|
10.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 145/10 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 480/2009
tal-25 ta’ Mejju 2009
li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni
(Verżjoni kodifikata)
IL- KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li ikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Kounità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,
Wara li ikkunsidra t-Trattat li jistabilixxi il-Komunità tal-Enerġija Atomika u partikolarment l-Artikolu 203 ta’ dan,
Wara li ikkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li ikkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 tal-31 ta’ Ottubru 1994 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat. |
|
(2) |
Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa espost għal żieda fir-riskju finanzjarju bħala riżultat tal-garanżiji li jkopru s-self lill-pajjiżi terzi. |
|
(3) |
Il-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru ikkonkluda li l-konsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni baġitarja prudenti u d-dixxiplina finanzjarja jitolbu l-istabbiliment tal-mekkaniżmu finanzjarju ġdid, u li għalhekk għandu jitwaqqaf Fond tal-Garanzija biex ikopri r-riskji relatati ma’ self u mal-garanziji li jkopru self mogħti lill-pajjiżi terżi jew għall-proġetti eżegwiti fil-pajjiżi terzi. Din il-ħtieġa tista’ tintlaqa’ bit-twaqqif ta’ Fond ta’ Garanzija li jista’ jkun użat biex iħallas direttament il-kredituri tal-Komunitajiet. |
|
(4) |
Skond il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba adottat fis-17 ta’ Mejju 2006 (4), hemm previst li l-finanzjament tal-Fond ta’ Garanzija ikun spiża obbligatorja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2007 sal-2013. |
|
(5) |
Jeżistu mekkaniżmi għall-garanziji aċċettati meta huma jkunu attivati, partikolarment bl-użu provviżorju dwar ir-riżorsi ta’ flus kontanti, kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (5). |
|
(6) |
Il-Fond ta’ Garanzija għandu jkun kostitwit bil-ħlas gradwali tar-riżorsi. Il-Fond għandu sussegwentement jirċievi wkoll interess fuq ir-riżorsi investiti u ammonti irkuprati minn debituri falluti fejn il-fond ikun diġà onora l-garanzija. |
|
(7) |
L-esperjenza tal-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tindika li proporzjon ta’ 9 % bejn ir-riżorsi tal-Fond u l-obbligi prinċipali garantiti, miżjuda b’interess dovut mhux imħallas, ikun adekwat. |
|
(8) |
Il-ħlasijiet lill-Fond ta’ Garanzija ugwali għal 9 % tal-ammonti ta’ kull operazzjoni jidhru suffiċjenti biex jinkiseb l-ammont immirat. L-arranġamenti biex jitwettqu l-ħlasijiet bħal dawn għandhom ikunu definiti. |
|
(9) |
Jekk il-Fond ta’ Garanzija jeċċedi l-ammont immirat, dak li jibqa’ għandu jiġi mħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
L-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija għandha tkun fdata lill-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn ’il quddiem msejjaħ “BEI”). L-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond għandha tkun suġġetta għall-verifika mill-Qorti tal-Awdituri konformement mal-proċeduri miftiehma mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u l-BEI. |
|
(11) |
Il-Komunitajiet taw self u garanziji ta’ self lill-pajjiżi li ser jaderixxu jew għal proġetti esegwiti f’dawk il-pajjiżi. Dak is-self u dawk il-garanziji huma koperti mill-Fond ta’ Garanzija u jibqgħu jeżistu jew fis-seħħ wara d-data ta’ adeżjoni. Minn dik id-data jieqfu milli jkunu azzjonijiet esterni tal-Komunitajiet u għalhekk għandhom jiġu koperti direttament mill-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea u mhux aktar mill-Fond ta’ Garanzija. |
|
(12) |
Il-Fond ta’ Garanzija jkopri inadempjenzi taħt self maħruġ mill-BEI li għalih il-Komunitajiet jipprovdu garanzija taħt il-mandat estern tal-BEI. Barra minn hekk, konformement mal-mandat estern tal-BEI li beda jkollu effett mill-1 ta’ Frar 2007, il-Fond għandu jkopri wkoll inadempjenzi taħt garanziji ta’ self maħruġa mill-BEI li għalihom il-Komunitajiet jipprovdu garanzija. |
|
(13) |
It-Trattat ma jipprovdi ebda setgħa barra minn dawk taħt l-Artikolu 308 tat-Trattat KE u l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Huwa b’dan stabbilit Fond ta’ Garanzija, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Fond”, li r-riżorsi tiegħu għandhom jintużaw biex jitħallsu lura l-kredituri tal-Komunitajiet fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarju ta’ self mogħti jew garantit mill- Komunitajiet jew ta’ garanzija ta’ self maħruġa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn ’il quddiem msejjaħ “BEI”) li għalih il-Komunitajiet jipprovdu garanzija.
L-operazzjonijiet ta’ self u garanzija msemmija fl-ewwel paragrafu (minn hawn ’il quddiem imsejħa “operazzjonijiet”) għandhom ikunu dawk magħmula għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz jew għall-finanzjament ta’ proġetti f’pajjizi terzi.
L-operazzjonijiet kollha mwettqa għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz jew għall-finanzjament ta’ proġetti f’pajjiż terz għandhom jaqgħu barra l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, b’effett mid-data ta’ meta dak il-pajjiż jaderixxi mal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Il-Fond għandu jkollu:
|
— |
ħlas annwali wieħed mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Arikoli 5 u 6, |
|
— |
imgħax fuq ir-riżorsi tal-Fond investiti, |
|
— |
l-ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti fejn il-Fond ikun diġà onora l-garanzija. |
Artikolu 3
Il-Fond għandu jitla’ għal-livell xieraq (minn hawn ’il-quddiem msejjaħ bħala l-“ammont immirat”).
L-ammont immirat għandu jkun 9 % tat-total tal-impenji ta’ kapital pendenti tal-Kommunitajiet li joriġinaw minn kull operazzjoni, miżjuda bl-imgħaxijiet dovuti mhux imħallsa.
Abbażi tad-differenza “n–1” fl-aħħar tas-sena bejn l-ammont immirat u l-valur tal-assi net tal-Fond, ikkalkolati fil-bidu tas-sena “n”, kwalunkwe ammont żejjed għandu jitħallas fi transazzjoni waħda f’intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni tad-dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-sena “n + 1”.
Artikolu 4
Wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea, l-ammont immirat għandu jitnaqqas b’ammont ikkalkulat abbażi tal-operazzjonijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1.
Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tat-tnaqqis, ir-rata tal-persentaġġ imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 applikabbli fid-data ta’ adeżjoni għandha tiġi applikata lill-ammont ta’ dawk l-operazzjonijiet pendenti f’dik id-data.
Li jibqa’ għandu jitħallas lura taħt intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni ta’ dħul fil-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Abbażi tad-differenza “n–1” fl-aħħar tas-sena bejn l-ammont immirat u l-valur tal-assi net tal-Fond, ikkalkolati fil-bidu tas-sena “n”, l-ammont ta’ forniment meħtieġ għandu jitħallas fil-Fond fi transazzjoni waħda fis-sena “n + 1” mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
1. Jekk, bħala riżultat ta’ xi inadempjenza jew aktar, l-attivazzjoni ta’ garanziji tul is-sena “n–1” taqbeż EUR 100 miljun, l-ammont li jaqbeż EUR 100 miljun għandu jitħallas lura fil-Fond f’lottijiet annwali li jibdew fis-sena “n + 1” u li jkomplu matul is-snin ta’ wara sakemm isir il-ħlas kollu (“mekkaniżmu ta’ twittija”). Id-daqs tal-lott annwali għandu jkun l-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:
|
— |
EUR 100 miljun jew |
|
— |
l-ammont li jibqa’ dovut skont il-mekkaniżmu ta’ twittija. |
Kwalunkwe ammont li jirriżulta mill-attivazzjoni ta’ garanziji fis-snin li jippreċedu s-sena “n-1”, li ma jkunx tħallas kollu lura, dovut għall-mekkaniżmu ta’ twittija, għandu jitħallas lura qabel il-mekkaniżmu ta’ twittija għal mankanzi li jsiru fis-sena “n–1” jew fi snin sussegwenti jista’ jibda jkollu effett. Tali ammonti li jkun għad fadal għandhom ikomplu jiġu mnaqqsa mill-ammont annwali massimu li għandu jiġi rkuprat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt il-mekkaniżmu ta’ twittija sakemm l-ammont sħiħ ikun tħallas lura fil-Fond.
2. Il-kalkoli bbażati fuq il-mekkaniżmu ta’ twittija għandhom isiru b’mod separat mill-kalkoli msemmijin fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 5. Madankollu, huma għandhom flimkien jirriżultaw bħala trasferiment annwali wieħed. L-ammonti li għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt il-mekkaniżmu ta’ twittija għandhom jiġu ttrattati bħala assi net tal-Fond għall-kalkolu skont l-Artikoli 3 u 5.
3. Jekk, bħala riżultat tal-attivazzjoni ta’ garanziji wara xi inadempjenza maġġura jew iżjed, ir-riżorsi tal-Fond jaqgħu taħt 80 % tal-ammont immirat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja b’dan.
4. Jekk, bħala riżultat tal-attivazzjoni ta’ garanziji wara xi inadempjenza maġġura jew iżjed, ir-riżorsi fil-Fond jaqgħu taħt 70 % tal-ammont immirat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar miżuri eċċezzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jerġa’ jimtela’ l-Fond.
Artikolu 7
Il-Kummissjoni għandha tinkariga lill-BEI bl-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond taħt mandat f’isem il-Komunitajiet.
Artikolu 8
Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Mejju tas-sena finanzjarja sussegwenti, tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-Fond u dwar l-amministrazzjoni tiegħu fis-sena ta’ qabel.
Artikolu 9
Il-kont tad-dħul u tal-infiq u l-karta ta’ bilanċ relatati mal-fond għandhom jiġu mehmuża mal-kont tad-dħul u tal-infiq u mal-karta ta’ bilanċ tal-Komunitajiet.
Artikolu 10
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 hu b’dan imħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.
Artikolu 11
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ŠEBESTA
(1) Opinjoni tat-18 Novembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1.
(3) Ara l-Anness I.
ANNESS I
Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 |
|
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1149/1999 |
|
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2273/2004 |
|
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007 |
ANNESS II
Tabella ta’ Korrelazzjoni
|
Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikoli 1, 2 u 3 |
Artikoli 1, 2 u 3 |
|
Artikolu 3a |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 9 |
— |
|
— |
Artikolu 10 |
|
Artikolu 10, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 11 |
|
Artikolu 10, it-tieni paragrafu |
— |
|
— |
Anness I |
|
— |
Anness II |