|
15.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 11/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007
li tapprova l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq il-karawett u prodotti li ġejjin minnu għal dik li hija preżenza ta’ aflatossini
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6451)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/47/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli dwar il-benessri ta’ l-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 23(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fi prodotti ta’ l-ikel (2) jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ aflatossini fil-prodotti ta’ l-ikel. Il-prodotti ta’ l-ikel li huma konformi mal-livell massimu biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu regolarment, fuq bażi ta’ riskju u bi frekwenza xierqa biex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament, jiġifieri fost l-oħrajn li jiġu pprevenuti, eliminati jew imnaqqsa sa livelli aċċettabbli r-riskji lill-bnedmin u l-annimali. |
|
(3) |
L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf minnufih qabel l-esportazzjoni lejn il-Komunità biex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati huma konformi mar-rekwiżiti tal-Komunità jistgħu jiġu approvati. |
|
(4) |
Din l-approvazzjoni tista’ tingħata biss lil pajjiż terż wara li verifika mill-Komunità turi li l-ikel jew l-għalf esportat lill-Komunità jissodisfa r-rekwiżiti tal-Komunità jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel ma ssir il-kunsinna jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli ta’ dokumenti, ta’ identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-Komunità. |
|
(5) |
L-Istati Uniti ta’ l-Amerika bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’April ta’ l-2005 biex tikseb approvazzjoni tal-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq it-tniġġis mill-aflotossina fil-karawett u prodotti derivati intiżi għall-esportazzjoni lill-Komunità. |
|
(6) |
L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (“UAV”) wettaq missjoni fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika mit-18 sat-22 ta’ Settembru 2006 biex jivvaluta s-sistemi ta’ kontroll li jeżistu għall-prevenzjoni tal-livelli ta’ tniġġis ta’ aflatossini fil-karawett u prodotti derivati u biex jivverifika li l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni għal dawn il-prodotti lejn il-Komunità jiżguraw li dawn il-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti tal-Komunità. Il-konklużjoni kienet li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom sistema ta’ kontroll iddefinita tajjeb għal-livelli ta’ aflatossini fil-karawett u laboratorji approvati li jiffunzjonaw tajjeb. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika taw impenn u ħadu azzjoni biex jindirizzaw in-nuqqasijiet żgħar li ġew osservati. |
|
(7) |
Huwa għalhekk xieraq li tingħata l-approvazzjoni għall-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq il-karawett u prodotti derivati filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ aflatossini tal-Komunità. |
|
(8) |
L-Istati Membri huma meħtieġa bl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jirregolaw il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi fuq l-importazzjonijiet mar-riskju marbut mal-kategoriji differenti ta’ ikel u filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini ta’ l-ikel ikkonċernat. Il-verifiki sistematiċi ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa taħt l-awtorità ta’ l-USDA b’konformità ma’ l-approvazzjoni tal-Komunità skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ Istati Membri garanziji sodi. Bħala konsegwenza, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-frekwenza tal-verifiki fiżiċi mwettqa fuq dawn il-prodotti għal livell li jixraq dawn il-garanziji. |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni ta’ verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni
Il-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni fir-rigward ta’ l-aflatossini mwettqa mid-Dipartiment ta’ l-Agrikolutura ta’ l-Istati Uniti (USDA) minnufih qabel l-esportazzjoni lejn il-Komunità, huma approvati għall-prodotti ta’ l-ikel li ġejjin u prodotti derivati minnhom (minn issa ‘l quddiem imsejħa prodotti ta’ l-ikel):
|
(a) |
karawett li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 1202 10 90 jew 1202 20 00 ; |
|
(b) |
karawett li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2008 11 94 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) jew 2008 11 98 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg); |
|
(ċ) |
karawett inkaljat li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2008 11 92 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) jew il-kodiċi NM 2008 11 96 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg); |
L-approvazzjoni tal-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni tapplika biss għall-karawett elenkat fl-ewwel paragrafu, li jiġi prodott fuq it-territorju ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Artikolu 2
Kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni
1. Kull kunsinna għandu jkollha magħha:
|
(a) |
ir-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi magħmula minn laboratorju approvat mill-USDA mwettqa bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 jew ma’ l-ekwivalenti tagħhom li jistipulaw il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-mikotossini fil-prodotti ta’ l-ikel (3). |
|
(b) |
ċertifikat (4) stabbilit fl-Anness, mimli, iffirmat u vverifikat minn rappreżentant awtorizzat ta’ l-USDA għall-prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika. |
2. Kull kunsinna ta’ prodotti ta’ l-ikel għandha tiġi identifikata b’kodiċi li jikkorrispondi mal-kodiċi fuq ir-rapport tar-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni u analiżi u fuq iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu. Kull borża individwali, jew forma oħra ta’ ippakkjar, tal-kunsinna għandha tiġi identifikata ma’ dan il-kodiċi.
3. Iċ-ċertifikat ipprovdut fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu għandu jkun validu biss għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ l-ikel fil-Komunità mhux aktar tard minn erba’ xhur mid-data ta’ ħruġ taċ-ċertifikat.
Artikolu 3
Qsim ta’ kunsinna
F’każ li kunsinna tinqasam, il-kopji taċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 2 (1) (b) ivverifikati mill-Awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-qsim ikun sar, għandhom jakkompanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sa l-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, dan l-istess stadju inkluż. Il-kopji vverifikati taċ-ċertifikat jistgħu wkoll jiġu pprovduti mill-awtorità kompetenti fil-mument tal-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa f’każ li l-operatur kummerċjali tal-prodotti ta’ l-ikel juri li għandu l-ħsieb li jaqsam il-kunsinna.
Artikolu 4
Kontrolli Uffiċjali
Il-verifika tad-dokumenti, kif imsemmi fl-Artikolu 16 (1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, għandha titwettaq fil-punt ta’ l-ewwel wasla fil-Komunità u xhieda ta’ din il-verifika għandha tinsab flimkien mal-kunsinna.
Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16 paragrafu 2 (d) u l-Artikolu 23 paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi tal-kunsinni tal-prodotti ta’ l-ikel imsemmija fl-Artilkolu 1 ta’ dan ir-Regolament li jridu jitwettqu mill-Istati Membri għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti bil-kundizzjoni li jitħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2007.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1126/2007 (ĠU L 255, 29.9.2007, p. 14).
(4) Ċertifikat ibbażat fuq il-mudell standard stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/240/KE tas-16 ta’ April 2007 li jistabbilixxi ċertifikati veterinarji ġodda għall-importazzjoni ta’ annimali ħajjin, semen, embrijuni, ova u prodotti li ġejjin mill-annimali lejn il-Komunità (ĠU L 104, 21.4.2007, p. 37). In-noti ta’ spjegazzjoni fuq iċ-ċertfikat imsemmi fl-Anness I tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq huma wkoll rilevanti għaċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, iċ-ċertfikazzjoni tista’ tiġi pprovduta b’mod elettroniku fil-ġejjieni, wara li jintlaħaq ftehim dwar il-modalitajiet prattiċi.