22.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/1


DEĊIŻJONI Nru 633/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar l-għotja ta’ garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għall-proġetti barra mill-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 179 u181a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) sa mill-1963 daħal għal operazzjonijiet barra l-Komunità b’appoġġ għall-politika esterna tal-Komunità.

(2)

Il-parti l-kbira minn dawn l-operazzjonijiet twettqu fuq it-talba tal-Kunsill u bbenefikaw minn garanzija baġitarja tal-Komunità li ġiet amministrata mill-Kummissjoni. Reċentement, għall-perjodu 2000-2007, il-garanzija Komunitarja ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/580/KE tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra t-telf minn self għal proġetti barra l-Komunità (il-pajjiżi ġirien tax-Xlokk, il-pajjiżi Mediterranji, l-Amerika Latina u l-Ażja u r-Repubblika tal-Afrika ta’ Isfel) (2) u b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/777/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 li tagħti garanzija tal-Komunità lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf taħt azzjoni speċjali tas-self għal proġetti ambjentali magħżula fil-port tal-Baħar Baltiku tar-Russja taħt id-Dimensjoni tat-Tramuntana (3) u b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/48/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf taħt self għal ċerti tipi ta’ proġetti fir-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Belarus (4) għal azzjonijiet ta’ self speċifiċi fuq livell reġjonali.

(3)

Bil-ħsieb li jsostni l-azzjoni esterna tal-Komunità mingħajr ma jaffettwa l-istanding tal-kreditu tal-BEI, il-Kunsill jixtieq ikompli jitlob lill-BEI biex iwettaq operazzjonijiet barra mill-Komunità u joffri lill-Bank garanzija baġitarja tal-Komunità għal operazzjonijiet ta’ dan it-tip. Filwaqt li jinkoraġġixxi lill-BEI biex iżid l-operazzjonijiet tiegħu mingħajr ma jirrikorri għall-garanzija Komunitarja, b’mod partikolari fil-pajjiżi ta’ Qabel l-Adeżjoni u fil-pajjiżi Mediterranji kif ukoll f’pajjiżi ta’ grad ta’ investiment f’reġjuni oħra, il-Kunsill jixtieq jikkjarifika n-natura tal-kopertura tal-garanzija Komunitarja bħala li tkopri ċerti riskji ta’ natura politika jew sovrana.

(4)

Il-garanzija Komunitarja għandha tkopri telf minn self jew garanziji ta’ self għall-proġetti ta’ investimenti eliġibbli għall-finanzjament mill-BEI li twettqu fil-pajjiżi koperti mill-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni (5) (“IPA”), l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija (6) (ENPI) u l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (7) (DCI), fejn il-finanzjament jew garanzija ta’ self ingħata skont ftehim iffirmat li la skada u lanqas ġie kkanċellat (“operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI”).

(5)

L-ammonti koperti mill-garanzija tal-Komunità skont din id-Deċiżjoni għandhom jirrappreżentaw l-ogħla limiti għall-finanzjament mill-BEI skont il-garanzija tal-Komunità. Ma għandhomx jiffurmaw miri li l-BEI huwa marbut li jissodisfa.

(6)

Il-linji politiċi tar-relazzjonijiet esterni tal-Komunità ġew riveduti u mwessgħa’ fl-aħħar snin. Dan kien speċjalment il-każ għall-Istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-Politika tal-Viċinat Ewropew, għall-isħubiji l-ġodda mal-Amerika Latina u max-Xlokk tal-Ażja kif ukoll għas-Sħubija Strateġika tal-Unjoni Ewropea mar-Russja, mal-Ażja Ċentrali, maċ-Ċina u mal-Indja Dan huwa aktar il-każ fir-rigward tal-linji politiċi Komunitarji għall-iżvilupp, li issa ġew estiżi biex jinkludu lill-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw. Dawk il-linji politiċi għall-iżvilupp huma pilastri tar-relazzjonijiet esterni tal-Komunità, li tagħti soluzzjoni mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

(7)

Ir-relazzjonijiet esterni tal-Komunità ġew sostnuti wkoll mill-istrumenti finanzjarji ġodda mill-2007, jiġifieri, l-IPA, l-ENPI, id-DCI, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet Umani (EIDHR) (8) u mill-Istrument għall-Istabbiltà (9).

(8)

L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom ikunu konsistenti ma’ u għandhom isostnu l-politika esterna tal-Komunità inklużi l-għanijiet reġjonali speċifiċi u għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikoli 177 u 179 tat-Trattat, li jiġu promossi u kkonsolidati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-osservanza tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent li tagħhom huma firmatarji l-Komunità Ewropea jew l-Istati Membri tagħha. Fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod partikolari, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom irawwmu: żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi, l-aktar fost dawk l-aktar żvantaġġjati fosthom; l-integrazzjoni bla intoppi u gradwali tagħhom fl-ekonomija dinjija; il-kampanja kontra l-faqar; l-objettv ġenerali tal-iżvilupp u t-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; l-objettiv ġenerali tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; kif ukoll il-konformità mal-objettivi ġenerali approvati mill-Kummissjoni fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħrajn. Billi jassigura koerenza ġenerali mal-azzjonijiet tal-Komunità, il-finanzjament tal-BEI għandu jkun komplementari għal linji politiċi, programmi u strumenti ta’ assistenza Komunitarja korrespondenti fir-reġjuni differenti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri għandhom jifformaw parti mill-miri ta’ finanzjament tal-BEI fir-reġjuni eleġibbli kollha. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom isiru f’pajjiżi li jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet xierqa li huma konsistenti ma’ ftehimiet ta’ livell għoli tal-Komunità dwar aspetti politiċi u makroekonomiċi.

(9)

Id-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-BEI, kif ukoll l-ippjanar strateġiku u l-koerenza bejn il-BEI u l-finanzjament tal-Kummissjoni għandhom jissaħħew. Il-konnessjoni bejn l-attivitajiet tal-BEI barra mill-Komunità u l-politika tal-Komunità għandha tissaħħaħ permezz ta’ koperazzjoni mtejba bejn il-BEI u l-Kummissjoni fuq livell ċentrali kif ukoll fuq livell lokali. Koordinazzjoni msaħħa għandha tkopri, inter alia, konsultazzjoni bikrija fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika, preparazzjoni ta’ dokumenti ta’ importanza reċiproka u l-pjanijiet għall-proġetti. Hija ta’ importanza partikolari l-konsultazzjoni bikrija dwar id-dokumenti ta’ programmazzjoni strateġika ppreparati mill-Kummissjoni, kif ukoll dwar id-dokumenti komparabbli tal-BEI, biex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn l-attivitajiet tal-BEI u tal-Kummissjoni u jitkejjel progress sabiex ikunu sodisfatti l-għanijiet tal-linji politiċi rilevanti tal-Komunità.

(10)

Fir-rigward tal-pajjiżi ta’ Qabel l-Adeżjoni, il-finanzjament tal-BEI f’dawk il-pajjiżi għandu jirrifletti l-prijoritajiet li ġew stabbiliti fis-Sħubijiet tal-Adeżjoni u dawk Ewropej, fil-ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fin-negozjati mal-Komunità. L-attenzjoni ffokata fuq l-azzjoni tal-Komunità fil-Balkani tal-punent għandha tkompli taqleb progressivament minn sostenn għal rikostruzzjoni għal sostenn ta’ qabel l-adeżjoni. F’dan il-kuntest, l-attività tal-BEI għandha, barra minn hekk, tfittex ukoll li tinkoraġġixxi l-aspett tal-bini tal-istituzzjonijiet, fejn ikun rilevanti, f’koperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali l-oħra li huma attivi fir-reġjun. Matul il-perjodu 2007-2011, il-finanzjament lill-pajjiżi kandidati (il-Kroazja, it-Turkija u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja) għandu jsir dejjem aktar taħt il-Faċilità ta’ Qabel l-Adeżjoni li saret disponibbli mill-BEI, li għandha tiġi estiża maż-żmien biex tkopri l-pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-punent skont il-progress tal-proċess ta’ adeżjoni tagħhom.

(11)

Taħt il-mandat tal-Viċinat Ewropew, il-BEI għandu jkompli u jikkonsolida l-operazzjonijiet tiegħu fir-rigward tar-reġjun tal-Mediterran, iżid il-fokus tiegħu fuq l-iżvilupp tas-settur privat. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ koperazzjoni minn pajjiżi sħab biex ikun iffaċilitat l-iżvilupp tas-settur privat u t-tħeġġiġ ta’ riforma strutturali, b’mod partikolari riforma fis-settur finanzjarju, kif ukoll miżuri oħrajn biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tal-BEI, b’mod partikolari biex ikun żgurat li l-BEI jkun jista’ joħroġ bonds fis-swieq lokali. Fir-rigward tal-Ewropa tal-Lvant, tal-Kawkasu t’Isfel u tar-Russja, il-BEI għandu jtejjeb l-attivitajiet tiegħu fil-pajjiżi kkonċernati b’mod konformi mal-kondizzjonalità xierqa li hija konsistenti ma’ ftehimiet ta’ livell għoli tal-Komunità mal-pajjiż ikkonċernat dwar aspetti politiċi u makroekonomiċi. F’dan ir-reġjun, il-BEI għandu jiffinanzja proġetti ta’ interess sinifikanti għall-Komunità fl-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija, tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-ambjent. Għandha tingħata prijorità lil proġetti fuq l-assi prijoritarja tan-Network Trans-Ewropew, proġetti b’implikazzjonijiet transkonfinali għal Stat Membru wieħed jew aktar u proġetti prinċipali li jiffavorixxu l-integrazzjoni reġjonali permezz ta’ konnettività akbar. Fis-settur tal-enerġija, proġetti strateġiċi għall-provvista tal-enerġija u għat-trasport tal-enerġija huma ta’ importanza partikolari, b’mod konformi mal-għan tal-politika Komunitarja li jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-enerġija u bil-ħsieb li jiġu ggarantiti riżorsi stabbli u sikuri għall-konsumaturi. L-operazzjonijiet tal-finanzjament tal-BEI f’dan ir-reġjun għandhom jitwettqu f’koperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), li t-termini tagħha għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim bejn tliet partijiet bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-EBRD.

(12)

Il-finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi Ażjatiċi u tal-Amerika Latina se jkun progressivament allinjat mal-istrateġija ta’ koperazzjoni tal-Unjoni f’dawn ir-reġjuni u se jkun komplementari għall-istrumenti ffinanzjati minn riżorsi baġitarji tal-Komunità. Il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jespandi progressivament l-attivitajiet tiegħu fuq numru akbar ta’ pajjiżi f’dawn ir-reġjuni, inkluż fil-pajjiżi l-inqas prosperużi. B’appoġġ għall-miri tal-Komunità, il-finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi Ażjatiċi u tal-Amerika Latina għandu jiffoka fuq is-sostenibbiltà ambjentali (inkluża l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima) u fuq proġetti tas-sigurtà tal-enerġija, kif ukoll fuq appoġġ kontinwu għall-preżenza tal-Unjoni fl-Ażja u fl-Amerika Latina permezz ta’ investiment barrani dirett, u t-trasferiment ta’ teknoloġija u kapaċitajiet. Wara li jikkunsidra l-effiċjenza fl-infiq, il-BEI għandu jkun jista’ jaħdem direttament ukoll ma’ kumpaniji lokali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali u s-sigurtà fl-enerġija. Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu sejra teżamina mill-ġdid il-miri tal-finanzjament tal-BEI fl-Ażja u fl-Amerika Latina.

(13)

Fl-Ażja Ċentrali, il-BEI għandu jiffoka fuq proġetti kbar tal-provvista tal-enerġija u tat-trasport tal-enerġija li jaqdu wkoll l-interessi tal-enerġija tal-Komunità u li huma konsistenti ma’ u li jappoġġjaw il-miri tal-politika tal-Komunità tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u r-rekwiżiti ta’ Kyoto, u tat-titjib tal-protezzjoni ambjentali. Il-finanzjament tal-BEI fl-Ażja Ċentrali għandu jitwettaq f’koperazzjoni mill-qrib mal-EBRD, b’mod partikolari skont it-termini stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-EBRD.

(14)

Biex ikunu kkomplementati l-attivitajiet taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (10) (il-Ftehim ta’ Cotonou) għall-pajjiżi konċernati, fl-Afrika t’ Isfel, l-BEI għandu jiffoka fuq proġetti infrastrutturali ta’ interess pubbliku (inklużi infrastruttura muniċipali, provvista tal-enerġija u tal-ilma) u fuq is-sostenn tas-settur privat, inklużi l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni ekonomika taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika ta’ Isfel, min-naħa l-oħra (11), se tippromwovi aktar l-attivitajiet tal-BEI f’dan ir-reġjun.

(15)

Bil-għan li titjieb il-koerenza tal-appoġġ ġenerali tal-Komunità fir-reġjuni kkonċernati, għandhom jiġu esplorati opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Komunità bix-xieraq, fil-forma ta’ sostenn għall-għotjiet, ta’ kapital ta’ riskju u ta’ sussidju għar-rati tal-interess flimkien ma’ għajnuna teknika għall-preparazzjoni, għall-implimentazzjoni jew għat-titjib tal-proġetti tal-qafas legali u regolatorju, permezz tal-IPA, l-ENPI, l-Istrumenti għall-Istabbilità, l-EIDHR u, għall-Afrika ta’ Isfel, id-DCI.

(16)

Il-BEI diġà jikkopera mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u ma’ istituzzjonijiet bilaterali Ewropej. Din il-koperazzjoni hija ggwidata minn Memoranda ta’ Ftehim speċifiċi għar-reġjuni li għandhom jiġu approvati mill-korpi regolatorji tal-BEI. Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu barra l-Komunità li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb aktar il-koordinament u l-koperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mal-istituzzjonijiet bilaterali Ewropej fejn ikun rilevanti inkluż, fejn xieraq, koperazzjoni fuq il-kondizzjonalità tas-settur, użu akbar tal-kofinanzjament u parteċipazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn f’inizjattivi globali, bħalma huma dawk li jippromwovu l-koordinament tal-għajnuna u l-effiċjenza.

(17)

Ir-rappurtaġġ u t-trażmissjoni tal-informazzjoni mill-BEI u mill-Kummissjoni dwar l-Operazzjonijijet ta’ Finanzjament tal-BEI għandu jissaħħaħ. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tasal mingħand il-BEI, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mwettqa taħt din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jinkludi d-dokumenti strateġiċi u jinkludi taqsima fuq il-valur miżjud b’mod konformi mal-linji politiċi tal-Komunità, u taqsima dwar il-koperazzjoni mal-Kummissjoni, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn u donaturi bilaterali, inkluż dwar il-kofinanzjament.

(18)

Il-garanzija tal-Komunità stabbilita b’din id-Deċiżjoni għandha tkopri operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI ffirmati matul il-perjodu li jibda fl-1 ta’ Frar 2007 u jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2011. Sabiex ikunu kapaċi jwieżnu l-iżviluppi matul l-ewwel nofs ta’ dak il-perjodu, il-BEI u l-Kummissjoni għandhom jippreparaw reviżjoni ta’ nofs it-terminu ta’ din id-Deċiżjoni. Tali reviżjoni għandha tinkludi b’mod partikolari evalwazzjoni esterna li t-termini ta’ referenza tagħha huma speċifikati fl-Anness II.

(19)

L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom ikomplu jiġu ġestiti skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess, inklużi l-miżuri ta’ kontroll xierqa, kif ukoll permezz tar-regoli u tal-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF).

(20)

Il-Fond ta’ Garanzija għal Azzjoni Esterna (il-“Fond ta’ Garanzija”), li ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 (12) għandu jkompli jipprovdi riserva ta’ likwidità għall-baġit Komunitarju kontra t-telf fuq operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI.

(21)

Il-BEI għandu jħejji, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, programm multiannwali indikattiv tal-ammont ta’ firem tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI sabiex jiġi żgurat ippjanar baġitarju xieraq għall-proviżjon tal-Fond ta’ Garanzija. Il-Kummissjoni għandha tqis dan il-pjan fil-programmazzjoni tal-baġit regolari tagħha trażmess lill-awtorità baġitarja.

(22)

Bis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Novembru 2008 fil-każ C-155/07 (il-Parlament vs il-Kunsill), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità (13). Id-Deċiżjoni 2006/1016/KE kienet ġiet estiża għal ħames pajjiżi tal-Ażja ċentrali (jiġifieri l-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan) mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/847/KE tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar l-eliġibbiltà tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali skont id-Deċiżjoni 2006/1016/KE (14).

(23)

Madankollu, il-Qorti ordnat li l-effetti tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE jinżammu għall-arranġamenti ta’ finanzjament li jkun sar impenn fuqhom qabel id-dħul fis-seħħ, fi ħdan perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-ħruġ tal-imsemmija sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida adottata fuq il-bażi legali x-xierqa, jiġifieri l-Artikoli 179 u 181a tat-Trattat flimkien. Ir-riżultat ta’ dik is-sentenza huwa li l-proċedura ta’ kodeċiżjoni tapplika għall-attivazzjoni tal-mandat fakultattiv, għall-eleġibbiltà tal-pajjiżi mniżżla fl-Anness I, u għas-sospensjoni tal-finanzjament tal-BIE f’pajjiż speċifiku fil-każ ta’ tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika jew ekonomika.

(24)

Għaldaqstant għandha tiġi adottata Deċiżjoni ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tistipula garanzija mhux mibdula kontinwa tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI rilevanti barra mill-Komunità.

(25)

Madankollu, din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata malajr waqt li jkun żgurat li l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew jiġu rrispettati b’mod sħiħ; għalhekk il-Kummissjoni għandha tressaq, qabel it-30 ta’ April 2010, proposta għal deċiżjoni ġdida waqt li tqis ukoll il-konklużjonijiet tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu.

(26)

Dik il-proposta għal deċiżjoni ġdida għandha tindirizza, fost oħrajn, il-kwistjoni ta’ aktar skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet baġitarji u politiċi kollha meħuda mill-BEI u l-Kummissjoni fil-qafas ta’ dik id-Deċiżjoni l-ġdida, il-kwistjoni ta’ trasparenza tal-mekkaniżmu kollu ta’ finanzjament, u l-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-garanzija Komunitarja meta mqabbla mal-krediti minfuqa,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-garanzija u l-limiti massimi

1.   Il-Komunità għandha tagħti lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) garanzija globali (il-Garanzija tal-Komunità) fir-rigward ta’ ħlasijiet li ma waslux għand il-BEI, iżda li huma dovuti lilu, fir-rigward ta’ self u garanziji fuq self għal proġetti ta’ investiment eliġibbli għall-finanzjament mill-BEI mwettqa f’pajjiżi koperti b’din id-Deċiżjoni, fejn il-finanzjament tas-self jew garanzija ngħataw skont ftehim iffirmat li la jkun skada u lanqas ikun ġie kkanċellat (“operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI”) u jkun ingħata skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess u b’sostenn għall-għanijiet rilevanti tal-politika esterna tal-Komunità.

2.   Il-garanzija Komunitarja għandha tiġi ristretta għal 65 % tal-ammont aggregat tal-krediti maħruġa u l-garanziji pprovduti taħt l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI, bl-ammonti rrimborsati mnaqqsa, flimkien mal-ammonti relatati kollha.

3.   Il-limitu massimu ġenerali tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI, matul il-perjodu 2007-2013, nieqes l-ammonti mħassra, ma għandux jaqbeż EUR 27 800 000 000. Dan il-limitu massimu huwa maqsum f’żewġ partijiet:

(a)

limitu massimu bażiku ta’ ammont massimu fiss ta’ EUR 25 800 000 000, li d-distribuzzjoni reġjonali tiegħu hija stabbilita fil-paragrafu 4, sabiex ikopri l-perjodu kollu 2007-2013;

(b)

mandat fakultattiv ta’ EUR 2 000 000 000. Deċiżjonijiet fuq l-attivazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ dan l-ammont fakultattiv u d-distribuzzjoni reġjonali tiegħu sejrin jittieħdu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat. Id-deċiżjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultat tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu stabbilita fl-Artikolu 9.

4.   Il-limitu massimu bażiku msemmi fil-paragrafu 3(a) għandu jiġi maqsum skont il-limiti massimi reġjonali vinkolanti li ġejjin:

(a)

pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni: EUR 8 700 000 000;

(b)

pajjiżi tal-viċinat u tas-sħubija: EUR 12 400 000 000;

maqsuma fis-sottolimiti massimi indikattivi li ġejjin:

(i)

pajjiżi Mediterranji: EUR 8 700 000 000;

(ii)

l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu t’ Isfel u r-Russja: EUR 3 700 000 000;

(c)

l-Ażja u l-Amerika Latina: EUR 3 800 000 000;

maqsuma fis-sottolimiti massimi indikattivi li ġejjin:

(i)

l-Amerika Latina: EUR 2 800 000 000;

(ii)

l-Ażja (inkluża l-Ażja Ċentrali): EUR 1 000 000 000;

(d)

ir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel: EUR 900 000 000.

5.   Fi ħdan il-limiti massimi reġjonali, il-korpi regolatorji tal-BEI jistgħu jiddeċiedu li jallokaw mill-ġdid sa 10 % tal-ammont tal-limiti massimi reġjonali bejn is-sottolimiti massimi.

6.   Il-garanzija Komunitarja għandha tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI ffirmati matul perjodu li beda fl-1 ta’ Frar 2007 u li jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2011. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI ffirmati skont id-Deċiżjonijiet 2006/1016/KE u 2008/847/KE għandhom ikomplu jibbenefikaw mill-garanzija Komunitarja skont din id-Deċiżjoni.

7.   Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu li jissemma fil-paragrafu 6, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jkunux adottaw deċiżjoni li tagħti garanzija Komunitarja ġdida lill-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu barra l-Komunità, dan il-perjodu għandu awtomatikament jiġi estiż b’sitt xhur.

Artikolu 2

Pajjiżi koperti

1.   Il-lista tal-pajjiżi eliġibbli jew eliġibbli potenzjalment għall-finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija Komunitarja hija stabbilita fl-Anness I.

2.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I u mmarkati b “*” u għal pajjiżi oħrajn mhux elenkati fl-Anness I, l-eliġibbiltà ta’ tali pajjiż għal finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija Komunitarja għandha tiġi deċiża mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

3.   Il-garanzija Komunitarja għandha tkopri biss operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mwettqa f’pajjiżi li jkunu kkonkludew ftehim ta’ qafas mal-BEI li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet legali li taħthom dawn l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu.

4.   Fil-każ ta’ tħassib serju fuq is-sitwazzjoni politika jew ekonomika f’pajjiż speċifiku, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jissospendu finanzjament ġdid tal-BEI taħt garanzija Komunitarja f’dak il-pajjiż skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

5.   Il-garanzija Komunitarja ma għandhiex tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI f’pajjiż speċifiku meta l-ftehim dwar operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI bħal dawn ikunu ġew iffirmati wara l-adeżjoni tal-pajjiż fl-UE.

Artikolu 3

Konsistenza mal-linji politiċi tal-Komunità

1.   Il-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-BEI mal-linji politiċi u mal-għanijiet politiċi esterni tal-Komunità se jiġu msaħħa bil-ħsieb li jiġu massimizzati s-sinerġiji tal- finanzjament tal-BEI u tar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni Ewropea u r-riżorsi baġitarji tal-UE, partikolarment permezz ta’ djalogu regolari u sistematiku u konsultazzjoni bikrija dwar:

(a)

dokumenti strateġiċi ppreparati mill-Kummissjoni, bħal dokumenti ta’ strateġija tal-pajjiż jew dik reġjonali, pjanijiet ta’ azzjoni u dokumenti ta’ qabel l-adeżjoni;

(b)

il-pjanijiet għall-proġetti u dokumenti ta’ ppjanar strateġiku tal-BEI;

(c)

aspetti ta’ politika u operattivi oħra.

2.   Din il-koperazzjoni se titmexxa ‘l quddiem fuq bażi reġjonalment iddifferenzjata, fejn jitqiesu r-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji politiċi tal-Komunità f’kull reġjun.

3.   Operazzjoni ta’ finanzjament tal-BEI m’għandhiex tkun inkluża taħt il-kopertura tal-garanzija Komunitarja fil-każ li l-Kummissjoni tagħti opinjoni negattiva fuq operazzjoni bħal din fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21 tal-Istatuti tal-BEI.

4.   Il-konsistenza tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mal-linji politiċi u l-għanijiet politiċi esterni tal-Komunità għandha tiġi mmonitorizzata skont l-Artikolu 6.

Artikolu 4

Koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn

1.   L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom dejjem iżjed jitwettqu, fejn ikun xieraq, f’koperazzjoni u/jew f’kofinanzjament bejn il-BEI u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jew l-istituzzjonijiet bilaterali Ewropej l-oħra sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, il-koperazzjoni u l-effiċjenza u sabiex jiġi żgurat qsim raġonevoli tar-riskji u kondizjonalità tal-proġett u tas-settur koerenti.

2.   Il-koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ffaċilitata permezz ta’ koordinazzjoni mwettqa speċjalment fil-kuntest ta’ Memoranda ta’ Ftehim, fejn ikun xieraq, bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-istituzzjonijiet bilaterali Ewropej prinċipali li joperaw fir-reġjuni differenti.

3.   Il-koperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħrajn għandha tiġi evalwata fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu stabbilita fl-Artikolu 9.

Artikolu 5

Il-kopertura u t- termini tal-garanzija Komunitarja

1.   Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li wieħed jidħol għalihom mal-Istat jew li huma ggarantiti mill-Istat, kif ukoll operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI oħra li wieħed jidħol għalihom mal-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew ma’ intrapriżi jew istituzzjonijiet pubbliċi tal-gvern u/jew ikkontrollati mill-gvern, fejn operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI oħra ta’ dan it-tip għandhom valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-BEI xierqa meta titqies is-sitwazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-pajjiż ikkonċernat: il-ħlasijiet kollha li ma jaslux għand il-BEI iżda li huma dovuti lilu (li minn hawn ‘il quddiem il-“Garanzija Komprensiva”).

Għall-finiijiet ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 6(4), in-nozzjoni ta’ Stat tinkludi x-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, kif irrappreżentat mill-Awtorità Palestinjana, u l-Kosovo (*1) kif rappreżentat mill-Missjoni Amministrattiva Interim tan-NU.

2.   Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li wieħed jidħol għalihom ma’ partijiet oħra minn dawk indikati fil-paragrafu 1 u li mhumiex iggarantiti mill-Istat: il-ħlasijiet kollha li ma jaslux għand il-Bank iżda li huma dovuti lilu fejn in-nuqqas ta’ ħlas ġie kkawżat mir-realizzazzjoni ta’ wieħed mir-riskji politiċi li ġejjin (il-“Garanzija kontra r-Riskju Politiku”):

(a)

nuqqas ta’ trasferiment tal-munita;

(b)

esproprjazzjoni;

(c)

gwerra jew irvellijiet ċivili;

(d)

ġustizzja miċħuda wara ksur ta’ kuntratt.

Artikolu 6

Rappurtaġġ u kontabbiltà

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mwettqa taħt din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi stima tal-impatt u tal-effikaċja tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI fuq il-livell ta’ proġett, settur, pajjiż u reġjonali kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI sabiex ikunu sodisfatti l-għanijiet tal-politika esterna tal-Komunità, meta jitqiesu l-għanijiet operattivi tal-BEI u l-kejl xieraq tas-sodisfazzjon tagħhom. Għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-firxa tal-koperazzjoni bejn l-BEI u l-Kummissjoni u bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn u donaturi bilaterali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mwettqa taħt din id-Deċiżjoni u tat-twettiq tal-għanijiet tal-politika esterna tal-Komunità, inkluża l-koperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħra.

3.   Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’data statistika, finanzjarja u ta’ kontabbiltà dwar kull waħda mill-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li jkunu meħtieġa biex jiġu sodisfatti d-dmirijiet ta’ rappurtaġġ tal-Kummissjoni jew it-talbiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll b’ċertifikat ta’ awditur dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li jkunu għadhom pendenti.

4.   Għall-finijiet tal-kontabbiltà u tar-rappurtaġġ tal-Kummissjoni tar-riskji koperti mill-Garanzija Komprensiva, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’valutazzjoni tar-riskju u b’informazzjoni dwar gradazzjoni tal-Bank li jikkonċernaw l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI ma’ min jissellef jew ma’ persuni obbligati b’garanzija għajr għall-Istati.

5.   Il-BEI għandu jipprovdi l-informazzjoni taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 bi spejjeż tagħha.

Artikolu 7

L-irkupru tal-ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni

1.   Fejn il-Kummissjoni tagħmel ħlas taħt il-garanzija Komunitarja, il-BEI, f’isem u fl-interesss tal-Kummissjoni, għandu jsegwi l-irkupru tal-klejms għall-ammonti mħallsa.

2.   Il-BEI u l-Kummissjoni għandhom jidħlu fi ftehim li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri ddettaljati li jirrelataw mal-irkupru tal-klejms mhux aktar tard mill-konklużjoni tal-ftehim li jissemma fl-Artikolu 8.

Artikolu 8

Ftehim ta’ garanzija

Il-BEI u l-Kummissjoni għandhom jidħlu fi ftehim ta’ garanzija li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati li jirrelataw mal-garanzija Komunitarja.

Artikolu 9

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2010, akkompanjat, bi proposta għall-emendar tiegħu, filwaqt li tibbaża fuq inter alia, evalwazzjoni esterna li t-termini ta’ referenza tagħha huma speċifikati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport finali dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 10

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/847/KE hija b’dan imħassra.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009

(2)   ĠU L 186, 15.7.2008, p. 30.

(3)   ĠU L 292, 9.11.2001, p. 41.

(4)   ĠU L 21, 25.1.2005, p. 11.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1).

(10)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(11)   ĠU L 311, 4.12.1999, p. 3.

(12)   ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1.

(13)   ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95.

(14)   ĠU L 301, 12.11.2008, p. 13.

(*1)  Taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).


ANNESS I

IR-REĠJUNI U L-PAJJIŻI KOPERTI MILL-ARTIKOLU 1 U 2

A.   Il-Pajjiżi Ta’ Qabel L-Adeżjoni

1.   Il-pajjiżi kandidati

Il-Kroazja, it-Turkija, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

2.   Il-pajjiżi kandidati potenzjali

L-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).

B.   Il-Pajjiżi Tal-Viċinat U Tas-Sħubija

1.   Pajjiżi tal-Mediterran

L-Alġerija, l-Eġittu, ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja(*), il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija.

2.   L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu t’Isfel u r-Russja

L-Ewropa tal-Lvant: ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna, il-Belarus (*);

Il-Kawkasu t’Isfel: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja;

Ir-Russja: ir-Russja.

C.   L-Ażja U L-Amerika Latina

1.   L-Amerika Latina

L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela.

2.   L-Ażja

L-Ażja (mingħajr l-Ażja Ċentrali):

L-Afganistan (*), il-Bangladexx, il-Butan(*), il-Brunej, il-Kambodja (*), iċ-Ċina (inkluż Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq (*), il-Korea t’Isfel, il-Laos, il-Malażja, il-Maldivi, il-Mongolja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, is-Sri Lanka, it-Tajwan (*), it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen.

L-Ażja Ċentrali:

Il-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan.

D.   L-Afrika T’isfel

L-Afrika t’Isfel.


ANNESS II

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu u termini ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-mandat estern tal-BEI

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu

Fl-2010 sejra ssir reviżjoni sostantiva ta’ nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI. Din ir-reviżjoni se tkun ibbażata fuq evalwazzjoni esterna indipendenti, li sejra tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-reviżjoni sejra tipprovdi l-bażi għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta’ jekk u f’liema ambitu jingħata kwalunkwe mandat fakultattiv biex jiżdied mal-garanzija stipulata f’din id-Deċiżjoni, għall-perjodu ta’ wara l-2010, fir-rigward ta’ jekk għandhomx isiru emendi oħra għall-mandat, u fir-rigward ta’ kif ikunu żgurati kemm valur miżjud kif ukoll effiċjenza massima fl-operazzjonijiet tal-BEI. Il-Kummissjoni sejra tippreżenta r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ April 2010, bħala l-bażi għal kwalunkwe proposta għall-emenda tal-mandat.

Il-qafas tal-evalwazzjoni

Dan jinkludi:

(a)

evalwazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji esterni tal-BEI. Partijiet mill-evalwazzjoni sejrin isiru f’koperazzjoni mad-dipartimenti tal-evalwazzjoni tal-BEI u tal-Kummissjoni;

(b)

stima tal-impatt usa’ tas-self estern tal-BEI dwar l-interazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn u ma’ sorsi finanzjarji oħrajn.

L-evalwazzjoni sejra tiġi mmonitorjata u amministrata minn kumitat ta’ tmexxija magħmul minn bosta “persuni għorrief” maħturin mill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI, rappreżentant tal-BEI u rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kumitat ta’ tmexxija se jkun ippresedut minn “persuna għarfa” waħda.

Il-kumitat ta’ tmexxija se jkun appoġġjat mid-dipartimenti ta’ evalwazzjoni tal-BEI u tal-Kummissjoni u minn esperti esterni. Dawn l-esperti esterni sejrin jintgħażlu permezz ta’ proċess ta’ sejħa għall-offerti ġestit mill-Kummissjoni. Il-kumitat ta’ tmexxija se jiġi kkonsultat fuq it-termini ta’ referenza u fuq il-kriterji għall-għażla tal-esperti esterni. L-ispejjeż tal-esperti esterni se jitħallsu mill-Kummissjoni u se jiġu koperti mil-linja baġitarja dedikata għall-provviżjon tal-Fond ta’ Garanzija.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali se jiġi ppreżentat mill-kumitat ta’ tmexxija, u se jislet konklużjonijiet ċari, abbażi tal-informazzjoni miġbura, sabiex jagħti l-informazzjoni meħtieġa għad-deċiżjoni tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu dwar jekk il-parti fakultattiva għall-bqija tal-mandat għandhiex tiġi rilaxxata u fir-rigward tad-distribuzzjoni reġjonali ta’ kwalunkwe finanzjament addizzjonali.

L-ambitu tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni se tkopri l-mandati preċedenti (2000-2006) u l-ewwel snin tal-mandat 2007-2013, sal-aħħar tal-2009. Hija se teżamina l-volumi tal-finanzjament u l-infiq tal-proġett skont il-pajjiż kif ukoll l-għajnuna teknika u l-operazzjonijiet li jinvolvu riskju tal-kapital. Wara li tikkunsidra l-effetti fuq livell ta’ proġett, settur, reġjonali u ta’ pajjiż, l-evalwazzjoni se tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq:

(a)

l-evalwazzjoni bir-reqqa tar-rilevanza, rendiment (effettività, effikaċja u sostenibbiltà) tal-operazzjonijiet tal-BEI kontra l-għanijiet reġjonali speċifiċi tagħhom kif oriġinarjament stabbiliti fi ħdan il-linji politiċi esterni tal-Komunità rilevanti kif ukoll il-valur miżjud tagħhom (li għandhom jitmexxew f’assoċjazzjoni mal-unità ta’ evalwazzjoni tal-BEI u s-servizzi tal-Kummissjoni);

(b)

il-valutazzjoni tal-konsistenza mal-linji politiċi u strateġiji esterni rilevanti tal-Komunità u tal-addizzjonalità u l-valur miżjud tal-operazzjonijiet tal-BEI fl-ewwel snin tal-mandat 2007-2013 fil-qafas tal-għanijiet reġjonali speċifiċi fil-mandat 2007-2013 u tal-indikaturi tar-rendiment korrespondenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-BEI (li għandhom isiru f’assoċjazzjoni mal-unità tal-evalwazzjoni tal-BEI u s-servizzi tal-Kummissjoni);

(c)

analiżi tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji, il-kapaċità ta’ assorbiment tagħhom u d-disponibbiltà ta’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament privat jew pubbliku għall-istrumenti relevanti;

(d)

il-valutazzjoni tal-koperazzjoni u l-koerenza ta’ azzjonijiet bejn il-BEI u l-Kummissjoni;

(e)

il-valutazzjoni tal-koperazzjoni u s-sinerġiji bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji u aġenziji internazzjonali u bilaterali.

Għall-finijiet tal-valutazzjonijiet taħt il-punti (a) u (b), il-valur miżjud tal-operazzjonijiet tal-BEI se jitkejjel kontra tliet elementi:

—

appoġġ għall-għanijiet tal-politika tal-Komunità,

—

il-kwalità tal-proġetti nfushom u

—

sorsi alternattivi ta’ finanzjament.