6.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 143/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 622/2007

tal-5 ta’ Ġunju 2007

li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-sajd sperimentali taċ-ċiċċirell fil-Baħar tat-Tramuntana

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (1), u partikolarment l-Anness IA tiegħu,

Billi:

(1)

Il-limiti għall-qbid f’sajd sperimentali għaċ-ċiċċirell fiż-żona IV ta’ l-ICES huma stipulati fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 41/2007. Skond in-noti f’qiegħ il-paġna abbinati mal-limiti tal-qbid rilevanti f’dak l-Anness, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jinstadu l-kwoti għas-sajd sperimentali għal ammonti ta’ ċiċċirell.

(2)

Skond il-punt 1 ta’ l-Anness IID tar-Regolament (KE) Nru 41/2007, il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness IID għandhom ikunu applikabbli għall-bastimenti Komunitarji li jistadu fiż-żoni IIIa u IV ta’ l-ICES u fl-ilmijiet KE ta’ l-ICES fiż-żona IIa bit-tkarkir demersali, bit-tartarun jew irkaptu simili rmunkat b’qies il-malja anqas minn 16mm. Sakemm ma jkunx speċifikat xorta oħra, jew b’konsegwenza ta’ konsultazzjonijiet jew ftehimiet bejn il-Komunità u n-Norveġja, dawn il-kundizzjonijiet huma applikabbli wkoll għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jistadu għaċ-ċiċċirell fl-ilmijiet KE fiż-żona IV ta’ l-ICES.

(3)

Iċ-ċiċċirell huwa stokk fil-Baħar tat-Tramuntana li huwa maqsum man-Norveġja imma li attwalment ġestit flimkien. Skond il-konsultazzjonijiet bejn il-Komunità u n-Norveġja fit-30 ta’ Marzu 2007, intlaħaq ftehim dwar il-kundizzjonijiet għal sajd sperimentali taċ-ċiċċirell fil-Baħar tat-Tramuntana. Dak il-ftehim għandu jiġi implimentat fil-liġi Komunitarja.

(4)

Bil-ħsieb li jiġu stipulati l-opportunitajiet tas-sajd għaċ-ċiċċirell kemm jista’ jkun malajr skond il-punt 8 ta’ l-Anness IID tar-Regolament (KE) Nru 41/2007, is-sajd sperimentali jitwettaq matul April u l-ewwel nofs ta’ Mejju. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet tas-sajd sperimentali għaċ-ċiċċirell fl-2007 fil-Baħar tat-Tramuntana jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabilixxi l-kundizzjonijiet li bihom il-kwoti stipulati fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 41/2007 għal sajd sperimentali ta’ ammonti ta’ ċiċċirell, ikunu jistgħu jinstadu fl-2007 fiż-żona IV ta’ l-ICES.

2.   Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli ulterjorment flimkien mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IID tar-Regolament (KE) Nru 41//2007.

Artikolu 2

Il-listi tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji

1.   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu minnufih lill-Kummissjoni lista ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li fi ħsiebhom jipparteċipaw fis-sajd sperimentali taċ-ċiċċirell fl-ilmijiet Norveġiżi fiż-żona IV ta’ l-ICES, fejn jindikaw l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-kodiċi internazzjonali tar-radju ta’ kull bastiment.

2.   Abbażi ta’ l-informazzjoni li tasal skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji kollha li fi ħsiebhom jipparteċipaw fis-sajd sperimentali taċ-ċiċċirell fl-ilmijiet Norveġiżi u jibagħtuha lin-Norveġja.

Artikolu 3

Rappurtaġġ dwar il-qabdiet minn basitmenti Komunitarji u Norveġiżi

1.   Il-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jibagħtu r-rapport dwar il-qabdiet lid-Direttorat tas-Sajd fin-Norveġja kull tielet jum wara li l-bastiment jidħol fiż-żona tan-Norveġja, kull meta jkunu fi ħsiebhom jistadu ċ-ċiċċirell jew ikollhom abbord xibka tat-tkarkir b’qies il-malja anqas minn 16mm.

2.   Barra min-notifiki dwar ir-rapporti dwar il-qabdiet abbord fl-imbark u l-qabdiet abbord fl-iżbark mibgħuta skond l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 41/2007, il-bastimenti tas-sajd Norveġiżi għandhom jibagħtu r-rapport dwar il-qabdiet lill-Kummissjoni kull tielet jum wara li l-bastiment jidħol fl-ilmijiet Komunitarji, kull meta jkunu fi ħsiebhom jistadu ċ-ċiċċirell jew ikollhom abbord xibka tat-tkarkir b’qies il-malja anqas minn 16mm.

Artikolu 4

Aċċess għall-informazzjoni VMS dwar il-bastimenti Komunitarji

L-Istati Membri għandhom jaraw li d-dejta VMS dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u jipparteċipaw fis-sajd sperimentali taċ-ċiċċirell, tkun disponibbli għax-xjentisti nazzjonali tagħhom li jipparteċipaw fil-grupp ta’ ħidma rilevanti ta’ l-ICES jew, fin-nuqqas ta’ dan, tkun direttament disponibbli għal dak il-grupp ta’ ħidma.

Artikolu 5

Għeluq tas-sajd sperimentali għall-bastimenti Norveġiżi

1.   Għall-bastimenti tas-sajd Norveġiżi, is-sajd sperimentali għaċ-ċiċċirell għandu jkun permess wara s-6 ta’ Mejju 2007 fl-ilmijiet KE fiż-żona IV ta’ l-ICES, sakemm:

(a)

30 % ta’ l-isforz totali magħmul fl-2005 min-Norveġja jkun għadu ma ntużax totalment, u;

(b)

il-limiti tal-qbid ta’ 20 000 tunnellata jkun għadu ma ntlaħaqx.

2.   L-isforz tas-sajd magħmul mill-bastimenti Norveġiżi m’għandux jaqbeż il-25 bastiment li jagħmlu mhux aktar minn vjaġġ kull wieħed ta’ għadd ta’ jiem.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2007 (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 22).