30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/47


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ April 2009

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ lycopene oleoresin mit-tadam bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3036)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2009/355/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Settembru 2004 il-kumpanija Ottaway & Associates Ltd. f’isem il-kumpanija LycoRed għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex tqiegħed il-lycopene oleoresin mit-tadam fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel; fit-30 ta’ Ġunju 2005 l-entità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet ir-rapport ta’ evalwazzjoni inizjali, li fih waslet għall-konklużjoni li l-lycopene oleoresin mit-tadam jista’ jiġi aċċettat biex jintuża fil-firxa proposta ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

Il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta’ evalwazzjoni inizjali lill-Istati Membri kollha fid-9 ta’ Awwissu 2005.

(3)

Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stabbilit fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu oġġezzjonijiet motivati għat-tqegħid fis-suq tal-prodott skont din id-dispożizzjoni; għaldaqstant l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ġiet ikkonsultata fit-13 ta’ Settembru 2006 u ppubblikat l-opinjoni tagħha fl-24 ta’ April 2008.

(4)

F’dik l-opinjoni, l-EFSA waslet għall-konklużjoni li l-lycopene jista’ jintuża mingħajr periklu bħala ingredjent tal-ikel għall-użu propost; madankollu, l-EFSA kkonkludiet li l-konsum ta’ lycopene mill-utent medju se jibqa’ taħt id-Doża Aċċettabbli ta’ Kuljum (DAK), iżda li xi utenti tal-lycopene jistgħu jaqbżu d-DAK.

(5)

Sadanittant, wara talbiet oħra għal użi oħrajn ta’ lycopene bħala ingredjent ġdid tal-ikel, l-EFSA waslet għall-istess konklużjoni; għaldaqstant, jidher xieraq li tiġi stabbilita lista ta’ ikel aċċettabbli għaż-żieda tal-lycopene.

(6)

Għaldaqstant, jidher xieraq li tinġabar dejta dwar id-doża għal numru ta’ snin wara l-awtorizzazzjoni biex tiġi riveduta din l-awtorizzazzjoni fid-dawl ta’ kull informazzjoni oħra dwar is-sikurezza tal-lycopene u l-konsum tagħha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġbir ta’ dejta dwar il-livelli ta’ lycopene fiċ-ċereali għall-fatra ta’ filgħodu. Madankollu, dan ir-rekwiżit skont id-Deċiżjoni preżenti, japplika għall-użu ta’ lycopene bħala ingredjent ġdid tal-ikel u mhux għall-użu ta’ lycopene bħala kulur għall-ikel, li jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi mal-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (2).

(7)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni xjentifika, ġie stabbilit li l-lycopene oleoresin mit-tadam jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Lycopene oleoresin li ġej mit-tadam, minn hawn ‘il quddiem il-prodott, kif speċifikat fl-Anness I, jista’ jitqiegħed fis-suq fil-Komunità bħala ingredjent ġdid tal-ikel għall-użu fl-ikel imniżżel fl-Anness II.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni tal-ingredjent ġdid tal-ikel awtorizzat minn din id-Deċiżjoni dwar l-ittikkettjar tal-oġġett tal-ikel li fih jinsab l-ingredjent għandha tkun “lycopene oleoresin mit-tadam”.

Artikolu 3

Il-kumpanija LycoRed għandha tistabbilixxi programm ta’ monitoraġġ li jakkumpanja t-tqegħid fis-suq tal-prodott. Dan il-programm għandu jinkludi informazzjoni dwar livelli ta’ użu ta’ lycopene fl-ikel kif speċifikat fl-Anness III.

Id-dejta miġbura għandha ssir disponibbli għall-Kummissjoni u l-Istati Membri b’konformità mal-perjodiċità stabbilita fl-Anness III.

Fid-dawl ta’ informazzjoni ġdida u rapport tal-EFSA, l-użu tal-lycopene oleoresin mit-tadam bħala ingredjent għall-ikel għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard mis-sena 2014.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil LycoRed Ltd., Hebron Rd., Industrial Zone, Beer Sheva 84102, l-Iżrael.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)   ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27.


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet ta’ lycopene oleoresin mit-tadam

SPJEGAZZJONI

Il-lycopene oleoresin mit-tadam jinkiseb permezz ta’ estrazzjoni ta’ solventi tat-tadam misjur (Lycopersicon esculentum) bit-tneħħija sussegwenti tas-solvent. Dan huwa likwidu ċar, viskuż ta’ lewn li jvarja minn aħmar għal kannella skur.

KOMPOŻIZZJONI

Lycopene totali

5 sa 15 %

Li minnu trans-Lycopene

90 – 95 %

Karotenojdi totali (ikkalkolati bħala Lycopene)

6,5 – 16,5 %

Karotenojdi oħra

1,75  %

(Phytoene/Phytofluene/β-carotene)

(0,5 sa 0,75/0,4 sa 0,65/0,2 sa 0,35 %)

Tokoferols totali

1,5 sa 3,0 %

Sustanza insaponifikabbli

13 sa 20 %

Total ta’ aċidi xaħmin

60 sa 75 %

Ilma (Karl Fischer)

Mhux aktar minn 0,5 %


ANNESS II

Lista ta’ ikel li miegħu jista jiżdied il-‘lycopene oleoresin mit-tadam’

Kategorija tal-ikel

Kontenut massimu ta’ lycopene

Xarbiet b’bażi ta’ meraq tal-frott/ħaxix (inklużi l-konċentrati)

2,5 mg/100 g

Xorb adattat għall-isforz muskolari intens speċjalment għall-isportivi

2,5 mg/100 g

Ikel maħsub għall-użu f’dieti ta’ enerġija ristretta għat-tnaqqis tal-piż

8 mg/sostitut tal-ikel

Ċereali għall-fatra ta’ filgħodu

5 mg/100 g

Xaħmijiet u Taħwir tal-Ikel

10 mg/100 g

Sopop għajr is-sopop tat-tadam

1 mg/100 g

Ħobż (inkluż ħobż iqarmeċ)

3 mg/100 g

Ikel Djetetiku għal Skopijiet Mediċi Speċjali

B’konformità mar-rekwiżiti nutrittivi partikolari


ANNESS III

Monitoraġġ ta’ wara t-tnedija tal-lycopene oleoresin mit-tadam

L-INFORMAZZJONI LI TRID TINĠABAR

Kwantitajiet ta’ lycopene oleoresin mit-tadam, espressi bħala lycopene stipulati minn LycoRed lill-klijenti tagħhom għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel finali li għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni Ewropea.

Ir-riżultati tat-tiftix fil-bażi ta’ dejta dwar it-tnedijiet ta’ prodotti ta’ ikel bil-lycopene miżjud, inklużi l-livelli ta’ fortifikazzjoni u d-daqs tal-porzjonijiet għal kull prodott tal-ikel imniedi minn Stat Membru.

RAPPURTAĠĠ TA’ INFORMAZZJONI

L-informazzjoni hawn fuq għandha tiġi rrapportata lill-Kummissjoni Ewropea kull sena għas-snin bejn l-2009 u l-2012. Għall-ewwel darba fil-31 ta’ Ottubru 2010 għall-perjodu ta’ rapportar bejn l-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010; u mbagħad bl-istess perjodu ta’ rapportar annwali għas-sentejn ta’ wara.

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Fejn huwa xieraq u disponibbli għal LycoRed, l-istess informazzjoni dwar id-dożi ta’ lycopene użati bħala kulur għall-ikel jew ingredjent għas-supplimenti tal-ikel għandha tiġi wkoll irrapportata.

Fejn tkun disponibbli, LycoRed għandha tipprovdi informazzjoni xjentifika ġdida biex jitqiesu mill-ġdid il-livelli ta’ dożi massimi sikuri ta’ lycopene.

EVALWAZZJONI TAL-LIVELLI TA’ DOŻI TA’ LYCOPENE

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura u rrapportata hawn fuq, LycoRed għandha twettaq evalwazzjoni aġġornata tad-dożi.

REVIŻJONI

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-EFSA fl-2013 biex tirrevedi l-informazzjoni mogħtija mill-industrija.