6.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/39


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2007/469/PESK

tat-28 ta’ Ġunju 2007

dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni 2008 tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 1997, daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC). Il-Konvenzjoni timmira li telimina kategorija sħiħa ta’ armi tal-qerda tal-massa billi tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-ħażna, iż-żamma, it-trasferiment jew l-użu ta’ armi kimiċi mill-Istati Partijiet. L-Istati Partijiet, min-naħa tagħhom, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jinfurzaw dik il-projbizzjoni fir-rigward ta’ persuni (fiżiċi jew ġuridiċi) fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

(2)

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra is-CWC bħala komponent prinċipali tal-qafas internazzjonali ta’ non-proliferazzjoni u diżarm u strument uniku ta’ diżarm u non-proliferazzjoni li l-integrità u l-applikazzjoni stretta tiegħu għandhom jiġu ggarantiti bis-sħiħ. L-Istati Membri kollha huma Stati Partijiet għas-CWC.

(3)

Mit-28 ta’ April sad-9 ta’ Mejju 2003, l-Istati Partijiet għall-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ l-Armi Kimiċi (OPCW) iltaqgħu fl-Aja għall-Ewwel Konferenza ta’ Reviżjoni tas-CWC. Partikolarment, l-Ewwel Konferenza ta’ Reviżjoni vvalutat il-proċess tal-qerda ta’ ħażniet iddikjarati. Hija ħadet kont ta’ l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti minn meta l-Konvenzjoni ġiet abbozzata. Huwa rreveda u rrieżamina wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-verifika ta’ l-industrija kimika. Il-Konferenza pprovdiet gwida strateġika għall-fażi li jmiss ta’ l-implimentazzjoni tas-CWC.

(4)

Fis-17 ta’ Novembru 2003 l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1) dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehim multilaterali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni ta’ l-armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna. Taħt dik il-Pożizzjoni Komuni, is-CWC hija inkluża bħala wieħed minn dawn il-ftehim multilaterali.

(5)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni tal-Massa, li tirriafferma l-impenn ta’ l-UE għas-sistema ta’ trattat multilaterali, u tissottolinja, inter alia, ir-rwol kruċjali tas-CWC u ta’ l-OPCW fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa mill-armi kimiċi.

(6)

Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta unanimament ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) li tiddeskrivi l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom bħala theddida lill-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Riżoluzzjoni tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tas-CWC.

(7)

Fit-22 ta’ Novembru 2004 l-Kunsill adotta l-ewwel Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK dwar appoġġ għal attivitajiet ta’ l-OPCW fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (2). Din l-Azzjoni Konġunta kienet segwita minn Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK (3), adottata fit-12 ta’ Diċembru 2005, u Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK (4), adottata fid-19 ta’ Marzu 2007.

(8)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat b’konsensus riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom.

(9)

Bil-ħsieb tat-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni li ġejja tas-CWC matul il-perijodu mis-7 sat-18 ta’ April 2008 huwa xieraq li jiġi definit l-approċċ ta’ l-Unjoni Ewropea, li ser jiggwida lill-Istati Membri ta’ l-UE f’din il-konferenza.

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

L-objettiv ta’ l-Unjoni Ewropea ser ikun li ssaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC), partikolarment bil-promozzjoni tal-konformità mas-CWC, inkluża l-qerda f’waqtha ta’ l-armi kimiċi kollha, u bit-titjib tar-reġim ta’ verifika tagħha u bi tħabrik għall-universalità.

L-Unjoni Ewropea għandha għalhekk tfittex eżitu ta’ suċċess tat-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni fl-2008.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, l-Unjoni Ewropea għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni sħiħa ta’ l-operazzjoni tas-CWC fit-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni, inkluża l-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ Stati Partijiet taħt it-Trattat, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ oqsma li fihom, u permezz tagħhom, jista’ jinkiseb progress ulterjuri fil-ġejjieni;

(b)

tgħin tibni kunsens għal eżitu ta’ suċċess tat-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni, abbażi tal-qafas stabbilit mill-Ewwel Konferenza ta’ Reviżjoni, u għandha tippromwovi, inter alia, il-kwistjonijiet essenzjali li ġejjin:

(i)

riaffermazzjoni tan-natura komprensiva tal-projbizzjoni ta’ l-armi kimiċi kif stabbilit fil-Kriterju ta’ Fini Ġenerali, billi

tirrikonferma li l-projbizzjonijiet tal-Konvenzjoni japplikaw għal kwalunkwe kimika tossika, ħlief fejn tali kimika hija maħsuba għal finijiet mhux projbiti mill-Konvenzjoni u dment li t-tipi u l-kwantitajiet huma konsistenti ma’ tali finijiet, u għalhekk jieħdu kont ta’ l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija mill-Ewwel Konferenza ta’ Reviżjoni,

tissottolinja l-obbligu ta’ l-Istati Partijiet li jirriflettu l-Kriterju ta’ Fini Ġenerali fil-leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom u fil-prattika ta’ infurzar amministrattiv,

tenfasizza l-obbligu ta’ l-Istati Partijiet li jiddikjaraw aġenti għall-kontroll ta’ l-irvellijiet;

(ii)

riaffermazzjoni ta’ l-obbligu ta’ stati li jippossjedu armi kimiċi li jeqirdu l-armi kimiċi tagħhom fl-iskadenzi tas-CWC, billi:

jilqgħu l-progress li sar u l-isforzi li seħħew mill-istati possessuri biex jiġu rrispettati l-iskadenzi filwaqt li tħeġġiġhom jegħlbu d-dewmien fil-qerda,

jissottolinjaw l-importanza ta’ verifika sistematika permezz ta’ spezzjoni kontinwa tal-qerda ta’ l-armi kimiċi fuq il-post,

jivvalutaw il-progress fil-qerda ta’ l-armi kimiċi, b’kont meħud, fost l-oħrajn, tar-riżultati taż-żjajjar mir-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv skond id-deċiżjoni tal-11-il Sessjoni tal-Konferenza ta’ l-Istati Partijiet,

jenfasizzaw ir-responsabbiltà ta’ l-organi li jfasslu l-politika biex jikkunsidraw il-konformità ta’ l-Istati Partijiet ma’ l-iskadenzi tal-qerda miftehmin fiż-żmien xieraq;

(iii)

aktar tisħiħ tar-reġim ta’ verifika fir-rigward ta’ l-attivitajiet mhux projbiti taħt il-Konvenzjoni, bil-ħsieb li tittejjeb il-kunfidenza fin-non-proliferazzjoni ta’ l-armi kimiċi u jkomplu jippromwovu l-kooperazzjoni ma’ l-industrija, permezz ta’:

sensibilizzazzjoni kontinwa fir-rigward tal-projbizzjonijiet tal-Konvenzjoni mal-Gvern, l-industrija, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi,

enfasi tal-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ spezzjonijiet fil-Faċilitajiet Oħrajn ta’ Produzzjoni Kimika (OCPF) u li tittejjeb l-effettività tar-reġim fejn meħtieġ, bi prijorità mogħtija lil dawk is-siti li huma ta’ rilevanza għolja għall-Konvenzjoni, u għat-titjib tad-dikjarazzjonijiet ta’ Stati Partijiet dwar siti ta’ l-OCPF;

(iv)

implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar konsultazzjonijiet, kooperazzjoni u sejbien ta’ fatti, partikolarment il-mekkaniżmu ta’ spezzjoni-sfida, li jibqa’ strument indispensabbli u disponibbli fil-pront kif ukoll għodda vijabbli u utilizzabbli tar-reġim ta’ verifika ta’ l-OPCW, enfasi fuq id-dritt legali ta’ l-Istati Partijiet li jitolbu spezzjoni-sfida mingħajr konsultazzjoni minn qabel, u inkoraġġiment għall-użu tal-mekkaniżmu fejn opportun bħala ħaġa ta’ rutina;

(v)

żvilupp ta’ strateġiji apposta dwar il-ksib ta’ l-universalità tas-CWC, partikolarment fir-rigward tal-Lvant Nofsani, inklużi workshops reġjonali fl-oqsma kkonċernati;

(vi)

titjib kontinwu ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali u tfakkir li l-konformità sħiħa ma’ l-Artikolu VII hija fattur vitali għall-effiċjenza attwali u futura tar-reġim tas-CWC, inkluż permezz ta’:

l-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet fil-bżonn, kif eżemplifikat mill-Azzjonijiet Konġunti ta’ l-Unjoni Ewropea; u

it-tisħiħ tal-kontrolli nazzjonali ta’ esportazzjoni li huma meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kisba ta’ l-Armi Kimiċi;

(vii)

żgurar tal-kapaċità ta’ l-OPCW li tipprovdi assistenza u protezzjoni;

(viii)

trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali bid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, u partikolarment il-kontribuzzjoni għal attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet mill-OPCW fi Stati Partijiet li qed jiżviluppaw l-industrija u l-kummerċalizzazzjoni kimika tagħhom;

(ix)

bidu ta’ ħidma biex jiġi żgurat li, wara t-tlestija tal-qerda ta’ l-armi kimiċi kollha, l-OPCW qiegħda f’pożizzjoni li tiffoka fuq l-attivitajiet tagħha li jibqa’, partikolarment ir-rwol tagħha għan-non-proliferazzjoni;

(x)

konformità ma’ l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari li tappella għal kooperazzjoni prattika bejn l-OPCW u l-Kumitat 1540 tan-NU kif ukoll fora oħrajn bil-għan li jiġi eliminat ir-riskju li jinkisbu armi kimiċi jew li jintużaw għal finijiet terroristiċi, inkluż l-aċċess possibbli tat-terroristi għal materjal, tagħmir, u għarfien li jkunu jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ armi kimiċi;

(xi)

il-programmi ta’ Sħubija Globali tal-G8 immirati li jipprevjenu l-proliferazzjoni ta’ armi u materjal għall-qerda tal-massa permezz ta’ appoġġ għal diżarm, kontroll u sigurtà ta’ materjali, faċilitajiet, u kompetenzi sensittivi.

Artikolu 3

Azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 għandhom jinkludu:

(a)

ftehim mill-Istati Membri dwar proposti dwar kwistjonijiet sostantivi għal preżentazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea għal konsiderazzjoni mill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni fil-fażi ta’ tħejjija u fit-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni;

(b)

fejn adatt, approċċi mill-Presidenza skond l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea:

(i)

bil-ħsieb li tiġi promossa adeżjoni universali mas-CWC;

(ii)

għall-promozzjoni ta’ l-implementazzjoni nazzjonali effettiva tas-CWC mill-Istati Partijiet;

(iii)

biex tħeġġeġ lill-Istati Partijiet sabiex jappoġġaw u jieħdu sehem f’reviżjoni effettiva u sħiħa tas-CWC u b’hekk itennu l-impenn tagħhom għal din in-norma internazzjonali fundamentali kontra l-armi kimiċi;

(iv)

għall-promozzjoni tal-proposti msemmija hawn fuq sottomessi mill-Unjoni Ewropea għal konsiderazzjoni ta’ l-Istati Partijiet li huma mmirati għal tisħiħ ulterjuri tal-Konvenzjoni.

(ċ)

dikjarazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea magħmula mill-Presidenza fil-perijodu ta’ tħejjija għal u matul it-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 28 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GABRIEL


(1)   ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

(2)   ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63.

(3)   ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34.

(4)   ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10.