|
5.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 117/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta’ April 2007
dwar it-tneħħija mis-suq tal-qamħirrum Bt176 (SYN-EV176-9) u l-prodotti li ġejjin minnu
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1804)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2007/304/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(6) u 20(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-qamħirrum Bt176(SYN-EV176-9) ġie mogħti l-kunsens skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organizmi modifikati ġenetikament bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE tat-23 ta’ Jannar 1997 li tikkonċerna t-tqegħid fuq is-suq ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) bil-modifika kkombinata tal-proprjetajiet insettiċidi mogħtija mill-ġene Bt-endotoxin u żieda fit-tolleranza għall-erbiċida glufosinate ammonium (3) bl-applikazzjoni tad-Direttiva 90/220/KEE tal-Kunsill. Id-Direttiva 90/220/KEE ġiet imfassla mill-ġdid u rrevokata bid-Direttiva 2001/18/KE. |
|
(2) |
Il-kunsens kien imsejjes fuq l-opinjonijiet rispettivi tal-Kumitat Xjentifiku għall-Għalf ta’ l-Annimali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 76/791/KEE (4), tal-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/273/KE (5) u finalment tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pestiċidi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 78/436/KEE (6). |
|
(3) |
Il-qamħirrum SYN-EV176-9 u l-prodotti derivati minnu ġew notifikati sussegwentement minn Syngenta Crop Protection AG (minn issa ‘l quddiem “in-notifikant”) bħala prodotti eżistenti skond l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament”) u daħlu fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf ġenetikament immodifikati. L-ambitu tan-notifika kien ikopri l-ikel magħmul minn u/jew li fih jew li hu prodott mill-qamħirrum SYN-EV176-9, addittivi ta’ l-ikel prodotti mill-qamħirrum SYN-EV176-9, għalf magħmul minn u/jew li fih il-qamħirrum SYN-EV176-9, materjali ta’ l-għalf prodotti mill-qamħirrum SYN-EV176-9 u addittivi ta’ l-għalf prodotti mill-qamħirrum SYN-EV176-9. |
|
(4) |
In-notifikant għal qamħirrum SYN-EV176-9, f’ittra lill-Kummissjoni ddatata 19 ta’ Settembru 2005, ġibed l-attenzjoni li, huwa kien waqaf ibiegħ żrieragħ tal-qamħirrum SYN-EV176-9 fil-Komunità wara l-istaġun tat-tħawwil ta’ l-2005. |
|
(5) |
In-notifikant ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni li huwa m’għandux il-ħsieb li jressaq applikazzjoni għat-tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum SYN-EV176-9 skond ir-Regolament f’konformità ma’ l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 11, l-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 23 rispettivament. Għalhekk la l-koltivazzjoni u lanqas it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum SYN-EV176-9 u l-prodotti tiegħu derivati m’huma se jkunu awtorizzati fil-Komunità wara t-18 ta’ April 2007. |
|
(6) |
Għandhom għalhekk jiġu adottati miżuri sabiex jiżguraw l-irtirar effettiv mis-suq ta’ żrieragħ minn linji mħallta ma’ xulxin u taħlit ġejjin mill-qamħirrum SYN-EV176-9. Bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ disponibilità ta’ żrieragħ, kwalunkwe prodott li ġej mill-qamħirrum SYN-EV176-9 jista’ jitqies li mhuwiex se jidher iżjed fil-katina ta’ l-ikel u ta’ l-għalf f’perjodu raġonevoli ta’ żmien. |
|
(7) |
Billi n-notifikant waqaf ibiegħ żrieragħ tal-qamħirrum SYN-EV176-9 fil-Komunità wara l-istaġun tat-tħawwil 2005, il-prodotti maħżuna ġejjin mill-qamħirrum SYN-EV176-9 intużaw u mhumiex mistennija jkunu preżenti fis-suq wara t-18 ta’ April 2007. Madankollu, traċċi żgħar ta’ materjal modifikat ġenetikament mill-qamħirrum SYN-EV176-9 jistgħu jibqgħu preżenti fil-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għal ċertu perjodu ta’ żmien. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa għalhekk meħtieġ li jingħata perjodu tranżitorju ta’ żmien li fih il-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf jista’ jkun fihom it-tali materjali mingħajr ma jitqiesu li jkunu qed jiksru l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 16(2) tar-Regolament fejn din il-preżenza hija aċċidentali jew teknikament inevitabbli. |
|
(9) |
Il-livell tolerabbli u l-perjodu ta’ żmien għandhom jiġu stipulati waqt li jiġi kkunsidrat iż-żmien meħtieġ sakemm l-irtirar effettiv mis-suq taż-żrieragħ jipproduċi l-effetti tiegħu fil-katina ta’ l-ikel u ta’ l-għalf. Fil-każijiet kollha, il-livell tollerabbli għandu jibqa’ ‘l isfel mil-limitu stabbilit ta’ tikkettjar u traċċabilità ta’ mhux aktar minn 0,9 % stipulat mir-Regolament għall-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ materjal modifikat ġenetikament fl-ikel u fl-għalf. |
|
(10) |
Id-dħul fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament, rigward il-qamħirrum SYN-EV176-9 għandu jinbidel sabiex tiġi kkunsidrata din id-Deċiżjoni. |
|
(11) |
In-notifikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni. |
|
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Sabiex ikun żgurat l-irtirar effettiv mis-suq ta’ żrieragħ minn linji mnissla minn xulxin u ibridi ġejjin mill-qamħirrum SYN-EV176-9 għall-għan ta’ koltivazzjoni in-notifikant għandu josserva l-miżuri stipulati fl-Anness.
Sa 6 xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, in-notifikant għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness.
Artikolu 2
Il-preżenza ta’ materjal li fih, huwa magħmul minn jew huwa prodott mill-qamħirrum SYN-EV176-9 fil-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf imnizzla fl-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament għandha tiġi ttollerata sa 5 snin wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
sakemm din il-preżenza hija aċċidentali jew teknikament inevitabbli; u |
|
(b) |
fi proporzjon li ma jaqbiżx iż-0.9 %. |
Artikolu 3
Id-dħul fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament, rigward il-qamħirrum SYN-EV176-9 għandu jinbidel sabiex tiġi kkunsidrata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Syngenta Crop Protection AG, P.O.Box, CH-4002 Basel l-Iżvizzera.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ April 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1981/2006 (GU L 368, 23.12.2006, p. 99).
(2) ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15, Direttiva kif revokata bid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).
(4) ĠU L 279, 9.10.1976, p. 35
ANNESS
Miżuri li għandhom jiġu osservati min-notifikant biex ikun żgurat irtirar effettiv mis-suq ta’ żrieragħ minn linji mnissla minn xulxin u ibridi ġejjin mill-qamħirrum SYN-EV176-9 għall-għan ta’ koltivazzjoni
|
(a) |
Għarraf lill-operaturi kummerċjali fil-komunità dwar l-istatus kummerċjali u legali taż-żerriegħ a. |
|
(b) |
Iġbor il-ħażna kummerċjali ta’ żerriegħa li baqa’ miżmuma mill-operaturi. |
|
(ċ) |
Eqred il-ħażna kummerċjali ta’ żerriegħa li baqa’. |
|
(d) |
Ikkonkludi ftehimiet ta’ sospensjoni tal-prodott ma’ partijiet terzi billi tavżahom biex jibagħtu lura ż-żerriegħa jew biex jivverifikaw u jattestjaw li ż-żerriegħa nqerdet. |
|
(e) |
Ħu l-passi kollha meħtieġa għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet reġistrati taż-żerriegħa mill-katalogi nazzjonali taż-żrieragħ. |
|
(f) |
Implimenta programm intern li jevita l-preżenza ta’ l-avveniment fil-produzzjoni u t-tnissil taż-żerriegħa. |