi “l-iktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet”), fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta’ imgħax, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ imgħax nominali fit-tul taż-żewġ Stati Membri l-oħra bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ żewġ punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur ta’ referenza fil-perijodu ta’ sena li jispiċċa f’Marzu 2010 kien ta’ 6,0 fil-mija, ir-rata ta’ imgħax medja fil-Portugall (4,2 %) u fil-Belġju (3,8 %) biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll, id-data użata fl-evalwazzjoni attwali tal-kriterji ta’ konverġenza għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet dejta għat-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni. Ġiet ipprovduta dejta baġitarja mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sal-1 ta’ April 2010, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jsitabbilixxi l-Komunità Ewropea (10).

(13)

Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar mill-Estonja tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-UEM, il-Kummissjoni kkonkludiet li:

(a)

Fl-Estonja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(b)

Rigward is-sodisfar mill-Estonja tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat:

ir-rata medja tal-inflazzjoni fl-Estonja, fis-sena li ntemmet f’Marzu 2010, kienet ta’ 0,7 %, li hija aktar baxxa mill-valur ta’ referenza, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur ta’ referenza fix-xhur li ġejjin;

l-Estonja mhijiex is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv, bi żbilanċ baġitarju ta’ 1,7 % tal-PGD fl-2009;

l-Estonja ilha membru tal-ERM II mit-28 ta’ Ġunju 2004; fil-perijodu ta’ sentejn li jispiċċa fit-23 ta’ April 2010, il-kroon Estonjan ma kienx soġġett għal tensjonijiet severi u ma kienx hemm devjazzjoni mir-rata ċentrali tal-ERM II mill-parteċipazzjoni tal-kroon 'l hawn;

minħabba l-livell baxx ħafna tad-dejn pubbliku tal-Estonja, ma hemm disponibbli l-ebda bond ta’ referenza tal-gvern fit-tul jew garanziji xierqa oħra biex tkun tista’ tiġi evalwata s-sostenibbiltà tal-konverġenza kif riflessa fir-rati tal-imgħax fit-tul. Waqt li l-perċezzjonijiet ta’ riskji tas-suq finanzjarju fil-konfront tal-Estonja żdiedu fl-ogħla livell tal-kriżi, l-iżvilupp tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza kif ukoll evalwazzjoni usa’ dwar is-sostenibbiltà tal-konverġenza, inklużi l-esperjenza passata tal-politika fiskali u l-ekonomija komparattivament flessibbli tal-Estonja, għandhom jappoġġjaw evalwazzjoni pożittiva fis-sodisfar mill-Estonja tal-kriterju tar-rata tal-imgħax fit-tul,

(c)

Fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, l-Estonja tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Estonja tissodisfa l-kondizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga favur l-Estonja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)   ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30.

(2)   ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19.

(3)   ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25.

(4)   ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29.

(5)   ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32.

(6)   ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24.

(7)   ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(8)   ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(9)   ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(10)   ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.