|
21.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 162/30 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-5 ta’ Ġunju 2008
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-UE bi qbil mal-punt 26 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba
(2008/469/KE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (1), u b’mod partikulari l-punt 26 tagħha,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (2),
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
l-Unjoni Ewropea ħolqot Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (il-“Fond”) sabiex turi solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta’ reġjuni milquta minn diżastri. |
|
(2) |
il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ biljun Ewro. |
|
(3) |
ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 fih id-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-Fond jista’ jiġi mmobilizzat. |
|
(4) |
il-Greċja ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, minħabba diżastru kkawżat minn nirien fil-foresti f’Awissu ta’ l-2007, |
|
(5) |
is-Slovenja ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, minħabba diżastru kkawżat minn għargħar f’Settembru ta’ l-2007, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, il-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ 98 023 212 EUR f’approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Strasburgu, 5 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Il-Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/371/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 128, 16.5.2008, p. 8).