1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

704


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2027/2006

tad-19 ta’ Diċembru 2006

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu flimkien mal-paragrafu 2, u ma' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, ta' l-Artikolu 300,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1)/Wara li kkonsulta mal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Komunità u r-Repubblika ta' Kap Verde nnegozjaw u inizjalaw Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd li jippermetti lis-sajjieda tal-Komunità biex jistadu fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità tar-Repubblika ta' Kap Verde.

(2)

Huwa kunsiljabbli li jiġi approvat il-Ftehim imsemmi.

(3)

Huwa importanti li jiġi definit il-mod li bih jitqassmu l-opportunitajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde huwa approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-opportunitajiet ta' sajd stabbiliti bil-Protokoll tal-Ftehim huma mqassma bejn l-Istati Membri skond it-tabella li ġejja:

Il-kategorija tas-sajd

It-tip ta' bastiment

L-Istat Membru

Il-liċenzji jew il-kwota

Is-sajd għat-tonn

Skejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ

Spanja

41

Portugall

7

Is-sajd għat-tonn

Bastimenti għall-qbid tat-tonn bit-tartarun bil-friża abbord

Spanja

12

Franza

13

Is-sajd għat-tonn

Bastimenti għall-qbid tat-tonn bil-konz

Spanja

7

Franza

4

Jekk it-talbiet għal-liċenzji minn dawn l-Istati Membri ma jużawx l-opportunitajiet kollha ta' sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra talbiet għal-liċenzji minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fil-qafas ta' dan il-Ftehim jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta' kull qabda li tkun saret fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde skond il-modalitajiet stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 ta' l-14 ta' Marzu 2001 dwar it-twaqqif tal-modalitajiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar il-monitoraġġ tal-qabdiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità fl-ibħra tal-pajjiżi terzi u f'baħar miftuħ (2).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat il-Komunità.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (3).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f'kull Stat Membru.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.

Mill-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni mgħotija fit-30 ta’ Novembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

u

IR-REPUBBLIKA TA' KAP VERDE, minn hawn 'il quddiem imsejħa “Kap Verde”,

u

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-relazzjonijiet stretti ta' koperazzjoni bejn il-Komunità u Kap Verde, b'mod partikolari fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Cotonou, kif ukoll ix-xewqa komuni tagħhom li jintensifikaw dawn ir-relazzjonijiet,

WARA LI KKUNSIDRAW ix-xewqa taż-żewġ Partijiet li jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tagħha tas-sajd permezz tal-koperazzjoni,

Filwaqt li qiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni n-Nazzjonijiet Unititan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar,

WARA LI GĦARFU li Kap Verde jeżerċita d-drittijiet tiegħu tas-sovranità u tal-ġurisdizzjoni fiż-żona li testendi sa 200 mil nawtiku mil-linji tal-bażi skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar,

DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku minn hawn 'il quddiem imsejħa “ICCAT”

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta' l-imġiba għal sajd responsabbli adottat waqt il-konferenza ta' l-FAO fl-1995,

IDDETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, biex ikun hemm sajd responsabbli li jassigura l-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi marittimi bijoloġiċi fuq żmien twil,

KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tiġi bbażata fuq il-komplementarjetà ta' l-inizjattivi u l-azzjonijiet li jsiru kemm b'mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet waqt li jiġu assigurati l-koerenza tal-politika u s-sinerġija ta' l-isforzi,

DEĊIŻI, għal dawn il-finijiet, li joħolqu djalogu fuq il-politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kap Verde, li jgħaddu għall-identifikazzjoni tal-mezzi xierqa sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' din il-politika kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fil-proċedura,

XEWQANA li jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet li jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji fl-ibħra ta' Kap Verde, u dawk li jikkonċernaw l-għoti ta' l-appoġġ mill-Komunità sabiex isir sajd responsabbli f'dawn l-istess ibħra,

DEĊIŻI li jidħlu f'koperazzjoni ekonomika iktar stretta fil-qasam ta' l-industrija tas-sajd u ta' l-attivitajiet marbuta magħha, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' kumpanniji konġunti li fihom ikun hemm intrapriżi miż-żewġ Partijiet,

JIFTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-għan

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex isir sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde li jassigura l-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi tas-sajd fuq żmien twil u sabiex is-settur tas-sajd f'Kap Verde jiżviluppa;

il-kondizzjonijiet ta' l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità fl-ibħra ta' Kap Verde;

il-koperazzjoni dwar il-modalitajiet tal-monitoraġġ tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde sabiex jiġu assigurati l-ħarsien tal-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċità tal-miżuri ta' konservazzjoni u tal-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat;

is-sħubija bejn l-intrapriżi bil-għan li jiżviluppaw, fl-interess komuni tagħhom, attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt il-qasam tas-sajd u attivitajiet li jorbtu miegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-termini li ġejjin ifissru:

a)

“awtoritajiet ta' Kap Verde”, il-Gvern ta' Kap Verde;

b)

“awtoritajiet komunitarji”, il-Kummissjoni Ewropea;

ċ)

“ibħra ta' Kap Verde”, l-ibħra li jaqgħu, għal dak li għandu x'jaqsam mas-sajd, taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Kap Verde;

d)

“bastiment tas-sajd”, kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar

e)

“bastiment Komunitarju”, bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità;

f)

“kumpannija konġunta”, kumpannija kummerċjali kkostitwita f'Kap Verde minn armaturi jew intrapriżi nazzjonali tal-Partijiet għall-eżerċizzju ta' attivitajiet tas-sajd jew attivitajiet konnessi miegħu;

g)

“kummissjoni konġunta”, kummissjoni magħmula minn rappreżentanti tal-Komunità u ta' Kap Verde li l-karigi tagħha huma mniżżla fid-dettall fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim.

h)

“trasbord”, trasferiment magħmul fil-port jew fuq il-baħar tal-qabdiet, jew ta' parti minnhom, minn bastiment tas-sajd għal ieħor

i)

“armatur”, kull persuna ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd li tmexxi u tikkontrolla

j)

“baħrin AKP”, kull baħri li ġej minn pajjiż mhux Ewropew li ffirma l-Ftehim ta' Cotonou. Għalhekk, baħri minn Kap Verde hu baħri AKP

Artikolu 3

Il-Prinċipji u l-għanijiet li jwasslu għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde skond il-prinċipji ddefiniti mill-Kodiċi ta' l-Imġiba għal Sajd Responsabbli (CCPR) ta' l-FAO u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu f'dawn l-ibħra.

2.   Il-Partijiet jikkoperaw sabiex jassiguraw il-kontinwità tar-riżultati ta' l-eżekuzzjoni ta' politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kap Verde u jibdew djalogu politiku dwar ir-riformi meħtieġa. Huma jikkonsultaw lil xulxin sabiex jadottaw il-miżuri eventwali f'dan il-qasam.

3.   Il-Partijiet jikkoperaw ukoll fit-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet tal-miżuri, fil-programmi u l-azzjonijiet implimentati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet se jiġu analizzati mill-Kummissjoni konġunta stabbilita bl-Artikolu 9.

4.   Il-Partijiet jintrabtu li jassiguraw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim skond il-prinċipji ta' tmexxija ekonomika u soċjali tajba waqt li jitħares l-istat tar-riżorsi tas-sajd.

5.   L-impjieg ta' baħrin minn Kap Verde u/jew AKP abbord il-bastimenti Komunitarji hu kkontrollat mid-Dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol, li tapplika bis-sħiħ fil-qafas tal-kuntratti korrispondenti u tal-kondizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Huwa l-każ, b'mod partikolari, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' l-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u tal-qerda tad-diskriminazzjoni għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjieg u l-professjoni.

Artikolu 4

Il-koperazzjoni fil-qasam xjentifiku

1.   Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-Komunità u Kap Verde se jagħmlu l-aħjar tagħhom biex isegwu l-iżvilupp ta' l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde;

2.   Iż-żewġ Partijiet, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet u ta' riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku (ICCAT) u fid-dawl ta' l-aqwa opinjonijiet xjentifiċi disponibbli, jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kummissjoni konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 jew, jekk ikun il-każ, fi ħdan laqgħa xjentifika. B'konsultazzjoni mal-Komunità, Kap Verde jista' jadotta miżuri bil-ħsieb ta' ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fuq żmien twil.

3.   Il-Partijiet jintrabtu li jikkonsultaw lil xulxin, direttament jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, bil-għan li jassiguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fl-Atlantiku u li jikkoperaw fil-qafas tar-riċerki xjentifiċi li jorbtu magħhom.

Artikolu 5

L-Aċċess tal-Bastimenti Komunitarji għaż-Żoni tas-Sajd fl-Ibħra ta' Kap Verde

1.   Kap Verde jobbliga ruħu li jawtorizza lil bastimenti Komunitarji biex jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tiegħu skond dan il-Ftehim, inklużi l-Protokoll u l-Anness.

2.   L-attivitajiet tas-sajd li huma t-tema ta' dan il-Ftehim huma suġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f'Kap Verde. L-awtoritajiet ta' Kap Verde jinnotifikaw lill-Komunità b'kull emenda fil-leġiżlazzjoni msemmija kif ukoll b'kull leġiżlazzjoni oħra li jista' jkollha impatt fuq il-leġiżlazzjonijiet tas-sajd.

3.   Kap Verde jintrabat li jkun responsabbli dwar dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri dwar il-monitoraġġ tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll. Il-bastimenti Komunitarji jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde għat-twettiq ta' dan il-monitoraġġ.

4.   Il-Komunità tinrabat li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tassigura li l-bastimenti tagħha jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-sajd fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Kap Verde.

Artikolu 6

Il-liċenzji

1.   Il-bastimenti Komunitarji ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde ħlief jekk ikollhom liċenzja tas-sajd maħruġa fil-qafas ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-proċedura li tippermetti l-kisba ta' liċenzja tas-sajd għal bastiment, it-taxxi li japplikaw u l-mod tal-ħlas mill-armatur huma ddefiniti fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Il-kumpens finanzjarju

1.   Il-Komunità tagħti kumpens finanzjarju lil Kap Verde skond it-termini u l-kondizzjonijiet iddefiniti fil-Protokoll u fl-Annessi. Dan il-kumpens uniku hu ddefinit fuq il-bażi ta' żewġ komponenti relattivi, rispettivament,

a)

għall-aċċess tal-bastimenti Komunitarji għaż-żoni tas-sajd ta' Kap Verde, u

b)

għall-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-promozzjoni ta' sajd responsabbli u għall-użu fuq żmien twil tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde.

2.   Il-komponent tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu ta' hawn fuq hu ddeterminat u ġestit skond l-identifikazzjoni miż-żewġ Partijiet ta' ftehim komuni u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-Protokoll, skond l-għanijiet li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd f'Kap Verde u skond programmar annwali u multiannwali li jorbot ma' l-implimentazzjoni tagħha.

3.   Il-kumpens finanzjarju mogħti mill-Komunità jitħallas kull sena skond il-modalitajiet stabbiliti bil-Protokoll u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u tal-Protokoll dwar il-modifika eventwali ta' l-ammont tiegħu minħabba:

a)

avvenimenti mhux normali, li m'humiex fenomeni naturali, li jipprojbixxu l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde;

b)

tnaqqis, bi qbil, ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji b'applikazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni ta' l-istokkijiet ikkonċernati meqjusa meħtieġa għall-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi fuq żmien twil skond l-aqwa opinjoni xjentifika disponibbli;

ċ)

żieda, bi qbil bejn il-Partijiet, fl-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skond l-aqwa opinjoni xjentifika disponibbli, l-istat tar-riżorsi jippermetti dan;

d)

evalwazzjoni mill-ġdid tal-kondizzjonijiet ta' l-appoġġ finanzjarju komunitarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd f'Kap Verde meta r-riżultati tal-programmar annwali u multiannwali kkonstatati mill-Partijiet jiġġustifikaw dan;

e)

terminazzjoni ta' dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12.

f)

sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13.

Artikolu 8

Il-promozzjoni tal-koperazzjoni fil-livell ta' l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet iħeġġu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi relatati miegħu. Huma jikkonsultaw lil xulxin sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet differenti possibbli f'dan ir-rigward.

2.   Il-Partijiet iħeġġu l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar it-tekniki u l-inġenji tas-sajd, il-metodi ta' konservazzjoni u l-proċeduri industrijali ta' l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom biex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi tal-Partijiet fil-qasam tekniku, dak ekonomiku u kummerċjali waqt li jiffavorixxu l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investimenti.

4.   Iż-żewġ Partijiet jintrabtu li jimplimentaw pjan ta' azzjoni bejn l-operaturi ta' Kap Verde u dawk tal-Komunità bil-għan li jiżviluppaw l-iżbarki lokali ta' bastimenti Komunitarji.

5.   Il-Partijiet iħeġġu, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' kumpanniji konġunti li jkollhom interess reċiproku waqt li jħarsu b'mod sistematiku l-leġiżlazzjoni ta' Kap Verde u l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni Konġunta

1.   B'dan qed titwaqqaf kummissjoni konġunta inkarigata mill-kontroll ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Konġunta teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

a)

tikkontrolla l-eżekuzzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u b'mod partikolari d-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programmar annwali u multiannwali previst fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 7;

b)

tassigura r-rabta meħtieġa għall-kwistjonijet ta' interess komuni fir-rigward tas-sajd;

ċ)

isservi ta' forum biex tirregola, b'mod amikevoli, it-tilwim li jista' jinqala' minħabba l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim;

d)

terġa' tevalwa, jekk ikun il-każ, il-livell ta' l-opportunitajiet ta' sajd u, għalhekk, tal-kumpens finanzjarju;

e)

kull funzjoni oħra li l-Partijiet, bi qbil, jiddeċiedu li jattribwixxulha.

2.   Il-Kummissjoni Konġunta tiltaqa' mill-inqas darba f'sena, darba f'Kap Verde u d-darba ta' wara fil-Komunità, taħt il-presidenza tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Hi tiltaqa' f'sessjoni straordinarja fuq talba ta' waħda mill-Partijiet.

Artikolu 10

Iż-żona ġeografika applikabbli

Dan il-Ftehim japplika, min-naħa l-waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bit-Trattat imsemmi, u min-naħa l-oħra, fit-territorju ta' Kap Verde.

Artikolu 11

It-tul tal-Ftehim

Dan il-Ftehim japplika għal 5 snin minn meta jidħol fis-seħħ; huwa jista' jiġġedded kull perjodu supplimentari ta' 5 snin, sakemm ma jiġix itterminat skond l-Artikolu 12.

Artikolu 12

It-terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista' jiġi tterminat minn waħda mill-Partijiet f'każ ta' avvenimenti mhux normali relattivi, fost oħrajn, għad-degradazzjoni ta' l-istokkijiet ikkonċernati, għall-konstatazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jew għan-nuqqas ta' ħarsien tal-wegħdiet sottoskritti mill-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat.

2.   Il-Parti interessata tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina l-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza ta' l-ewwel perjodu jew ta' kull perjodu supplimentari.

3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Partijiet jibdew il-konsultazzjonijiet.

4.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha t-terminazzjoni tidħol fis-seħħ jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

Artikolu 13

Is-sospensjoni

1.   L-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-Partijiet f'każ ta' tilwim gravi fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fih. Din is-sospensjoni hija suġġetta għan-notifika bil-miktub mill-Parti interessata mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ. Malli jirċievu din in-notifika, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsolvu t-tilwim tagħhom b'mod amikevoli.

2.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis skond it-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 14

Il-Protokoll u l-Anness

Il-Protokoll u l-Anness jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw fl-ibħra ta' Kap Verde huma kkontrollati mil-leġiżlazzjoni li tapplika f'Kap Verde, ħlief jekk il-Ftehim u dan il-Protokoll flimkien ma' l-Anness u l-Appendiċi tiegħu jipprevedu mod ieħor.

Artikolu 16

Tħassir

Dan il-Ftehim iħassar u jissostitwixxi l-Ftehim tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Lulju 1990.

Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, imfassal f'żewġ oriġinali bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bid-Daniż, bl-Ispanjol, bl-Eston, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Iżvediż u biċ-Ċek, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop.

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju msemmija fil-ftehim ta' sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde għall-perjodu bejn l-1 ta' settembru 2006 u l-31 ta' awwissu 2011

Artikolu 1

Il-perjodu ta' applikazzjoni u l-opportunitajiet ta' sajd

1.   Mill-1 ta' Settembru 2006 u għal perjodu ta' 5 snin, l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija taħt l-Artikolu 5 tal-Ftehim huma stabbiliti kif ġej:

L-ispeċijiet migratorji ħafna (l-ispeċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982)

il-bastimenti għall-qbid tat-tonn bit-tartarun bil-friża abbord: 25 bastiment,

il-bastimenti għall-qbid tat-tonn bil-konz: 11-il bastiment,

l-iskejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ: 48 bastiment.

2.   Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 u 5 ta' dan il-Protokoll.

3.   Il-bastimenti li jtajru bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet ta' sajd fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde ħlief jekk ikollhom liċenzja tas-sajd maħruġa fil-qafas ta' dan il-Protokoll u skond il-modalitajiet deskritti fl-Anness ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Kumpens finanzjarju — Il-modalitajiet tal-ħlas

1.   Il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 tal-Ftehim hu magħmul, min-naħa l-waħda għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, minn ammont annwali ta' EUR 325 000 li huma ekwivalenti għal tunnellaġġ ta' referenza ta' 5 000 t fis-sena, u min-naħa l-oħra minn ammont speċifiku ta' EUR 60 000 fis-sena, maħsub għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi meħuda fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd ta' Kap Verde. Dan l-ammont speċifiku jifforma parti integrali mill-kumpens finanzjarju uniku ddefinit fl-Artikolu 7 tal-Ftehim.

2.   Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4, 5 u 7 ta' dan il-Protokoll.

3.   Is-somma ta' l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri EUR 385 000, titħallas kull sena mill-Komunità matul il-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll.

4.   Jekk il-kwantità globali tal-qabdiet li jsiru mill-bastimenti Komunitarji fl-ibħra ta' Kap Verde taqbeż il-5 000 tunnellata fis-sena, l-ammont ta' EUR 325 000 tal-kumpens finanzjarju se jiżdied b' EUR 65 għal kull tunnellata żejda li tinqabad. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Komunità ma jistax jaqbeż id-doppju ta' l-ammont indikat fil-paragrafu 1 (EUR 650 000). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jaqbżu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju ta' l-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dan il-limitu jitħallas is-sena ta' wara.

5.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 isir sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2006 għall-ewwel sena u mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2007, 2008, 2009 u 2010 għas-snin ta' wara.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6, l-għoti ta' dan il-kumpens jaqa' taħt il-kompetenza esklussiva ta' l-awtoritajiet ta' Kap Verde.

7.   Il-kumpens finanzjarju jitħallas f'kont uniku tat-Teżor Pubbliku miftuħ għand istituzzjoni finanzjarja magħżula mill-awtoritajiet ta' Kap Verde.

Artikolu 3

Il-Koperazzjoni għal sajd responsabbli — Laqgħa xjentifika

1.   Iż-żewġ Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jippromwovu sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde skond il-prinċipji tal-Kodiċi ta' l-Imġiba għal sajd responsabbli (CCPR) ta' l-FAO u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu f'dawn l-ibħra.

2.   Sakemm idum dan il-Protokoll, il-Komunità u l-awtoritajiet ta' Kap Verde se jagħmlu l-aħjar tagħhom biex isegwu l-iżvilupp ta' l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde;

3.   Skond l-Artikolu 4 tal-Ftehim, il-Partijiet, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn (ICCAT) u fid-dawl ta' l-aqwa opinjonijiet xjentifiċi disponibbli jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kummissjoni konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk ikun il-każ wara laqgħa xjentifika. B'konsultazzjoni mal-Komunità, Kap Verde jista' jadotta miżuri bil-ħsieb ta' ġestjoni fuq żmien twil tar-riżorsi tas-sajd li jaffettwaw l-attivitajiet tal-bastimenti Komunitarji.

Artikolu 4

Reviżjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd bi qbil reċiproku

1.   L-opportunitajiet ta' sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi qbil sakemm, skond il-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika msemmija fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 3, din iż-żieda ma tkunx ta' ħsara għall-ġestjoni fuq żmien twil tar-riżorsi ta' Kap Verde. F'każ bħal dan, il-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2 jiżdied proporzjonalment u pro rata temporis. Madankollu, l-ammont totali tal-kumpens finanzjarju mħallas mill-Komunità Ewropea ma jistax jaqbeż id-doppju ta' l-ammont indikat fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2. Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jaqbżu d-doppju tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-ammont totali annwali rivedut, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dan il-limitu jitħallas is-sena ta' wara.

2.   Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Partijiet jiftiehmu dwar l-adozzjoni ta' tnaqqis ta' l-opportunitajiet ta' sajd imsemmija fl-Artikolu 1, il-kumpens finanzjarju jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

3.   It-tqassim ta' l-opportunitajiet ta' sajd bejn kategoriji differenti ta' bastimenti jista' wkoll ikun suġġett għal reviżjoni bi qbil bejn iż-żewġ Partijiet u b'ħarsien ta' kull rakkomandazzjoni eventwali tal-laqgħa xjentifika msemmija fl-Artikolu 3 fir-rigward tal-ġestjoni ta' l-istokkijiet li jistgħu jkunu affetwati minn dan it-tqassim mill-ġdid. Il-Partijiet jiftiehmu dwar l-aġġustament korrispondenti tal-kumpens finanzjarju jekk it-tqassim mill-ġdid ta' l-opportunitajiet ta' sajd jiġġustifika dan.

Artikolu 5

Opportunitajiet ġodda ta' sajd

1.   Fil-każ li l-bastimenti tas-sajd tal-Komunità jkunu interessati f'attivitajiet ta' sajd li ma jkunux indikati fl-Artikolu 1, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin qabel ma eventwalment tingħata l-awtorizzazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' Kap Verde. Jekk ikun il-każ, il-Partijiet jiftiehmu dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawn l-opportunitajiet ġodda ta' sajd u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu s-sajd sperimentali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ispeċijiet li jgħixu fil-fond ta' l-ibħra ta' Kap Verde. Għalhekk, u fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, huma jikkonsultaw lil xulxin u għal kull każ jiddeterminaw l-ispeċijiet, il-kondizzjonijiet u parametri oħra xierqa.

Il-Partijiet se jwettqu s-sajd sperimentali skond il-parametri li huma se jaqblu dwarhom, jekk ikun il-każ, f'dispożizzjoni amministrattiva. Għandu jintlaħaq qbil dwar l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd sperimentali għal perjodu massimu ta' 6 xhur.

Fil-każ li l-Partijiet iqisu li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, il-Gvern ta' Kap Verde jista' jagħti opportunitajiet ta' sajd għall-ispeċijiet il-ġodda lill-flotta tal-Komunità sa l-iskadenza tal-Protokoll attwali. Għalhekk, il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 2.1 tal-Protokoll attwali jiżdied.

Artikolu 6

Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kumpens finanzjarju minħabba forza maġġuri

1.   Fil-każ ta' ċirkostanzi mhux normali, minbarra l-fenomeni naturali, li jipprojbixxu l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet ta' sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) ta' Kap Verde, il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2 jista' jiġi sospiż mill-Komunità Ewropea wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ Partijiet f'terminu ta' xahrejn wara t-talba ta' waħda miż-żewġ Partijiet u bil-kondizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun ħallset kull ammont dovut meta ssir is-sospensjoni.

2.   Il-kumpens finanzjarju jerġa' jibda jitħallas malli l-Partijiet jikkonstataw, bi qbil wara li jsiru l-konsultazzjonijiet, li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-waqfien ta' l-attivitajiet ta' sajd inbidlu u/jew li s-sitwazzjoni tista' tippermetti li jerġgħu lura għall-attivitajiet ta' sajd.

3.   Il-validità tal-liċenzji mogħtija lill-bastimenti Komunitarji skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim tiġi pprolungata għal tul ta' żmien daqs il-perjodu ta' sospensjoni ta' l-attivitajiet ta' sajd.

Artikolu 7

Il-promozzjoni ta' sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde

1.   Tmenin fil-mija (80 %) ta' l-ammont totali tal-kumpens finanzjarju stabbilit bl-Artikolu 2 jikkontribwixxu kull sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi għall-promozzjoni ta' sajd responsabbli u fuq żmien twil fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd iddefinita mill-Gvern ta' Kap Verde.

Il-ġestjoni ta' l-ammont korrispondenti minn Kap Verde hija bbażata fuq l-identifikazzjoni miż-żewġ Partijiet, bi qbil, ta' l-għanijiet li għandhom jitwettqu u tal-programmar annwali u multiannwali li jorbot magħhom.

2.   Sabiex jiġu implimentati l-miżuri tal-paragrafu 1 hawn fuq, il-Komunità u Kap Verde jiftiehmu fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 tal-Ftehim, malli l-Protokoll jidħol fis-seħħ u sa mhux aktar tard mit-tliet xhur wara d-dħul ta' dan il-Protokoll fis-seħħ, dwar Programm Settorjali Multi-annwali u l-modalitajiet ta' l-applikazzjoni tiegħu, li jinkludi b'mod partikolari:

(a)

il-linji ta' gwida fuq bażi annwali u multiannwali li fuqhom il-persentaġġ tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq u ta' l-ammonti speċifiċi tiegħu għall-inizjattivi li għandhom isiru fl-2007 ikun se jintuża.

(b)

l-għanijiet li għandhom jintlaħqu fuq bażi annwali u multiannwali sabiex fl-aħħar ikunu jistgħu jaslu għall-promozzjoni ta' sajd responsabbli u fuq żmien twil waqt li jitqiesu l-prijoritajiet espressi minn Kap Verde fi ħdan il-politika nazzjonali tas-sajd jew ta' politika oħra li għandha rabta jew impatt fuq il-promozzjoni ta' sajd responsabbli u fuq żmien twil;

(ċ)

il-kriterji u l-proċeduri li għandhom jintużaw sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni tar-riżultati miksuba, fuq bażi annwali.

3.   Kull emenda proposta fil-Programm Settorjali Multiannwali jew fl-użu ta' l-ammonti speċifiċi għall-inizjattivi li għandhom isiru fl-2007 għandha tkun approvata miż-żewġ Partijiet fi ħdan il-Kummissjoni konġunta.

4.   Kull sena, Kap Verde jiddeċiedi l-koeffiċjent tal-parti li tikkorrispondi għall-persentaġġ imsemmi fil-paragrafu 1 sabiex jiġi implimentat il-Programm multiannwali. Fir-rigward ta' l-ewwel sena tal-validità tal-Protokoll, dan il-koeffiċjent għandu jkun ikkomunikat lill-Komunità malli l-Programm Settorjali multiannwali jiġi approvat fil-Kummissjoni Konġunta. Għal kull sena segwenti, dan il-koeffiċjent jiġi kkomunikat minn Kap Verde lill-Komunità sa mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju tas-sena tal-Protokoll preċedenti.

5.   Fil-każ li l-evalwazzjoni annwali tar-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Multiannwali tiġġustifika dan, il-Komunità Ewropea se tkun tista' titlob li jerġa' jsir aġġustament tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll biex tadatta l-ammont effettiv tal-fondi mogħtija għall-implimentazzjoni tal-Programm ma' dawn ir-riżultati.

Artikolu 8

It-tilwim — is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll

1.   Kull tilwim bejn il-Partijiet fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għandu jkun is-suġġett ta' konsultazzjoni bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk ikun meħtieġ, imlaqqgħa f'sessjoni straordinarja.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, l-applikazzjoni tal-Protokoll tista' tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-Partijiet meta t-tilwim li jpoġġi ż-żewġ Partijiet f'oppożizzjoni jitqies gravi u meta l-konsultazzjonijiet li jsiru fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta skond il-paragrafu 1 ma jkunux ippermettew tmiem b'mod amikevoli.

3.   Is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll hija suġġetta għan-notifika bil-miktub mill-Parti interessata mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ.

4.   F'każ ta' sospensjoni, il-Partijiet ikomplu jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni amikevoli għat-tilwim li jkun qed jifridhom. Meta tinstab soluzzjoni, il-Protokoll jerġa' jibda japplika u l-ammont tal-kumpens finanzjarju jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis skond it-tul ta' żmien li fih l-applikazzjoni tal-Protokoll tkun ġiet sospiża.

Artikolu 9

Is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll minħabba nuqqas ta' ħlas

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6, fil-każ li l-Komunità tonqos milli tagħmel il-ħlas imsemmi fl-Artikolu 2, l-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll tista' tiġi sospiża bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

L-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde jibagħtu notifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta' ħlas. Din tgħaddi għall-verifiki xierqa u, jekk ikun meħtieġ, għall-ħlas f'terminu massimu ta' 60 jum ta' xogħol mid-data ta' l-irċevuta tan-notifika.

b)

Fin-nuqqas ta' ħlas jew ta' ġustifikazzjoni xierqa għan-nuqqas ta' ħlas fit-terminu stabbilit bil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll, l-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde għandhom id-dritt li jissospendu l-applikazzjoni tal-Protokoll. Huma jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea b'dan mill-ewwel.

ċ)

Il-Protokoll jerġa' jibda japplika malli jsir il-ħlas ikkonċernat.

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw fl-ibħra ta' Kap Verde fil-qafas ta' dan il-Protokoll huma gvernati mil-leġiżlazzjoni li tapplika f'Kap Verde, ħlief jekk il-Ftehim u dan il-Protokoll flimkien ma' l-Anness u l-Appendiċi tiegħu jiddisponu dwar dan mod ieħor.

Artikolu 11

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Partijiet jistgħu jirrivedu d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, ta' l-Anness u ta' l-Appendiċi u, jekk ikun il-każ, jemendawhom f'nofs it-terminu.

Artikolu 12

Tħassir

L-Anness tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde huwa mħassar u sostitwit bl-Anness ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li ġew kompletati l-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop.

2.   Huma għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta' Settembru 2006.

ANNESS

IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-EŻERĊIZZJU TAS-SAJD FIŻ-ŻONA TAS-SAJD TA' KAP VERDE MILL-BASTIMENTI KOMUNITARJI

KAPITOLU I

IL-FORMALITAJIET LI JAPPLIKAW GĦAT-TALBA U GĦALL-ĦRUĠ TAL-LIĊENZJI

Sezzjoni 1

Il-ħruġ tal-liċenzji

1.

Il-bastimenti eliġibbli biss jistgħu jiksbu liċenzja tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde fil-qafas tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju msemmija fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde għall-perjodu bejn l-1 ta' Settembru 2006 u l-31 ta' Awwissu 2011.

2.

Sabiex bastiment ikun eliġibbli, l-armatur, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma jridux ikunu pprojbiti milli jwettqu attivitajiet ta' sajd f'Kap Verde. Huma jridu jkunu f'sitwazzjoni regolari fil-konfront ta' l-amministrazzjoni ta' Kap Verde, fis-sens li jridu jkunu wettqu l-obbligi preċedenti kollha marbuta ma' l-attivitajiet tagħhom ta' sajd f'Kap Verde fil-qafas tal-Ftehim ta' sajd konkluż mal-Komunità.

3.

Kull bastiment Komunitarju li jitlob liċenzja tas-sajd jista' jiġi rrappreżentat minn aġent marittimu li jgħix f'Kap Verde. L-isem u l-indirizz ta' dan ir-rappreżentant għalhekk jissemmew fit-talba għal-liċenzja. Madankollu, kull bastiment li jitlob liċenzja tas-sajd li jaħseb għall-iżbark jew it-trasbord f'port ta' Kap Verde għandu jiġi rrappreżentat minn aġent marittimu li jgħix f'Kap Verde.

4.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità jippreżentaw talba, mill-inqas 15-il jum qabel id-data tal-bidu tal-validità mitluba, lill-Ministeru inkarigat mis-sajd f'Kap Verde għal kull bastiment li jixtieq jistad fil-qafas ta' dan il-Ftehim.

5.

It-talbiet jiġu ppreżentati lill-Ministeru inkarigat mis-sajd skond il-formoli li l-mudell tagħhom jidher fl-Appendiċi I.

6.

Kull talba għal-liċenzja għandha tkun akkompanjata mid-dokumenti li ġejjin:

il-prova tal-ħlas tal-miżata għall-perjodu tal-validità tagħħa.

ritratt reċenti bil-kulur tal-bastiment mill-ġenb fl-istat attwali tiegħu għal kull talba li ssir għall-ewwel darba fil-qafas ta' dan il-Protokoll. Ir-ritratt ma jridx ikun iżgħar minn 15-il ċm b'10 ċm.

kull dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skond id-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għat-tip ta' bastiment skond dan il-Protokoll.

7.

Il-miżata titħallas fil-kont indikat mill-awtoritajiet ta' Kap Verde skond il-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 2 tal-Protokoll.

8.

Il-miżati jinkludu t-taxxi nazzjonali u lokali kollha. Madankollu, it-taxxi tal-port, it-taxxi tat-trasbord u l-ispejjeż għall-għoti ta' servizzi m'humiex inklużi fil-ħlas ta' din il-miżata.

9.

Il-liċenzji għall-bastimenti kollha jingħataw lill-armaturi jew lir-rappreżentanti tagħhom permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f'Kap Verde f'terminu ta'15-il jum wara l-irċevuta tad-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-punt 6 hawn fuq mill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde.

10.

Fil-każ li meta tkun se tiġi ffirmata l-liċenzja l-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jkunu magħluqin, din tista', jekk ikun il-każ, tingħadda direttament lill-aġent tal-bastiment u tingħata kopja lid-Delegazzjoni.

11.

Il-liċenzja tinħareġ f'isem bastiment partikolari u m'hijiex trasferibbli.

12.

Madankollu, fuq talba tal-Komunità Ewropea u f'każ ta' forza maġġuri ppruvata, il-liċenzja ta' bastiment tiġi sostitwita b'liċenzja ġdida f'isem bastiment ieħor ta' l-istess kategorija mingħajr ma jkollha titħallas miżata oħra. F'dan il-każ, il-kalkolu tal-livell tal-qabdiet iqis it-total tal-qabdiet kollha taż-żewġ bastimenti biex jiġi ddeterminat ħlas addizzjonali eventwali.

13.

L-armatur, jew ir-rappreżentant, tal-bastiment li jkun se jiġi sostitwit jgħaddi l-liċenzja annullata lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

14.

Id-data li fiha l-liċenzja l-ġdida ssir valida hija dik meta l-armatur jagħti lura l-liċenzja annullata lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde. Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Kap Verde tiġi informata bit-trasferiment tal-liċenzja.

15.

Il-liċenzja għandha dejjem tinżamm abbord. Madankollu, malli tiġi rċevuta n-notifika tal-ħlas bil-quddiem indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lill-awtoritajiet ta' Kap Verde, il-bastiment jinkiteb fuq lista tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu, li tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet ta' Kap Verde inkarigati mill-monitoraġġ tas-sajd. Kopja tal-lista msemmija tista' tinkiseb permezz ta' faks sakemm tiġi riċevuta l-liċenzja nfisha; din il-kopja tinżamm abbord.

Sezzjoni 2

Il-kondizzjonijiet għal-liċenzja — il-miżati u l-ħlas bil-quddiem

1.

Il-liċenzji huma validi għal sena. Huma jistgħu jiġġeddu.

2.

Il-miżata stabbilita hija ta' EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde għall-bastimenti għall-qbid tat-tonn bit-tartarun u għall-iskejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ u għal EUR 25 għal kull tunnellata maqbdua fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde għall-bastimenti għall-qbid tat-tonn bil-konz.

3.

Il-liċenzji jinħarġu wara li jitħallsu s-somom stabbiliti li ġejjin lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

EUR 3 950 għal kull bastiment għall-qbid tat-tonn bit-tartarun (li EUR 100 minnhom imorru għall-finanzjament tal-programm ta' l-osservaturi), li huma ekwivalenti għall-miżati dovuti għal 110 tunnellata ta' speċijiet migratorji ħafna u speċijiet assoċjati magħhom maqbuda kull sena;

EUR 2 900 għal kull skuna li tistad bil-konz tal-wiċċ (li EUR 100 minnhom imorru għall-finanzjament tal-programm ta' l-osservaturi), li huma ekwivalenti għall-miżati dovuti għal 80 tunnellata ta' speċijiet migratorji ħafna u speċijiet assoċjati magħhom maqbuda kull sena;

EUR 500 għal kull bastiment għall-qbid tat-tonn bil-konz (li EUR 100 minnhom imorru għall-finanzjament tal-programm ta' l-osservaturi), li huma ekwivalenti għall-miżati dovuti għal 16-il tunnellata ta' speċijiet migratorji ħafna u speċijiet assoċjati magħhom maqbuda kull sena;

4.

Ir-rendikont finali tal-miżati dovuti għas-sena n jiġi deċiż mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena n+1 fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet magħmula minn kull armatur u kkonfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti għall-verifika ta' l-informazzjoni dwar il-qabdiet fl-Istati Membri, bħall-IRD (Institut de Recherche pour le Développement), l-IEO (Instituto Español de Oceanografia) u l-IPIMAR (Instituto de Investigação das Pescas e do Mar) u għall-INDP (l'Instituto Nacional de Desenvolvimento das Pescas du Cap Vert) permezz tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

5.

Dan il-kont jiġi kkomunikat fl-istess ħin lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde u lill-armaturi għall-verifika u l-approvazzjoni. L-awtoritajiet ta' Kap Verde jistgħu joġġezzjonaw għall-kont bil-miktub u bir-raġunijiet xierqa f'terminu ta' 30 jum mid-data ta' meta jkun ġie lilhom mogħti. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-każ jitressaq quddiem il-Kummissjoni Konġunta. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni fit-terminu stabbilit, il-kont jiġi aċċettat.

6.

Kull ħlas addizzjonali eventwali se jsir mill-armaturi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' Kap Verde sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena ta' wara fil-kont imsemmi fil-paragrafu 7 tas-Sezzjoni 1 ta' dan il-Kapitolu.

7.

Madankollu, jekk il-kont finali jkun inqas mill-ammont tal-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-punt 3 ta' din is-sezzjoni, l-armatur ma jkunx jista' jieħu lura s-somma korrispondenti li jibqa'.

KAPITOLU II

IŻ-ŻONI TAS-SAJD

1.

Il-bastimenti Komunitarji se jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom tas-sajd fiż-żoni li ġejjin:

'il barra mit-12-il mil nawtiku mil-linji tal-bażi

KAPITOLU III

IR-REĠIM TA' DIKJARAZZJONI TAL-QABDIET

1.

It-tul ta' żmien tal-vjaġġ ta' bastiment Komunitarju għall-finijiet ta' dan l-Anness huwa ddefinit kif ġej:

jew il-perjodu li jgħaddi bejn daħla u ħarġa miż-żona tas-sajd ta' Kap Verde;

jew il-perjodu li jgħaddi bejn daħla fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde u trasbord;

jew il-perjodu li jgħaddi bejn daħla fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde u żbark f'Kap Verde;

2.

Il-bastimenti kollha awtorizzati biex jistadu fl-ibħra ta' Kap Verde fil-qafas tal-Ftehim għandhom jikkomunikaw il-qabdiet tagħhom lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkontrollaw il-kwantitajiet maqbuda li jiġu vvalidati mill-istituti xjentifiċi kompetenti skond il-proċedura msemmija fil-punt 4 tas-sezzjoni 2 tal-Kapitolu I ta' dan l-Anness. Il-modalitajiet ta' komunikazzjoni tal-qabdiet huma dawn li ġejjin:

2.1

Matul perjodu ta' sena li fih il-liċenzja tkun valida fis-sens tal-paragrafu 1 tas-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu I ta' dan l-Anness, id-dikjarazzjonijiet jinkludu l-qabdiet li jkunu saru mill-bastiment waqt kull vjaġġ. Id-dikjarazzjonijiet oriġinali fuq mezz fiżiku jiġu kkomunikati lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde fit-30 jum ta' wara t-tmiem ta' l-aħħar vjaġġ li jkun sar matul il-perjodu msemmi. Fl-istess ħin jintbagħtu kopji b'mod elettroniku jew permezz ta' faks lill-Istat Membru ta' reġistrazzjoni u lill-Ministeru inkarigat mis-sajd ta' Kap Verde.

2.2

Il-bastimenti jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom permezz tal-formola li tikkorrispondi għall-ġurnal ta' abbord li l-mudell tagħha qiegħed fl-Appendiċi 2. Għall-perjodi li fihom il-bastiment ma jkunx daħal fl-ibħra ta' (Stat), huwa mitlub li jimtela l-ġurnal ta' abbord bir-referenza “Barra ż-ŻEE ta' Kap Verde”.

2.3

Il-formoli għandhom jimtlew b'mod ċar u b'ittri kapitali u jiġu ffirmati mill-kaptan tal-bastiment jew mir-rappreżentant legali tiegħu.

3.

F'każ li ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, il-Gvern ta' Kap Verde jirriżerva d-dritt li jissospendi l-liċenzja tal-bastiment li wettaq in-nuqqas sakemm titlesta l-formalità u tiġi applikata piena, stabbilita bir-Regolament fis-seħħ f'Kap Verde, lill-armatur tal-bastiment. L-Istat Membru ta' reġistrazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea jiġu informati b'dan.

KAPITOLU IV

L-IŻBARK

Iż-żewġ Partijiet jikkoperaw sabiex itejbu l-opportunitajiet ta' trasbord u ta' żbark fil-portijiet ta' Kap Verde.

1.   L-Iżbarki:

 

Il-bastimenti tat-tonn tal-Komunità li jiżbarkaw b'mod volontarju f'port ta' Kap Verde jibbenefikaw minn tnaqqis fil-miżata ta' EUR 5 għal kull tunnellata żbarkata fuq l-ammont indikat fil-paragrafu 2 tas-sezzjoni 2 tal-Kapitolu I ta' l-Anness.

 

Jingħata tnaqqis supplimentari ta' EUR 5 fil-każ ta' bejgħ tal-prodotti tas-sajd lil fabbrika ta' l-ipproċessar f'Kap Verde.

 

Dan il-mekkaniżmu se japplika, għal kull bastiment Komunitarju, sa massimu ta' 50 % tal-kont finali tal-qabdiet (hekk kif iddefinit fil-Kapitolu III ta' l-Anness) mill-ewwel sena ta' dan il-Protokoll.

2.   Il-modalitajiet ta' l-applikazzjoni tal-kontroll tat-tunnellati żbarkati jew trasbordati se jkunu ddefiniti waqt l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta.

3.   L-evalwazzjoni:

Il-livell ta' l-inċentivi finanzjarji kif ukoll il-persentaġġ massimu tal-kont finali tal-qabdiet se jiġu aġġustati fil-qafas tal-Kummissjoni Konġunta skond l-impatt soċjo-ekonomiku maħluq mill-iżbarki li jkunu saru matul is-sena kkonċernata.

KAPITOLU V

L-IMBARK TAL-BAĦRIN

1.

L-armaturi tal-bastimenti għall-qbid tat-tonn u ta' l-iskejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ se jieħdu ħsieb li jħaddmu baħrin li ġejjin mill-pajjiżi AKP, inkluż minn Kap Verde, taħt il-kondizzjonijiet u bil-limiti li ġejjin:

għall-flotta tal-bastimenti għall-qbid tat-tonn bit-tartarun, mill-inqas sitt baħrin AKP jiġu imbarkati matul il-kampanja tas-sajd għat-tonn fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde,

għall-flotta tal-bastimenti għall-qbid tat-tonn bil-konz, mill-inqas tliet baħrin AKP jiġu imbarkati matul il-kampanja tas-sajd għat-tonn fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde,

għall-flotta ta' l-iskejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ, mill-inqas erba' baħrin AKP jiġu imbarkati matul il-kampanja tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde.

2.

L-armaturi jimpenjaw ruħhom biex jimbarkaw baħrin supplimentari minn Kap Verde.

3.

L-armaturi jagħżlu b'mod liberu l-baħrin li jkunu se jimbarkaw fuq il-bastimenti tagħhom fost dawk imsemmija f'listi ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi AKP ikkonċernati, inkluż minn Kap Verde.

4.

Fil-każ li jissejħu xi awżiljarji minn Kap Verde, skond il-punt 1 ta' dan l-Artikolu, l-armatur jew ir-rappreżentant tiegħu jgħaddu lill-awtorità kompetenti ta' Kap Verde l-ismijiet tal-baħrin minn Kap Verde li jkunu imbarkati abbord il-bastiment ikkonċernat u ssir referenza għall-iskrizzjoni tagħhom fil-lista ta' l-ekwipaġġ.

5.

Id-Dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol tapplika b'mod sħiħ għall-baħrin imbarkati fuq bastimenti Komunitarji. Huwa l-każ b'mod partikolari tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' l-għarfien effettiv tad-dritt ta' negozjar kollettiv tal-ħaddiema u tal-qerda tad-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg u l-professjoni.

6.

Il-kuntratti tax-xogħol ta' baħrin minn Kap Verde, skond il-punt 1 ta' dan l-Artikolu, li tingħata kopja tagħhom lill-firmatarji, huma stabbiliti bejn ir-rappreżentant(i) ta' l-armaturi u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins tagħhom jew ir-rappreżentanti tagħhom b'rabta ma' l-awtorità marittima ta' Kap Verde. Dawn il-kuntratti se jiggarantixxu lill-baħrin il-benefiċċju tar-reġim tas-sigurtà soċjali li japplika għalihom, li jinkludi assigurazzjoni fuq il-mewt, mard jew inċidenti.

7.

L-armaturi huma responsabbli għas-salarju tal-baħrin. Dan għandu jiġi stabbilit qabel ma jingħataw il-liċenzji bi qbil bejn l-armaturi jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-awtoritajiet tal-pajjiż AKP ikkonċernat. Madankollu, il-kondizzjonijiet tar-remunerazzjoni tal-baħrin lokali ma jistgħux ikunu anqas minn dawk li japplikaw għall-ekwipaġġi ta' Kap Verde u f'kull każ mhux anqas mir-regoli ta' l-ILO.

8.

Kull baħri impjegat mill-bastimenti Komunitarji għandu jippreżenta ruħu lill-kaptan tal-bastiment maħtur lejlet id-data proposta għall-imbark tiegħu. Jekk il-baħri ma jkunx preżenti fid-data u l-ħin previsti għall-imbark, l-armatur jiġi awtomatikament rilaxxjat mill-obbligu li jimbarka lil dan il-baħri.

9.

Madankollu, f'każ li l-baħrin tal-pajjiżi AKP ma jiġux imbarkati għal raġunijiet differenti minn dawk stipulati fil-punt preċedenti, l-armaturi tal-bastimenti Komunitarji kkonċernati huma mitluba jħallsu, għal kull jum ta' vjaġġ fl-ibħra tal-pajjiż AKP ikkonċernt, somma stabbilita minn qabel ta' EUR 20 kuljum. Il-ħlas ta' din is-somma għandu jsir sa mhux aktar tard mit-termini stabbiliti fil-punt I.2.6 ta' dan l-Anness.

10.

Din is-somma tiġi użata għat-taħriġ tal-baħrin-sajjieda lokali u titħallas fil-kont indikat mill-awtoritajiet tal-pajjiż AKP ikkonċernat.

KAPITOLU VI

IL-MIŻURI TEKNIĊI

Il-bastimenti josservaw il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT għar-reġjun għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-inġenji tas-sajd, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u kull miżura teknika oħra li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

KAPITOLU VII

L-OSSERVATURI

1.   Il-bastimenti awtorizzati biex jistadu fl-ibħra ta' Kap Verde fil-qafas tal-Ftehim jimbarkaw osservaturi magħżula mill-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd kompetenti (RFO) taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti li ġejjin.

1.1   Fuq talba tal-RFO, il-bastimenti Komunitarji jimbarkaw magħhom osservatur magħżul minn din l-organizzazzjoni li jkollu l-missjoni li jivverifika l-qabdiet li jkunu saru b'mod speċjali fl-ibħra ta' Kap Verde.

1.2   L-RFO kompetenti tistabbilixxi l-lista tal-bastimenti magħżula biex jimbarkaw osservatur kif ukoll il-lista ta' l-osservaturi magħżula biex jiġu imbarkati. Dawn il-listi jiġu aġġornati. Dawn jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu stabbiliti u mbagħad kull tliet xhur fir-rigward ta' l-aġġornament eventwali tagħhom.

1.3   L-RFO kompetenti tikkomunika lill-armaturi kkonċernati jew lir-rappreżentanti tagħhom l-isem ta' l-osservatur magħżul biex jimbarka fuq il-bastiment meta dawn jingħataw il-liċenzja jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data prevista għall-imbark ta' l-osservatur.

2.   L-osservatur jibqa' fuq il-bastiment għal vjaġġ wieħed. Madankollu, fuq talba espliċita tal-RFO kompetenti, dan l-imbark jista' jkopri aktar minn vjaġġ wieħed skond it-tul medju tal-vjaġġi previsti għal bastiment partikolari. Din it-talba ssir mill-RFO kompetenti waqt il-komunikazzjoni ta' l-isem ta' l-osservatur magħżul biex jimbarka fuq il-bastiment ikkonċernat.

3.   Il-kondizzjonijiet ta' l-imbark ta' l-osservatur huma ddefiniti bi qbil bejn l-armatur jew ir-rappreżentant tiegħu u l-RFO kompetenti.

4.   L-imbark ta' l-osservatur isir fil-port magħżul mill-armatur fil-bidu ta' l-ewwel vjaġġ fl-ibħra tas-sajd ta' Kap Verde skond in-notifika tal-lista tal-bastimenti magħżula.

5.   L-armaturi kkonċernati jikkomunikaw f'terminu ta' ġimagħtejn u b'avviż ta' għaxart ijiem minn qabel id-dati u l-portijiet tas-subreġjun stabbiliti għall-imbark ta' l-osservaturi.

6.   Fil-każ li l-osservatur jiġi imbarkat f'pajjiż barra s-subreġjun, l-ispejjeż tal-vjaġġ ta' l-osservatur jitħallsu mill-armatur. Jekk bastiment li jkollu abbord osservatur reġjonali joħroġ barra miż-żona tas-sajd reġjonali, għandha tittieħed kull miżura biex jiġi ggarantit li l-osservatur jittieħed lura f'pajjiżu malajr kemm jista' jkun u l-ispejjeż jitħallsu mill-armatur.

7.   Fil-każ li l-osservatur ma jkunx fuq il-post u fil-ħin miftiehma sa tnax-il siegħa wara, l-armatur awtomatikament ma jibqax obbligat li jimbarka lil dan l-osservatur.

8.   L-osservatur jitqies bħala uffiċjal abbord. Hu jaqdi dawn id-dmirijiet:

8.1

josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

8.2

jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti involuti f'operazzjonijiet ta' sajd;

8.3

iwettaq operazzjonijiet ta' teħid ta' kampjuni bijoloġiċi fil-qafas ta' programmi xjentifiċi;

8.4

jelenka l-inġenji tas-sajd li jintużaw;

8.5

jivverifika l-informazzjoni dwar il-qabdiet li jkunu saru fl-ibħra tas-sajd ta' Kap Verde li tidher fuq il-ġurnal ta' abbord;

8.6

jivverifika l-persentaġġi tal-qabdiet addizzjonali u jagħmel stima tal-volum ta' speċijiet ta' ħut għall-kummerċ li jkunu se jintremew;

8.7

jikkomunika bi kwalunkwe mezz xieraq (bir-radju, permezz ta' faks jew elettronikament) l-informazzjoni dwar is-sajd, inkluż il-volum tal-qabdiet prinċipali u addizzjonali li jkunu abbord, darba fil-ġimgħa meta l-bastiment ikun qed jopera fl-ibħra ta' Kap Verde.

9.   Il-kaptan jieħu l-miżuri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jassigura s-sikurezza fiżika u morali ta' l-osservatur fl-eżerċizzju tal-karigi tiegħu.

10.   L-osservatur jista' jagħmel użu mill-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jeżerċita l-karigi tiegħu. Il-kaptan jagħtih aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbuta direttament ma' l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, li jinkludu b'mod partikolari l-ġurnal ta' abbord u l-ġurnal ta' navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment meħtieġa sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu aktar faċilment.

11.   Waqt li jkun fuq il-bastiment, l-osservatur:

11.1

jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex il-kondizzjonijiet ta' l-imbark tiegħu kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-bastiment ma jwaqqfux u lanqas ifixklu l-operazzjonijiet ta' sajd;

11.2

iħares l-assi u t-tagħmir li jkunu fuq il-bastiment kif ukoll il-kunfidenzjalità ta' kull dokument li jkun proprjetà tal-bastiment imsemmi.

12.   Fi tmiem il-perjodu ta' l-osservazzjoni u qabel ma jitlaq minn fuq il-bastiment, l-osservatur jagħmel rapport ta' l-attivitajiet li jintbagħat lill-RFO kompetenti u li tingħata kopja tiegħu lill-kaptan tal-bastiment.

13.   L-armatur huwa responsabbli mill-ispejjeż tas-soġġorn u ta' l-ikel ta' l-osservaturi taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali. Dan isir skond il-possibilitajiet prattiċi tal-bastiment.

14.   Is-salarju u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali ta' l-osservatur jitħallsu mill-RFO kompetenti.

15.   Iż-żewġ Partijiet se jikkonsultaw malajr kemm jista' jkun lill-pajjiżi terzi kkonċernati dwar id-definizzjoni ta' sistema ta' osservaturi reġjonali u l-għażla ta' l-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd kompetenti. Sakemm tiġi implimentata sistema ta' osservaturi reġjonali, il-bastimenti awtorizzati biex jistadu fl-ibħra ta' Kap Verde fil-qafas tal-Ftehim se jimbarkaw, flok l-osservaturi reġjonali, osservaturi magħżula mill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde skond ir-regoli stabbiliti hawn fuq.

KAPITOLU VIII

IL-MONITORAĠĠ

1.   Il-Komunità Ewropea żżomm lista aġġornata tal-bastimenti li nħarġitilhom liċenzja tas-sajd skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. Din il-lista tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet ta' Kap Verde inkarigati mill-monitoraġġ tas-sajd malli tiġi stabbilita u kull meta tiġi sussegwentement aġġornata.

2.   Id-dħul u l-ħruġ miż-żona:

2.1

Il-bastimenti Komunitarji jinnotifikaw, mill-inqas 3 sigħat minn qabel, lill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde inkarigati mill-monitoraġġ tas-sajd bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu jew joħorġu miż-żona tas-sajd ta' Kap Verde. Huma jiddikjaraw ukoll il-kwantitajiet globali u l-ispeċijiet abbord.

2.2

Waqt in-notifika tal-ħruġ tiegħu, kull bastiment Komunitarju jikkomunika wkoll il-pożizzjoni tiegħu. Dawn il-komunikazzjonijiet se jsiru l-ewwel bil-faks, u, fin-nuqqas ta' dan, għall-bastimenti mhux mgħammrin bil-faks, bir-radju u bl-e-mail.

2.3

Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża lill-awtorità kompetenti ta' Kap Verde jitqies bħala bastiment li kiser il-liġi.

2.4

Jingħataw ukoll in-numri tal-faks u tat-telefon kif ukoll l-indirizz ta' l-email meta tingħata l-liċenzja tas-sajd.

3.   Il-proċeduri tal-monitoraġġ

3.1

Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji li jkunu involuti f'attivitajiet ta' sajd fl-ibħra tas-sajd ta' Kap Verde jippermettu u jiffaċilitaw l-imbark u t-twettiq tad-dmirijiet ta' kull uffiċjal ta' Kap Verde inkarigat mill-ispezzjoni u l-monitoraġġ ta' l-attivitajiet tas-sajd.

3.2.

Il-preżenza ta' dawn l-uffiċjali abbord m'għandiex taqbeż iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

3.3.

Fl-aħħar ta' kull spezzjoni u monitoraġġ, jingħata ċertifikat lill-Kaptan tal-bastiment.

4.   Il-monitoraġġ bis-satellita

4.1

Il-bastimenti kollha tal-Komunità li jistadu fil-qafas ta' dan il-Ftehim se jkunu mmonitorjati permezz tas-satellita skond il-miżuri li se jiġu adottati waqt l-ewwel sena tal-Protokoll. Dawn il-miżuri se jidħlu fis-seħħ fl-għaxar jum wara n-notifika mill-Gvern ta' Kap Verde lid-Delegazzjoni tal-Komunità Ewropea f'Kap Verde dwar il-bidu tal-ħidma ta' l-organizzazzjoni inkarigata mill-monitoraġġ tal-bastimenti tas-sajd ta' Kap Verde bis-satellita.

5.   L-ispezzjoni u l-monitoraġġ

5.1

L-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde jinformaw lill-Istat ta' reġistrazzjoni u lill-Kummissjoni Ewropea, f'terminu massimu ta' 24 siegħa, b'kull spezzjoni u monitoraġġ u b'kull applikazzjoni ta' sanzjoni fuq bastiment Komunitarju, li jkun daħal fl-ibħra tas-sajd ta' Kap Verde.

5.2

L-Istat ta' reġistrazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea jirċievu fl-istess ħin rapport qasir dwar iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għal din l-ispezzjoni u għall-monitoraġġ.

6.   Il-minuti ta' l-ispezzjoni u l-monitoraġġ

6.1

Il-kaptan tal-bastiment, wara li jinkiteb ir-rapport mill-awtorità kompetenti ta' Kap Verde, għandu jiffirma dan id-dokument.

6.2

Dan l-iffirmar ma jippreġudikax id-drittijiet u l-mezzi ta' difiża li l-kaptan jista' jippreżenta biex iwieġeb għall-infrazzjoni li jkun akkużat biha.

6.3

Il-kaptan għandu jieħu l-bastiment tiegħu fil-port indikat mill-awtoritajiet ta' Kap Verde. Fil-każijiet ta' infrazzjoni minuri, l-awtorità kompetenti ta' Kap Verde tista' tawtorizza 'l-bastiment spezzjonat u kkontrollat biex ikompli l-attivitajiet tiegħu tas-sajd.

7.   Laqgħa ta' konsultazzjoni f'każ ta' spezzjoni u monitoraġġ

7.1

Qabel ma jiġi kkunsidrat it-teħid ta' miżuri eventwali fil-konfront tal-kaptan jew ta' l-ekwipaġġ tal-bastiment jew ta' kull azzjoni fil-konfront tal-merkanzija u tat-tagħmir tal-bastiment, ħlief dawk intenzjonati għall-konservazzjoni tal-provi relattivi għall-infrazzjoni li tkun allegata, issir laqgħa ta' konsultazzjoni, sa mhux aktar minn jum tax-xogħol wara li tkun waslet l-informazzjoni msemmija hawn fuq, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde, bil-parteċipazzjoni eventwali ta' rappreżentant ta' l-Istat Membru kkonċernat.

7.2

Matul din il-laqgħa ta' konsultazzjoni, il-Partijiet jagħmlu skambju bejniethom ta' kull dokument jew informazzjoni utli li jkunu jistgħu jgħinu biex jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi tal-fatti kkonstatati. L-armatur, jew ir-rappreżentant tiegħu, jiġi informat bir-riżultat ta' din il-laqgħa ta' konsultazzjoni kif ukoll bil-miżuri kollha li jistgħu joħorġu mill-ispezzjoni u l-monitoraġġ.

8.   Regolament għall-ispezzjoni u l-monitoraġġ

8.1.

Qabel kull proċedura ġudizzjarja, l-infrazzjoni allegata għandha tipprova tiġi rregolata permezz ta' proċedura bonarja. Din il-proċedura tispiċċa sa mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara t-tlugħ abbord għall-ispezzjoni u l-monitoraġġ.

8.2.

F'każ ta' proċedura bonarja, l-ammont tal-multa applikata jiġi ddeterminat skond ir-regolamentazzjoni ta' Kap Verde.

8.3.

F'każ li l-kwistjoni ma tkunx setgħet tiġi rregolata permezz ta' proċedura bonarja u li din titressaq quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-armatur jiddepożita garanzija bankarja f'bank magħżul mill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde f'ammont li jiġi ffissat meta jitqiesu l-ispejjeż li l-ispezzjoni u l-monitoraġġ tal-bastiment iġibu magħhom kif ukoll l-ammont tal-multi u tal-kumpens li jistgħu jeħlu dawk responsabbli mill-infrazzjoni.

8.4.

Il-garanzija bankarja tkun irrevokabbli qabel ma tintemm il-proċedura ġudizzjarja. Hija tiġi rrevokata malli l-proċedura tintemm mingħajr kundanna. Bl-istess mod, f'każ li l-kundanna twassal għal multa anqas mill-garanzija ddepożitata, id-differenza tiġi rilaxxjata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde.

8.5.

Il-bastiment jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu jitħalla jitlaq mill-port:

jew malli jitwettqu l-obbligi li joħorġu mill-proċedura ta' tranżazzjoni;

jew malli tiġi ddepożitata l-garanzija bankarja msemmija fil-punt 8.3. hawn fuq jew malli tiġi aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde, sakemm tintemm il-proċedura ġudizzjarja.

9.   It-trasbord

9.1

Kull bastiment Komunitarju li jixtieq jagħmel trasbord tal-qabdiet fl-ibħra ta' Kap Verde għandu jagħmel dan fil-portijiet ta' Kap Verde.

9.2.

L-armaturi ta' dawn il-bastimenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde bl-informazzjoni li ġejja, mill-anqas jumejn tax-xogħol minn qabel:

l-isem tal-bastimenti tas-sajd li għandhom jittrasbordaw;

l-isem tal-bastiment tal-merkanzija;

it-tunnellaġġ għal kull speċi li għandha tiġi ttrasbordata;

il-jum tat-trasbord;

iċ-ċertifikat tas-sanità tal-bastiment li se jagħmel it-trasbord.

9.3.

It-trasbord jitqies bħala ħruġ miż-żona tas-sajd ta' Kap Verde. Il-bastimenti għandhom għalhekk jagħtu d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet lill-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde u jinnotifikawhom bl-intenzjoni tagħhom, jiġifieri jew li jkomplu jistadu jew li joħorġu miż-żona tas-sajd ta' Kap Verde.

9.4.

Kull operazzjoni ta' trasbord tal-qabdiet li mhix imsemmija fil-punti ta' hawn fuq hija pprojbita fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde. Kull min jikser din id-dispożizzjoni jista' jeħel is-sanzjonijiet stabbiliti bir-regolamentazzjoni fis-seħħ ta' Kap Verde.

10.   Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji li huma involuti f'operazzjonijiet ta' żbark jew ta' trasbord f'port ta' Kap Verde jippermettu u jiffaċilitaw il-monitoraġġ ta' dawn l-operazzjonijiet mill-ispetturi ta' Kap Verde. Fit-tmiem ta' kull spezzjoni u kull monitoraġġ fil-port, jingħata ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

L-appendiċi

1.   

Il-formola għat-talba tal-liċenzja

2.   

Il-ġurnal ta' abbord ICCAT

3.   

Il-pożizzjoni eżatta taż-żona tas-sajd ta' Kap Verde (għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet ta' Kap Verde qabel ma l-Ftehim u l-Protokoll VMS jidħlu fis-seħħ)

Appendiċi 1

Il-ministeru tas-sajd

Talba għal-liċenzja għall-bastimenti barranin tas-sajd industrijali:

1.

Isem ta' l-armatur:

2.

Indirizz ta' l-armatur:

3.

Isem tar-rappreżentant jew ta' l-aġent lokali ta' l-armatur:

4.

Indirizz tar-rappreżentant jew ta' l-aġent lokali ta' l-armatur:

5.

Isem tal-kaptan:

6.

Isem tal-bastiment:

7.

Numru ta' reġistrazzjoni:

8.

Data u post tal-kostruzzjoni:

9.

Pajjiż ta' reġistrazzjoni:

10.

Port ta' reġistrazzjoni:

11.

Port ta' manutenzjoni:

12.

Tul (h.t.):

13.

Wisa':

14.

Tunnellaġġ gross:

15.

Tunnellaġġ nett:

16.

Kobor ta' l-istiva:

17.

Kobor tal-friża:

18.

Tip u saħħa tal-magna:

19.

Inġenji tas-sajd:

20.

Numru ta' baħrin:

21.

Sistema ta' komunikazzjoni:

22.

Call-sign tar-radju:

23.

Sinjali li jagħmluh rikonoxxibbli:

24.

Operazzjonijiet ta' sajd li għandu jiżviluppa:

25.

Post ta' l-iżbark tal-qabdiet:

26.

Żoni tas-sajd:

27.

Speċijiet li għandhom jinqabdu:

28.

Tul ta' żmien tal-validità:

29.

Kondizzjonijiet speċjali:

30.

Attivitajiet oħra li jaqgħu taħt l-awtorità ta' Kap Verde:

Opinjoni tad-Direzzjoni Ġenerali tas-sajd:

Osservazzjonijiet tal-Ministeru tas-sajd, ta' l-agrikoltura u tal-ħajja rurali:

Appendiċi 2

Image 1

Test ta 'immaġni

Appendiċi 3

Protokoll (VMS)

Li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ permezz tas-satellita tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu fiż-ŻEE ta' Kap Verde

1.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll jikkompletaw il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju msemmija fil-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde għall-perjodu bejn l-1 ta' Settembru 2006 u l-31 ta' Awwissu 2011, u japplikaw skond il-punt 4.1. tal-“Kapitolu VII — Il-Monitoraġġ” ta' l-Anness tiegħu.

2.

Il-bastimenti kollha tas-sajd li jkunu itwal minn 15-il metru fl-itwal parti tagħhom, li jistadu fil-qafas tal-Ftehim tas-sajd KE/Kap Verde, se jkunu mmonitorjati permezz tas-satellita meta jkunu fiż-ŻEE ta' Kap Verde.

L-awtoritajiet ta' Kap Verde jikkomunikaw lill-Parti Komunitarja l-pożizzjonijiet taż-żoni tas-sajd (latitudni u lonġitudni) taż-ŻEE ta' Kap Verde sabiex il-bastimenti jkunu mmonitorjati permezz tas-satellita.

L-awtoritajiet ta' Kap Verde se jgħaddu l-informazzjoni taħt forma informatika fi gradi deċimali (WGS 84).

3.

Il-Partijiet jipproċedu billi jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-indirizzi X.25 u l-ispeċifikazzjonijiet użati fil-komunikazzjoni elettronika bejn iċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tagħhom skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 5 u 7. Din l-informazzjoni se tinkludi, safejn ikun possibbli, l-ismijiet, in-numri tat-telefon, tat-teleks u tal-faks u l-indirizzi elettroniċi (Internet jew X.400) li jistgħu jintużaw għall-komunikazzjoni ġenerali bejn iċ-Ċentri tal-Monitoraġġ.

4.

Il-pożizzjoni tal-bastiment tiġi ddeterminata b'marġini ta' żball inqas minn 500 m u b'intervall ta' kunfidenza ta' 99 %.

5.

Meta bastiment li jkun qed jistad fil-qafas tal-Ftehim u li jkun immonitorjat permezz tas-satellita skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità jidħol fiż-ŻEE ta' Kap Verde, ir-rapporti tal-pożizzjoni sussegwenti jiġu kkomunikati mill-ewwel miċ-Ċentru tal-Monitoraġġ ta' l-Istat ta' reġistrazzjoni liċ-Ċentru tas-Sorveljanza tas-Sajd ta' Kap Verde (FMĊ) kultant ħin f'perjodi massimi ta' 3 sigħat. Dawn il-messaġġi jiġu identifikati bħala Rapporti tal-Pożizzjoni.

6.

Il-messaġġi previsti fil-punt 5 jintbagħtu b'mezz elettroniku fil-format X.25 jew kull Protokoll ieħor ta' sigurtà. Dawn il-messaġġi jiġu kkomunikati mill-ewwel skond il-format tat-tabella II.

7.

F'każ li l-apparat ta' monitoraġġ permanenti permezz tas-satellita installat abbord il-bastiment tas-sajd ikollu ħsara teknika jew jieqaf jaħdem, il-kaptan ta' dan il-bastiment jgħaddi l-informazzjoni prevista fil-punt 5 meta suppost liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ ta' l-Istat ta' reġistrazzjoni u lill-FMC ta' Kap Verde permezz ta' faks. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ikun meħtieġ li jintbagħat Rapport tal-Pożizzjoni globali kull 9 sigħat. Dan ir-rapport ta' pożizzjoni globali se jinkludi r-rapporti tal-pożizzjoni hekk kif irreġistrati mill-Kaptan tal-bastiment fuq 3 sigħat skond il-kondizzjonijiet previsti fil-punt 5.

Iċ-Ċentru tal-Monitoraġġ ta' l-Istat ta' reġistrazzjoni jibgħat dawn il-messaġġi lill-FMC ta' Kap Verde. It-tagħmir difettuż jissewwa jew jiġi sostitwit f'terminu massimu ta' xahar. Ladarba jgħaddi dan it-terminu, il-bastiment ikkonċernat ikollu joħroġ miż-ŻEE ta' Kap Verde.

8.

Iċ-Ċentri tal-Monitoraġġ ta' l-Istati ta' reġistrazzjoni se jimmonitorjaw il-movimenti tal-bastimenti tagħhom fl-ibħra ta' Kap Verde. Fil-każ li l-monitoraġġ tal-bastimenti ma jsirx skond il-kondizzjonijiet stabbiliti, l-FMC ta' Kap Verde jiġi informat b'dan mill-ewwel, malli ssir il-konstatazzjoni, u l-proċedura prevista fil-punt 7 tiġi applikata.

9.

Jekk l-FMC ta' Kap Verde jiddeċiedi li l-Istat ta' reġistrazzjoni ma jikkomunikax l-informazzjoni prevista fil-punt 5, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea jiġu informati b'dan mill-ewwel.

10.

L-informazzjoni ta' monitoraġġ ikkomunikata lill-Parti l-oħra, skond dawn il-miżuri, se tkun utilizzata mill-awtoritajiet ta' Kap Verde esklussivament għall-monitoraġġ tal-flotta tal-Komunità li tkun qed tistad fil-qafas tal-Ftehim tas-sajd KE/Kap Verde. Din l-informazzjoni ma tkun tista' fl-ebda każ tiġi kkomunikata lil Partijiet oħra.

11.

Il-komponenti tas-softwer u t-tagħmir fiżiku tas-sistema ta' monitoraġġ permezz tas-satellita għandhom ikunu affidabbli u m'għandhom jippermettu l-ebda falsifikazzjoni tal-pożizzjonijiet u lanqas m'għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu manwalment.

Is-sistema għandha tkun kollha awtomatika u kapaċi topera dejjem u indipendentement mill-kondizzjonijiet ambjentali u klimatiċi. Huwa pprojbit li wieħed jeqred, jagħmel ħsara, iwaqqaf jew jinterferixxi mas-sistema ta' monitoraġġ permezz tas-satellita.

Il-kaptani tal-bastimenti se jassiguraw li:

l-informazzjoni ma tiġix mibdula

l-antenna jew l-antenni marbuta mat-tagħmir tal-monitoraġġ permezz tas-satellita ma jiġux ostakolati

l-alimentazzjoni elettrika tat-tagħmir tal-monitoraġġ permezz tas-satellita ma tiġix interrotta

it-tagħmir tal-monitoraġġ permezz tas-satellita ma jiġix żarmat.

12.

Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw, jekk jintalbu jagħmlu dan, ta' l-informazzjoni dwar it-tagħmir użat għall-monitoraġġ permezz tas-satellita sabiex jivverifikaw li t-tagħmir kollu huwa kompletament kompatibbli ma' l-eżiġenzi tal-Parti l-oħra għall-finijiet ta' dawn il-miżuri.

13.

Kull tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri huwa s-suġġett ta' konsultazzjoni bejn il-Partijiet fil-qafas tal-Kummissjoni Konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 tal-Ftehim.

14.

Il-Partijiet jaqblu li jirrivedu, jekk ikun meħtieġ, dawn il-miżuri.

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-MESSAĠĠI VMS LIL KAP VERDE

RAPPORT TA' POŻIZZJONI

Informazzjoni

Kodiċi

Obbligatorju/Fakultattiv

Osservazzjonijiet

Bidu tar-reġistrazzjoni

SR

O

Informazzjoni dwar is-sistema — tindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Destinatarju

AD

O

Informazzjoni dwar il-messaġġ — destinatarju. Kodiċi ISO Alpha 3 tal-pajjiż

Speditur

FR

O

Informazzjoni dwar il-messaġġ — speditur. Kodiċi ISO Alpha 3 tal-pajjiż

Stat ta' reġistrazzjoni

FS

F

 

Tip ta' messaġġ

TM

O

Informazzjoni dwar il-messaġġ — tip ta' messaġġ “POS”

Call-sign bir-radju

RC

O

Informazzjoni dwar il-bastiment — call-sign internazzjonali bir-radju tal-bastiment

Numru ta' referenza intern għall-Parti Kontraenti

IR

F

Informazzjoni dwar il-bastiment — numru uniku tal-Parti Kontraenti (kodiċi ISO-3 ta' l-Istat ta' reġistrazzjoni segwit b'numru)

Numru ta' reġistrazzjoni estern

XR

O

Informazzjoni dwar il-bastiment — numru li jidher fuq il-ġenb tal-bastiment

Latitudni

LA

O

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — pożizzjoni fi gradi u minuti T/N DDMM (WGS-84)

Lonġitudni

LO

O

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — pożizzjoni fi gradi u minuti L/P DDDMM (WGS-84)

Direzzjoni

CO

O

Rotta tal-bastiment fuq skala ta' 360°

Veloċità

SP

O

Veloċità tal-bastiment f'għaxriet ta' mili nawtiċi

Data

DA

O

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — data ta' reġistrazzjoni tal-pożizzjoni TUC (AAAAMMJJ)

Ħin

TI

O

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — ħin ta' reġistrazzjoni tal-pożizzjoni TUC (HHMM)

Tmiem tar-reġistrazzjoni

ER

O

Informazzjoni dwar is-sistema — turi t-tmiem tar-reġistrazzjoni

Sett ta' karattri: ISO 8859.1

It-trasmissjoni ta' l-informazzjoni hija strutturata kif ġej:

żewġ linji oblikwi (//) u kodiċi jimmarkaw il-bidu tat-trasmissjoni,

linja oblikwa waħda (/) timmarka l-firda bejn il-kodiċi u l-informazzjoni.

L-informazzjoni fakultattiva għandha tiddaħħal bejn il-bidu u t-tmiem tar-reġistrazzjoni.

IL-LIMITI TAŻ-ŻEE TA' KAP VERDE

IL-KOORDINATI TAŻ-ŻEE

IL-KOORDINATI TA' L-FMC TA' KAP VERDE

Isem ta' l-FMC:

Tel. SSN:

Faks SSN:

Email SSN:

Tel. DSPG:

Faks DSPG:

Indirizz X25 =