18.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 215/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Awwissu 2007

li teżenta xi servizzi fis-settur postali fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u postali

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3700)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/564/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mill-Finlandja permezz ta’ e-mail tad-9 ta’ Frar 2007,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fid-9 ta’ Frar 2007, il-Finlandja ttrażmettiet talba skond l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni bl-e-mail. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz ta’ e-mails tal-21 ta’ Marzu 2007, tat-18 ta’ April 2007 u tal-15 ta’ Mejju 2007, li l-awtoritajiet Finlandiżi ttrażmettew permezz ta’ e-mails ta’ l-4 ta’ April 2007, ta’ l-24 ta’ April 2007 u tas-16 ta’ Mejju 2007.

(2)

It-talba sottomessa mill-Finlandja f’isem Suomen Posti Oyj, li mill-1 ta’ Ġunju 2007 biddlet isimha għal Itella Oyj, (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Finland Post”) tikkonċerna xi servizzi postali kif ukoll xi servizzi minbarra dawk postali fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland. Is-servizzi deskritti fit-talba huma dawn li ġejjin:

(a)

Servizzi ta’ ittri indirizzati (Konsumatur lill-Konsumatur (Consumer to Consumer – CtC), Konsumatur lin-Negozju (Consumer to Business - CtB), Negozju lin-Negozju (Business to Business - BtB) u Negozju lill-Konsumatur (Business to Consumer - BtC)), kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali;

(b)

Servizzi tal-posta diretta indirizzata;

(ċ)

Servizzi tal-posta diretta mhux indirizzata;

(d)

Servizzi tal-pakketti standard BtB, domestiċi u internazzjonali;

(e)

Servizzi tal-pakketti standard BtC, domestiċi u internazzjonali;

(f)

Servizzi tal-pakketti standard tal-konsumaturi (CtC u CtB), domestiċi u internazzjonali;

(g)

Servizzi tal-pakketti espressi u bil-messaġġier, domestiċi u internazzjonali;

(h)

Konsenja bikrija tal-gazzetti;

(i)

Konsenja standard tal-gazzetti;

(j)

Servizzi ta’ oġġetti ħfief (imsejħa wkoll konsenji singoli) u servizzi tat-trasport tal-merkanzija;

(k)

Servizzi ta’ magazzinaġġ;

(l)

Loġistiċi tal-kuntratti;

(m)

Soluzzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-posta diretta;

(n)

Servizzi ta’ l-istampar;

(o)

Servizzi ta’ l-immaniġġjar tad-data;

(p)

Servizzi ta’ l-e-tranżazzjonijiet;

(q)

Servizzi filateliċi.

(3)

It-talba hija akkumpanjata mill-konklużjonijiet ta’ l-awtorità nazzjonali indipendenti, Kilpailuvirasto/Konkurrensverket (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Finlandiża), li min-naħa l-waħda ma tara “ebda raġuni partikolari biex topponi l-għotja ta’ l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 30 …”, filwaqt li tgħid min-naħa l-oħra li “għandu jiġi mfakkar li Finland Post Corporation għad għandha pożizzjoni qawwija ħafna fis-suq tan-negozju ewlieni tradizzjonali, jiġifieri l-ġbir u t-tqassim ta’ l-ittri, tal-pakketti u ta’ oġġetti oħrajn indirizzati, għalkemm is-settur postali sħiħ infetaħ għall-kompetizzjoni fil-Finlandja mill-1994 skond l-Att dwar l-Operazzjonijiet Postali. Madankollu, ma żviluppat ebda kompetizzjoni fin-negozju ewlieni tradizzjonali ta’ Finland Post Corporation. …”

II.   IL-QAFAS LEGALI

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jipprovdi li l-kuntratti maħsuba biex jgħinu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/17/KE m'għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni hija evalwata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess huwa meqjus li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur definit jew parti minnu.

(5)

Ladarba l-Finlandja implimentat u applikat id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (2), l-aċċess għas-suq għandu jitqies li mhuwiex ristrett skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2004/17/KE. L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni f'suq partikolari għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ bosta kriterji, li l-ebda minnhom m'hu deċiżiv per se.

(6)

Fir-rigward tas-swieq konċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-parteċipanti ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li jrid jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f'dawk is-swieq. Minħabba li l-kondizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li huma kkonċernati minn din id-Deċiżjoni, l-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva ghandu jqis is-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

(7)

Għalkemm f'xi każijiet jistgħu jiġu kkontemplati definizzjonijiet ta’ swieq aktar dojoq, id-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti tista' titħalla miftuħa għall-iskopijiet ta’ din id-deċiżjoni sa fejn huma kkonċernati għadd mis-servizzi elenkati fit-talba sottomessa mill-Finlandja, sal-grad li r-riżultat ta’ l-analiżi jibqa' l-istess kemm jekk tkun ibbażata fuq definizzjoni aktar wiesgħa jew aktar dejqa.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   L-EVALWAZZJONI

Servizzi mhux koperti mid-Direttiva 2004/17/KE

(9)

Skond il-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, is-servizzi ta’ loġistika bħal servizzi ta’ maġażżinaġġ u loġistika tal-kuntratti, u s-servizzi b'valur miżjud, bħas-servizzi ta’ l-istampar, is-servizzi ta’ l-immaniġġjar tad-data u s-servizzi ta’ l-e-tranżazzjonijiet, huma koperti minn dik id-Direttiva b'kondizzjoni li dawn is-servizzi jingħataw minn entitajiet li wkoll jipprovdu servizzi postali fis-sens tal-punt (b) ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/17/KE. Skond l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, dik il-kundizzjoni ma tintlaħaqx fil-Finlandja fir-rigward ta’ servizzi ta’ mħażen, ta’ l-immaniġġjar tad-data u ta’ l-e-tranżazzjonijiet. Id-Direttiva 2004/17/KE għalhekk ma tapplikax għall-proviżjon ta’ dawk is-servizzi fil-Finlandja.

Servizzi li għalihom ma japplikax l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE

Servizzi ta’ l-ittri indirizzati

(10)

Fir-rigward ta’ l-ittri tal-konsumaturi (servizzi ta’ l-ittri indirizzati CtC u CtB, domestiċi u internazzjonali) Finland Post għandha sehem tas-suq ta’ 100 %. Għall-ittri tan-negozju, huwa stmat li s-sehem tas-suq ivarja bejn 85 % (għal servizzi ta’ l-ittri indirizzati BtB, domestiċi u internazzjonali) u 95 % (għal servizzi ta’ l-ittri indirizzati BtC, domestiċi u internazzjonali), u ebda mill-kompetituri tagħha ma kiseb sehem stmat tas-suq akbar minn 10 %. Skond l-informazzjoni disponibbli, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post għas-servizzi ta’ l-ittri indirizzati internazzjonali (ittri deħlin u dawk ħerġin) huwa l-istess bħas-servizzi purament domestiċi. Skond l-awtoritajiet Finlandiżi, dawn is-servizzi huma esposti direttament għall-kompetizzjoni, l-ewwel minħabba l-pressjoni kompetittiva mill-possibbiltà li s-servizzi ta’ l-ittri “tradizzjonali” bbażati fuq karti mill-mezzi ta’ komunikazzijonjiet elettroniċi (bħall-e-mail jew l-SMS) u, it-tieni, minħabba li l-aċċess eżistenti mhux ristrett għas-suq jesponuha għall-kompetizzjoni potenzjali minn ditti ġodda possibbli. Fir-rigward tas-sostituzzjoni, għandu jiġi nnutat li skond ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, is-sostitwibbiltà ghandha tiġi analizzata inter alia fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezz tal-prodotti u ostakoli assoċjati mal-qlib tad-domanda għal oġġetti oħrajn sostituti. Jidher li l-karatteristiċi tal-posta bbażata fuq il-karti u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom differenzi sinjifikanti u li hemm ostakolu sinjifikanti biex wieħed jaqleb mill-posta bbażata fuq karti għall-posta elettronika (3). Dan jindika li l-komunikazzjonijiet elettroniċi huma parti minn suq ta’ prodotti differenti u għalhekk ma jistgħux jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva diretta fuq is-servizzi ta’ l-ittri indirizzati ta’ Finland Post. Barra min dan, jidher li l-effett ewlieni taż-żjieda fl-użu tal-posta elettronika huwa li tnaqqas id-daqs totali tas-suq tal-posta bbażata fuq il-karti, minflok ma tintroduċi l-kompetizzjoni fi ħdanu. Per eżempju, skond l-informazzjoni provduta, ir-risposta minn Finland Post għal żjieda fil-marketing mill-banek tal-Finlandja ta’ l-e-fatturi kienet li toffri s-servizzi elettroniċi tagħha stess u ma tieħu ebda inizzjattiva dwar il-komunikazzjonijiet “tradizzjonali” bbażati fuq il-karti. It-tieni, dwar il-kompetizzjoni potenzjali, huwa sinjifikanti li s-settur postali kollu nfetaħ għall-kompetizzjoni mill-1994 u li sa issa dan irriżulta biss fil-kisba minn kompetituri ta’ sehem tas-suq aggregat li huwa stmat biss bħala 15 % ukoll fit-taqsima li hija l-aktar lesta għall-kompetizzjoni (servizzi ta’ l-ittri indirizzati BtB, domestiċi u internazzjonali). B'riżultat, m'hemm ebda indikazzjoni li l-kompetizzjoni potenzjali se jkollha rwol sinjifikanti fil-futur prevedibbli. B’mod konsistenti mal-konklużjonijiet ta’ l-awtorità nazzjonali indipendenti, Kilpailuvirasto/Konkurrensverket (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Finlandiża), għandu jiġi konkluż illi s-servizzi eżaminati f'din il-premessa mhumiex direttament esposti għall-kompetizzjoni fil-Finlandja. Għalhekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jgħoddx għall-kuntratti maħsuba li jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Finlandja.

Servizzi tal-posta indirizzata diretta

(11)

Fir-rigward tal-posta indirizzata diretta, li għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni tfisser konsenji indirizzati maħsuba bħala komunikazzjonijiet tal-marketing, Finland Post għandha sehem tas-suq stmat ta’ 90 % u ebda mill-kompetituri tagħha ma kisbu sehem tas-suq stmat li jeċċedi l-10 %. Minħabba dan il-livell għoli ta’ konċentrazzjoni f'dan is-suq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikatur ieħor bil-kuntrarju, għandu jiġi konkluż illi s-servizzi tal-posta diretta indirizzata mhumiex direttament esposti għall-kompetizzjoni fil-Finlandja. Għalhekk, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jgħoddx għall-kuntratti maħsuba li jippermettu t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Finlandja.

Servizz tal-pakketti standard tal-konsumaturi (CtC u CtB), domestiċi internazzjonali

(12)

Fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, il-pożizzjoni ta’ Finland Post hija pjuttost b'saħħitha b'sehem tas-suq stmata li hija 80 % (4). Is-sehem tas-suq ta’ l-akbar kompetitur (u l-uniku wieħed sinjifikanti) ta’ Finland Post ikopri l-20 % li jifdal kważi kollu (5). B'mod konsistenti mal-konklużjonijiet ta’ l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Finlandiża, għandu jiġi konkluż li l-kategorija ta’ servizzi eżaminati mhuwiex direttament espost ghall-kompetizzjoni fil-Finlandja. Għalhekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għall-kuntratti maħsuba li jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Finlandja.

Il-konsenja bikrija tal-gazzetti

(13)

Dan is-servizz huwa definit bħala konsenja filgħodu, sebat ijiem fil-ġimgħa, ta’ gazzetti pubblikati għall-inqas 3 darbiet fil-ġimgħa. Fir-rigward ta’ dan is-servizz, Finland Post għandha sehem tas-suq stmat li huwa kważi tliet kwarti (74 %) u dak ta’ l-akbar kompetitur tagħha jammonta għal madwar 10 %. Minħabba s-sehem tas-suq kbir ta’ Finland Post u għalhekk is-sehem tas-suq relativament baxx ta’ saħansitra l-akbar kompetitur tagħha, għandu jiġi konkluż li l-konsenja bikrija tal-gazzetti mhuwiex direttament espost għall-kompetizzjoni fil-Finlandja. Għalhekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għall-kuntratti maħsuba li jippermettu t-twettiq ta’ din l-attività fil-Finlandja.

Il-konsenja standard tal-gazzetti

(14)

B'sehem tas-suq ta’ 100 % Finland Post hija l-uniku provditur ta’ dawn is-servizzi. Minħabba li l-konsenja ta’ dawn il-gazzetti ssir fl-istess ħin bħall-konsenja ta’ l-ittri u bl-użu ta’ l-istess ċirkwiti bħal dawk użati għas-servizzi tal-konsenja ta’ l-ittri indirizzati eżaminati taħt il-preambolu (10), tgħodd l-istess konklużjoni bħas-sitwazzjoni kompetittiva, b'mod partikolari minħabba li l-karatteristiċi differenti ta’ gazzetti stampati u ta’ komunikazzjoni elettronika huma aktar ovvji hawn. Għal dawn ir-raġunijiet għandu jiġi konkluż li l-konsenja standard tal-gazzetti mhijiex direttament esposta għall-kompetizzjoni fil-Finlandja. Għalhekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għall-kuntratti maħsuba li jippermettu t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Finlandja.

Soluzzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-posta diretta

(15)

Skond in-notifika u l-informazzjoni supplementarja sottomessi mill-awtoritajiet Finlandiżi, is-soluzzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-posta diretta huma meqjusa bħala kombinazzjonijiet differenti ta’ bosta servizzi bħas-servizzi ta’ l-istampar, servizzi ta’ l-indirizzar u ta’ l-iffokar, servizzi ta’ l-ikkupjar u servizzi ta’ risposta (elettronika) flimkien ma’ servizzi tal-posta diretta indirizzata jew mhux indirizzata (6). Il-kombinazzjoni preċiża tas-servizzi tiddependi fuq it-talbiet tal-konsumaturi individwali. Individwalment, l-ishma tas-suq stmati ta’ Finland Post għal xi wħud mis-servizzi li jistgħu jinġabru ġewwa “soluzzjoni ġenerali” jvarjaw mhux ħażin: għall-posta diretta indirizzata: 90 %, għall-posta diretta mhux indirizzata 41 %, għas-servizzi ta’ l-istampar: 36 %, għas-servizzi ta’ l-immaniġġjar tad-data (li jinkludu s-servizzi ta’ risposta): 4 %. Dan jidher li jindika li s-sitwazzjoni kompetittiva ma tistax tkun l-istess irrispettivament mill-kombinazzjoni magħżula ta’ servizzi. Ukoll, il-posta diretta mhux indirizzata tista' titqies li hija direttament esposta għall-kompetizzjoni, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għall-posta diretta indirizzata. Ladarba ma jistax jiġi aċċertat liema servizzi jistgħu jinġabru flimkien jekk klijent wieħed jew aktar jiddeċiedi li jitlobhom, deċiżjoni dwar ir-reġim legali li jgħodd għas-soluzzjonijiet ġenerali timplika inċertezza legali sostanzjali. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, is-soluzzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-posta diretta kif definit fin-notifika Finlandiża ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE bħala kategorija waħdanija ta’ servizzi.

Servizzi li għalihom jgħodd l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE

Is-servizzi tal-posta diretta mhux indirizzata

(16)

F'dan is-suq, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post huwa stmat li jammonta għal 41 %. Meta jitqies il-livell tal-konċentrazzjoni f'dan is-suq, fejn l-akbar kompetitur kiseb sehem stmat li huwa ta’ 30 %, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Is-servizzi tal-pakketti standard BtB, domestiċi internazzjonali

(17)

Fir-rigward ta’ servizzi tal-pakketti standard domestiċi BtB, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post huwa stmat li jammonta għal 35 %. Għas-servizzi internazzjonali, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post, skond l-informazzjoni disponibbli, huwa aktar baxx milli għas-servizzi domestiċi, bejn it-13 u l-15 %. Meta jitqies li l-ishma stmati aggregati għaż-żewġ l-akbar kompetituri fir-rigward tas-servizzi domestiċi jammontaw għal 28 %, li mhuwiex sostanzjalment differenti mis-sehem tas-suq ta’ Finland Post, huwa konkluż li l-attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni.

Is-servizzi tal-pakketti standard BtC, domestiċi u internazzjonali

(18)

Is-sehem tas-suq ta’ Finland Post għas-servizzi domestiċi huwa stmat li jammonta għal 63 %, li huwa livell relattivament għoli fih innifsu. Għas-servizzi internazzjonali, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post, skond l-informazzjoni disponibbli huwa aktar baxx milli għas-servizzi domestiċi, bejn it-13 u l-15 %. Iżda, f'livell ta’ 37 % għas-servizzi domestiċi, is-sehem tas-suq stmat ta’ l-akbar kompetitur jammonta għal aktar min-nofs ta’ dak ta’ Finland Post u f'dak il-livell jista' jitqies li dak il-kompetitur ikun jista' jeżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikanti fuq Finland Post. Għalhekk dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Servizzi tal-pakketti espressi u bil-messaġġier, domestiċi u internazzjonali

(19)

F'dan is-suq, Finland Post m'għandhiex l-akbar sehem tas-suq u s-sehem stmat tagħha ta’ 10 % huwa ħafna drabi iżgħar minn dak ta’ l-akbar kompetitur tagħha, li s-sehem tas-suq tiegħu huwa bejn terz u sa nofs is-suq. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni ta’ servizzi tal-pakketti espressi u bil-messaġġier, domestiċi u internazzjonali.

Servizzi ta’ merkanzija ħafifa u servizzi tat-trasport tal-merkanzija

(20)

Fis-suq għall-merkanzija ħafifa, definit bħala t-trasport ta’ konsenji waħdanin f'unitajiet tat-trasport ta’ 35 sa 2 500 kg, u s-suq għat-trasport tal-merkanzija, definit bħala servizzi tat-trasport li jikkonċernaw tagħbijiet ta’ kontejners tqal, ta’ aktar minn 5 000 kg; jew tagħbijiet ta’ kontejners tqal, 2 500 - 5 000 kg, Finland Post għandha sehem tas-suq stmat li huwa ta’ 6.7 % fir-rigward tas-suq għas-servizzi tal-merkanzija ħafifa u 1.7 % fir-rigward tas-suq għat-trasport tal-merkanzija. Dawk l-ishma huma bosta drabi iżgħar mill-ishma tas-suq aggregati taż-żewġ l-akbar kompetituri tagħha. Fis-suq għas-servizzi tal-merkanzija ħafifa, iż-żewġ l-akbar kompetituri għandhom ishma tas-suq stmati li huma 51 % u 30 %, jiġifieri sehem aggregat ta’ 81 %. Fis-suq għat-trasport tal-merkanzija, iż-żewġ l-akbar kompetituri għandhom ishma tas-suq aggregat stmat li huwa ta’ 92 % (80 % u 12 % rispettivament). Għalhekk dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Il-loġistika tal-kuntratti

(21)

Kif jingħad fil-premessa (9), il-loġistika tal-kuntratti, definiti bħala loġistika kuntrattata esternament u s-servizzi assoċjati tas-sistema tad-data / applikazzjoni tal-loġistika u s-servizzi assoċjati ta’ konsultazzjoni, huma koperti mid-Direttiva 2004/17/KE biss sa fejn dawn is-servizzi qed jingħataw minn entitajiet li jipprovdu wkoll servizzi postali fis-sens ta’ l-Artikolu 6(2)(b) tagħha. Skond l-informazzjoni disponibbli, Finland Post hija l-unika entità bħal din f'dan is-suq fil-Finlandja. Fis-suq għal-loġistika tal-kuntratti, is-sehem tas-suq ta’ Finland Post huwa negliġibbli għaliex bilkemm jammonta għal 1 %. Għalhekk dan jista' jittieħed bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Is-servizzi filateliċi

(22)

Minbarra Finland Post, li toħroġ il-bolol fil-Finlandja (minbarra għall-Gżejjer Åland), żewġ kategoriji oħrajn ta’ atturi huma attivi fis-suq tas-servizzi filateliċi: l-aġenti tal-bolol u l-kumpanniji ta’ l-irkant (tal-bolol). Is-sehem tas-suq stmat ta’ Finland Post fis-suq totali għas-servizzi filateliċi fil-Finlandja, kemm jekk provduti minn aġenti jew kumpanniji ta’ l-irkant, jammonta għal 50 %, filwaqt li l-ishma aggregati stmati taż-żewġ l-akbar aġenti tal-bolol f'dak is-suq jammonta għal 20 % u s-sehem globali stmat taż-żewġ l-akbar kumpanniji ta’ l-irkant fis-suq kollu jammonta għal 12 %. Is-sehem aggregat stmat ta’ dawn l-erba atturi (32 %) għalhekk jammonta għal aktar minn nofs dak ta’ Finland Post (50 %). Barra minn dan, jekk is-servizzi mogħtija mill-aġenti tal-bolol u mill-kumpanniji ta’ l-irkant jiġu meqjusa separatament, l-ishma stmati aggregati taż-żewġ l-akbar atturi għal kull wieħed minn dawn il-kateogrija jammontaw għal livelli li huma sostanzjalment ogħla. Għall-aġenti tal-bolol, is-sehem stmat aggregat huwa ta’ 55 % tas-suq tan-negozju tal-bolol u, għall-kumpanniji ta’ l-irkant, is-sehem stmat aggregat huwa ta’ 75 % tas-suq ta’ l-irkant tal-bolol. Għalhekk dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għas-servizzi filateliċi, kemm jekk is-suq mejqus huwa s-suq totali jew is-swieq separati tan-negozju fil-bolol u ta’ l-irkant tal-bolol.

IV.   IL-KONKLUŻJONIJIET

(23)

Minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi (9) sa (22), il-kondizzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fil-Finlandja, bl-esklużjoni tal-Gżejjer Åland, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi li ġejjin:

(a)

Reklamar dirett mhux indirizzat bil-posta;

(b)

Servizzi tal-pakketti standard bejn in-negozji, domestiċi u internazzjonali;

(c)

Servizzi tal-pakketti standard min-negozji għall-konsumaturi, domestiċi u internazzjonali;

(d)

Servizzi tal-pakketti espressi u bil-messaġġier, domestiċi u internazzjonali;

(e)

Servizzi tal-merkanzija ħafifa (imsejħa wkoll konsenji waħdanin) u servizzi tat-trasport tal-merkanzija;

(f)

Loġistika tal-kuntratti;

(g)

Servizzi filateliċi.

(24)

Ladarba l-kondizzjoni ta’ l-aċċess għas-suq mingħajr restrizzjonijiet intlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE m'għandhiex tapplika meta l-entitajiet kuntraenti jagħtu kuntratti li jippermettu li jingħataw is-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-preambolu (23) fil-Finlandja, bl-esklużjoni tal-Gżejjer Åland, u lanqas meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet tad-disinn għat-twettiq ta’ din l-attività fil-Finlandja.

(25)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Frar sa Mejju 2007 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Repubblika tal-Finlandja. Tista' tiġi riveduta, jekk tibdiliet sinjifikanti fis-sitwazzjoni legali u fattwali jfissru li l-kondizzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE m'għadhomx jintlaħqu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE m'għandhiex tgħodd għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kuntraenti u li huma maħsuba li jippermettu li jitwettqu dawn is-servizzi fil-Finlandja, bl-esklużjoni tal-Gżejjer Åland:

(a)

Reklamar dirett mhux indirizzat bil-posta;

(b)

Servizzi tal-pakketti standard bejn in-negozji, domestiċi u internazzjonali;

(c)

Servizzi tal-pakketti standard min-negozji għall-konsumaturi, domestiċi u internazzjonali;

(d)

Servizzi tal-pakketti espressi u bil-messaġġier, domestiċi u internazzjonali;

(e)

Servizzi tal-merkanzija ħafifa (imsejħa wkoll konsenji waħdanin) u servizzi tat-trasport tal-merkanzija;

(f)

Loġistika tal-kuntratti;

(g)

Servizzi filateliċi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

(2)   ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  Per eżempju, madwar terz tad-djar Finlandiżi mhumiex konnessi ma’ l-Internet. Barra minn dan, il-parti tal-popolazzjoni Finlandiża li għandha aċċess għall-imejl id-dar hija dikjarata li hija “aktar min-nofs” li, għalhekk, ifisser li madwar nofs m'għandhomx dan l-aċċess id-dar.

(4)  Is-sehem tas-suq stmat ta’ Finland Post jibqa' l-istess, jiġifieri 80 %, irrispettivament minn jekk is-swieq humiex definiti bħala CtC jew CtB u huwa wkoll l-istess irrispettivament minn jekk is-swieq humiex definiti bħala domestiċi jew internazzjonali.

(5)  Fi kliem ieħor, is-sehem ta’ dan il-kompetitur bilkemm jilħaq kwart ta’ dak ta’ Finland Post.

(6)  L-informazzjoni supplimentarja mogħtija wkoll tirreferi għall-iżvilujpp ta’ kontenut tar-reklamar bħala servizz li jista' jaqa' taħt il-kunċett ta’ “soluzzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-posta diretta”. Madankollu, minħabba li dawn is-servizzi la huma attività rilevanti skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/17/KE u lanqas ma huma offruti minn Finland Post jew is-sussidjarji tagħha, ma ġewx eżaminati.