|
8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ DARFUR/5/2007
tas-16 ta’ Jannar 2007
li taħtar Konsulent Militari għar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan
(2007/34/PESK)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 25(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/557/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta' appoġġ ċivili-militari ta' l-Unjoni Ewropea lill-missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-5 ta' Lulju 2006 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/468/PESK, li temenda u tirrivedi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan (2). |
|
(2) |
Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan inter alia jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta' l-Unjoni għall-missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (AMIS). Skond l-Artikolu 5(2) ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK, Ċellula ta' Koordinazzjoni ta' l-UE f'Addis Ababa (ACC) taħt l-awtorità tar-RSUE, li tikkonsisti minn konsulent politiku, konsulent militari u konsulent tal-pulizija, tamministra l-koordinazzjoni ta' kuljum ma' l-atturi rilevanti kollha ta' l-UE u maċ-Ċentru ta' Kontroll Amministrattiv u ta' Maniġġar (ACMC) fil-katina ta' kmand ta' l-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-appoġġ f'waqtu ta' l-UE lill-AMIS. |
|
(3) |
Taħt l-Artikolu 4 ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà sabiex jaħtar il-konsulent militari għar-RSUE fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) abbażi ta' rakkomandazzjoni mir-RSUE. |
|
(4) |
Is-SĠ/RGħ, wara r-rakkomandazzjoni tar-RSUE, ippropona li l-Kurunell François AMELINEAU jinħatar bħala l-Konsulent Militari l-ġdid għar-RSUE. |
|
(5) |
Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Kurunell François AMELINEAU huwa b'dan maħtur Konsulent Militari għar-RSUE għas-Sudan.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-25 ta' Jannar 2007.
Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Jannar 2007.
Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà
Il-President
C. von GOETZE