23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/44


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Diċembru 2009

fir-rigward ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għas-sena 2010 lil-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għal Enċefalopatiji Sponġiformi Trażmissibbli

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10291)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2009/1000/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Kwalunkwe laboratorju ta’ kollegament jew referenza skont il-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni u li jissodisfa d-dmirijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fihom, jista’ jirċievu l-għajnuna mill-Unjoni skont l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1754/2006 tat-28 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja lil-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-għalf u l-ikel tal-annimali u għas-settur tas-saħħa tal-annimali (3) jistabbilixxi li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata jekk il-programmi ta’ ħidma approvati jitwettqu b’mod effiċjenti u li l-benefiċjarji jagħtu t-tagħrif kollu meħtieġ matul ċerti limiti ta’ żmien.

(3)

B’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1754/2006, ir-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u kull laboratorju ta’ referenza tal-Komunità hija stipulata fi ftehim ta’ partenarjat li huwa sostnut minn programm ta’ ħidma plurienniali.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (4), jaħtar lil-Laboratories Agency, Addlestone, ir-Renju Unit bħala l-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għall-enċifalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs). Il-funzjonijiet tiegħu jinkludu l-ġbir u l-kollezzjoni tad-dejta dwar ir-riżultati tat-testijiet mwettqa fl-Unjoni u jżomm aġġornat dwar it-tendenzi fis-sorveljanza, l-epidjemoloġija u l-prevenzjoni tat-TSEs madwar id-dinja.

(5)

Il-Kummissjoni evalwat il-programm ta’ ħidma u l-estimi korrispondenti tal-baġit ppreżentati mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għat-TSEs għas-sena 2010. Skont dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata lil dan il-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni sabiex jikkofinanzja l-attivitajiet tiegħu biex iwettaq il-ħidmiet u d-doveri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tkun bir-rata ta’ 100ߕ% tal-ispejjeż eliġibbli kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1754/2006.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1754/2006 jistipula regoli ta’ eliġibilità għal-laqgħat ta’ ħidma organizzati mil-laboratorji ta’ referenza tal-Komunità. Jillimita wkoll l-għajnuna finanzjarja għal massimu ta’ 32 parteċipant fil-laqgħat ta’ ħidma. Derogi lil din il-limitazzjoni għandhom jingħataw skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1754/2006 lil xi laboratorju ta’ referenza tal-Komunità li jeħtieġ appoġġ għal attendenza ta’ aktar minn 32 parteċipant biex jinkiseb l-aqwa riżultat tal-laqgħat ta’ ħidma tiegħu.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (5) tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni, l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u l-programmi ta’ kontroll (il-miżuri veterinarji) għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG). Barra minn hekk, l-Artikolu 13, it-tieni paragrafu tar-regolament jipprevedi li f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati kif jixraq, għal miżuri u programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (6), in-nefqa marbuta ma’ spejjeż amministrattivi u tal-istaff imġarrba mill-Istati Membri u l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG għandhom jitħallsu mill-Fond. Għal skopijiet ta’ kontroll finanzjarju, japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni tagħti għajnuna finanzjarja lill-Veterinary Laboratories Agency, Addlestone, fir-Renju Unit, biex twettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet stipulati fil-Kapitolu B tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010, din l-għajnuna finanzjarja ma għandhiex taqbeż l-EUR 1 129 000.

Fi ħdan il-massimu msemmi fl-ewwel subparagrafu u bla ħsara għal-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1754/2006, għandu jiġi rriżervat ammont ta’ EUR 600 000 għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ protokoll li jimmira li jiġbor dejta biex itejjeb l-għarfien dwar ir-reżistenza ġenetika għall-iscrapie fil-mogħoż f’Ċipru.

2.   Flimkien mal-ammont massimu stipulat fil-paragrafu 1, l-Unjoni tagħti kontribuzzjoni finanzjarja lil-laboratorju msemmi fil-paragrafu 1 għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ ħidma. Dik l-għajnuna ma għandhiex taqbeż is-EUR 60 000.

3.   B’deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1754/2006, il-laboratorju msemmi fil-paragrafu 1 se jkun intitolat li jitlob l-għajnuna finanzjarja għall-attendenza minn massimu ta’ 50 parteċipant għal waħda mil-laqgħat ta’ ħidma tiegħu msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Veterinary Laboratories Agency (VLA) Weybridge, New Haw, Addlestone, Surrey KT15 3NB, tar-Renju Unit;

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(3)   ĠU L 331, 29.11.2006, p. 8.

(4)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(5)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(6)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.