|
19.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 340/112 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Diċembru 2008
dwar l-użu, min-naħa ta’ emittenti ta’ titoli ta’ pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta’ ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8218)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/961/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva Nru 2001/34/KE (1), b’mod partikolari l-Artikolu 23(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (2) jeżiġi li l-kumpaniji rregolati mil-liġi ta’ Stat Membru u li t-titoli tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ta’ kwalunkwe Stat Membru, jippreparaw il-kontijiet konsolidati tagħhom skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati, illum komunement imsejħa Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 (minn hawn ‘il quddiem “l-IFRS addottati”), għal kull sena finanzjarja b’bidu mill-1 ta’ Jannar 2005 jew wara dik id-data. |
|
(2) |
L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/109/KE jipprovdu li fejn emittent ikollu l-obbligu li jipprepara kontitjiet konsolidati, ir-rapporti annwali jew ta’ kull sitt xhur għandu jkun fihom it-tali kontijiet konsolidati mfassla skond l-IFRS adottati. Minkejja li dan ir-rekwiżit japplika bl-istess mod sew għal emittenti tal-Komunità u ta’ pajjiżi terzi, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu eżenti minn dan ir-rekwiżit bil-kundizzjoni li l-liġi tal-pajjiż terz ikkonċernat titstipula rekwiżiti ekwivalenti. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/891/KE (3) tipprovdi li emittent ta’ pajjiż terz jista’ jipprepara l-kontijiet konsolidati tiegħu, għal snin finanzjarji qabel l-1 ta’ Jannar 2009, f’konformità mal-IFRS kif maħruġa mill-Bord Internazzjonali dwar l-Istandards tal-Kontabbiltà (IASB), mal-GAAP tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerika jew ma’ GAAP ta’ pajjiż terz li jkunu suġġetti għal konverġenza mal-IFRS. |
|
(4) |
Rapporti finanzjarji mfassla skond l-IFRS kif maħruġa mill-IASB lill-utenti ta’ dawn ir-rapporti jagħtuhom livell suffiċjenti ta’ informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni informata dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-pożizzjoni finanzjarja, il-profitti u t-telf u l-prospetti ta’ emittent. Għaldaqstant, huwa f’loku li emittenti ta’ pajjiżi terzi jitħallew jużaw fil-Komunità l-IFRS kif maħruġa mill-IASB. |
|
(5) |
Għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza bejn il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati Ġeneralment (GAAP) ta’ pajjiż terz mal-IFRS adottati, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta’ titoli skond id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprovdi għad-definizzjoni tal-ekwivalenza u jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-GAAP ta’ pajjiż terz. Ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 jeżiġi wkoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-emittenti tal-Komunità tippermettilhom jużaw l-IFRS adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 fil-pajjiż terz ikkonċernat. |
|
(6) |
F’Diċembru 2007, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) rigward il-valutazzjoni teknika tal-ekwivalenza tal-GAAP tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun. F’Marzu 2008, il-Kummissjoni estendiet il-konsultazzjoni fir-rigward tal-GAAP tal-Korea t’Isfel, il-Kanada u l-Indja. |
|
(7) |
Fil-pariri tiegħu maħruġa f’Marzu, f’Mejju u f’Ottubru 2008 rispettivament, is-CESR irrakkomanda li l-GAAP tal-Istati Uniti u tal-Ġappun jitqiesu bħala ekwivalenti għall-IFRS għall-użu fil-Komunità. Barra minn hekk, is-CESR irrakkomanda l-aċċettazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jużaw il-GAAP taċ-Ċina, il-Kanada, il-Korea t’Isfel u l-Indja fil-Komunità fuq bażi temporanja, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. |
|
(8) |
Fl-2006, il-Bord tal-Istandards tal-Kontabbiltà Finanzjarja tal-Istati Uniti u l-IASB kkonkludew Memorandum ta’ Qbil li afferma mill-ġdid lil-mira tagħhom li jkun hemm konverġenza bejn il-GAAP tal-Istati Uniti u l-IFRS, u fassal programm ta’ ħidma għall-ilħiq ta’ din il-mira. B’riżultat ta’ dan il-programm ta’ ħidma, ġew solvuti bosta differenzi kbar bejn il-GAAP tal-Istati Uniti u l-IFRS. Barra minn hekk, wara d-djalogu bejn il-Kummissjoni u s-Securities and Exchange Commission (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju) tal-Istati Uniti, l-emittenti tal-Komunità li jippreparaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom skond l-IFRS kif maħruġa mill-IASB ma għadx għandhom l-obbligu jagħmlu rikonċiljazzjoni. Għaldaqstant huwa f’loku li l-US GAAP jitqies bħala ekwivalenti għall-IFRS adottati mill-1 ta’ Jannar 2009. |
|
(9) |
F’Awwissu 2007, il-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabbiltà tal-Ġappun u l-IASB ħabbru li kienu qablu li jaċċelleraw il-konverġenza billi sal-2008 jeliminaw id-differenzi maġġuri bejn il-GAAP tal-Ġappun u l-IFRS, u sa tmiem l-2011 id-differenzi li jkun għad fadal. L-awtoritajiet Ġappuniżi ma jeżiġu l-ebda rikonċiljazzjoni għall-emittenti tal-Komunità li jippreparaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom skont l-IFRS. Għaldaqstant huwa f’loku li l-GAAP tal-Ġappun jitqies ekwivalenti għall-IFRS adottati mill-1 ta’ Jannar 2009. |
|
(10) |
Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1569/2007, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jużaw GAAP ta’ pajjiżi terzi li qed jikkonverġu jew li huma impenjati li jadottaw l-IFRS jew li laħqu qbil dwar ir-rikonoxximent reċiproku mal-Komunità qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 għal perjodu transizzjonali li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. |
|
(11) |
Fiċ-Ċina, l-Istandards ta’ Kontabbiltà għall-Impriżi Kummerċjali huma sostanzjalment konverġuti mal-IFRS u jkopru kważi l-materji kollha fl-IFRS kurrenti. Madankollu, minħabba li l-Istandards ta’ Kontabbiltà għall-Impriżi Kummerċjali japplikaw biss mill-2007, jeħtieġ li jkun hemm aktar evidenza tal-applikazzjoni korretta tagħhom. |
|
(12) |
Il-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabbiltà tal-Kanada ħa impenn pubbliku f’Jannar 2006 li se jadotta l-IFRS sal-31 ta’ Diċembru 2011 u qed jieħu miżuri effikaċi biex jiżgura t-transizzjoni għall-IFRS, f’waqtha u sħiħa, sa dik id-data. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni Koreana dwar is-Superviżjoni Finanzjarja u l-Istitut Korean tal-Kontabbiltà ħadu impenn pubbliku f’Marzu 2007 li se jadottaw l-IFRS sal-31 ta’ Diċembru 2011 u qed jieħu miżuri effikaċi biex jiżguraw it-transizzjoni għall-IFRS, f’waqtha u sħiħa, sa dik id-data. |
|
(14) |
Il-Gvern Indjan u l-Indian Institute of Chartered Accountants f’Lulju 2007 ħadu impenn pubbliku li sal-31 ta’ Diċembru 2011 jadottaw l-IFRS, u qed jieħdu miżuri effikaċi biex jiżguraw it-transizzjoni f’waqtha u sħiħa għall-IFRS sa dik id-data. |
|
(15) |
Filwaqt li ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni finali dwar l-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabbiltà li qed jikkonverġu mal-IFRS sakemm ma tkunx saret valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-kontabbiltà min-naħa tal-kumpaniji u l-awdituri, huwa importanti li jingħata appoġġ għall-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi li ħadu l-impenn li jikkonverġu l-istandards tal-kontabbiltà tagħhom mal-IFRS, kif ukoll għal dawk il-pajjiżi li ħadu l-impenn li jadottaw l-IFRS. Għaldaqstant huwa f’loku li l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jitħallew jippreparaw ir-rapporti annwali u ta’ kull sitt xhur tagħhom skond il-GAAP taċ-Ċina, il-Kanada, il-Korea t’Isfel jew l-Indja fil-Komunità għall-perjodu transizzjonali ta’ mhux aktar minn 3 snin. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni, bl-għajnuna teknika tas-CESR, għandha tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta’ dawk il-GAAP ta’ pajjiżi terzi f’relazzjoni mal-IFRS adottati. |
|
(17) |
Il-pajjiżi għandhom jitħeġġu jadottaw l-IFRS. L-UE tista’ tiddeċiedi li standards nazzjonali li jkunu ġew determinati bħala ekwivalenti ma jkunux jistgħu jintużaw aktar fit-tħejjija tal-informazzjoni rikjesta skond id-Direttiva 2004/109/KE jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (5) li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE meta dawk il-pajjiżi rispettivi jkunu adottaw l-IFRS bħala l-uniku standard ta’ kontabbiltà tagħhom. |
|
(18) |
Fl-interessi taċ-ċarezza u t-trasparenza, id-Deċiżjoni 2006/891/KE għandha tiġi sostitwita. |
|
(19) |
Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Mill-1 ta’ Jannar 2009, flimkien mal-IFRS adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, fir-rigward tar-rapporti finanzjarji annwali konsolidati u tar-rapporti finanzjarji biannwali konsolidati, l-istandards li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-IFRS adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002:
|
(a) |
l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, bil-kundizzjoni li n-noti dwar ir-rapporti finanzjarji vverifikati jkun fihom stqarrija espliċita u bla riserva li dawn ir-rapporti finanzjarji jikkonformaw mal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju skond l-IAS 1 Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji; |
|
(b) |
il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati Ġeneralment tal-Ġappun; |
|
(ċ) |
il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati Ġeneralment tal-Istati Uniti tal-Amerika. |
Qabel is-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2012, emittent ta’ pajjiż terz għandu jitħalla jipprepara r-rapporti finanzjarji konsolidati annwali u ta’ kull sitt xhur tiegħu skond il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati Ġeneralment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew il-Kanada, ir-Repubblika tal-Korea jew ir-Repubblika tal-Indja.
Artikolu 1 a
Il-Kummissjoni, bl-għajnuna teknika tas-CESR, għandha tkompli tissorvelja l-isforzi magħmula minn pajjiżi terzi lejn bdil għall-IFRS u tfittex djalogu attiv mal-awtoritajiet matul il-proċess ta’ konverġenza. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli (ESC) matul l-2009. Il-Kummissjoni għandha wkoll tirraporta bla dewmien lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew jekk iqumu sitwazzjonijiet fejn emittenti tal-UE fil-ġejjieni jkollhom l-obbligu jirrikonċiljaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom mal-GAAP tal-ġuriżdizzjoni barranija kkonċernata.
Artikolu 1 b
Id-dati mħabbra pubblikament minn pajjiżi terzi fir-rigward ta’ bidla għall-IFRS għandhom iservu bħala dati ta’ referenza għat-tħassir tar-rikonoxximent ta’ ekwivalenza għal tali pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2006/891/KE għandha tkun revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(2) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 343, 8.12.2006, p. 96.