24.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

30


DEĊIŻJONI Nru 1719/2006/KETAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2006

li tistabbilixxi l-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” għall-perijodu 2007-2013

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 149(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ”it-Trattat” jistabbilixxi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u jipprovdi li l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ għandha tkun primarjament immirata għat-tħeġġiġ ta' l-iżvilupp ta' l-iskambji bejn iż-żgħażagħ, skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u edukazzjoni ta' kwalità.

(2)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hu bbażat fuq il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-non-diskriminazzjoni. L-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' dawn il-valuri.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE (4) tat-13 ta' April 2000 li stabbilixxiet il-programm ta' azzjoni tal-Komunità “Youth”. Huwa xieraq li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-azzjoni ta' l-UE f'dak il-qasam abbażi ta' l-esperjenza miksuba minn dak il-programm.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE (5) ta' l-21 ta' April 2004 stabbilixxiet il-programm ta' azzjoni tal-Komunità biex tippromwovi korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ.

(5)

Il-Kunsill Ewropew Straordinarju li sar f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa għan strateġiku għall-UE li jinkludi politika ta' impjieg attiv li jagħti aktar priorità għat-tagħlim tul il-ħajja kollha, kumplimentat minn strateġija ta' żvilupp sostenibbli tal-Kunsill Ewropew ta' Gothenburg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001.

(6)

Id-Dikjarazzjoni ta' Laeken annessa mal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2001 tispjega li waħda mill-isfidi bażiċi li għandhom jintlaħqu mill-UE hija kif iċ-ċittadini, u primarjament iż-żgħażagħ, jistgħu jinġiebu eqreb lejn l-istruttura Ewropea u lejn l-Istituzzjonijiet Ewropej.

(7)

Il-Kummissjoni adottat White Paper dwar “Impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej” fil-21 ta' Novembru 2001, li tipproponi qafas ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ biex tiffoka fuq il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, l-attivitajiet ta' volontarjat u li ż-żgħażagħ jiġu mifhuma aktar. Il-Parlament Ewropew adotta dawn il-proposti fir-riżoluzzjoni tiegħu ta l-14 ta' Mejju 2002 (6).

(8)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2002 (7) tistabbilixxi, b'mod partikolari, metodu miftuħ ta' koordinazzjoni li tkopri l-prioritajiet, il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, l-attivitajiet ta' volontarjat fost iż-żgħażagħ u li ż-żgħażagħ jiġu mifhuma aktar. Dan għandu jittieħed in konsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Programm ZGĦAŻAGĦ FL-AZZJONI, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ”il-Programm”.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta' Mejju 2003 (8) il-Kunsill jisħaq fuq il-bżonn li jinżammu u jiġu żviluppati l-istrumenti Komunitarji eżistenti li huma indirizzati speċifikament għaż-żgħażagħ, peress li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ta' l-Istat Membri fil-qasam taż-żgħażagħ, u, aktar minn hekk, fuq il-fatt li l-prioritajiet u l-għanijiet ta' dawk l-istrumenti għandhom ikunu allinjati mal-Qafas ta' Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ.

(10)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 adotta l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ bħala wieħed mill-istrumenti li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet ta' Lisbona ta' tkabbir u impjiegi. Il-Patt jiffoka fuq tliet oqsma: impjiegi, integrazzjoni u progress soċjali; edukazzjoni, taħriġ u mobilità; rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

(11)

L-azzjoni tal-Komunità tinkludi kontribuzzjoni għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u għandha tfittex li telimina n-nuqqas ta' ugwaljanza u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, skond l-Artikolu 3 (2) tat-Trattat.

(12)

Il-bżonnijiet speċjali ta' persuni b'diżabilità għandhom ikunu indirizzati.

(13)

Jeħtieġ li tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u, fl-implimentazzjoni tal-linji ta' azzjoni, li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħhom, inkluż dawk ibbażati fuq sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, disabbilità, età jew orjentazzjoni sesswali skond l-Artikolu 13 (1) tat-Trattat.

(14)

Il-pajjiżi kandidati u dawk il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma partijiet għall-Ftehim taż-ŻEE huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Komunità, skond il-ftehim konklużi magħhom.

(15)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 adotta l-“Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nersqu lejn l-integrazzjoni Ewropea”, li tistabbilixxi li l-programmi Komunitarji għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi li huma parti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni abbażi ta' ftehim kwadru li għandhom jiġu ffirmati bejn il-Komunità u dawn il-pajjiżi.

(16)

Għandhom jittieħdu passi bil-għan li l-Programm jinfetaħ għall-Isvizzera.

(17)

Id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja fl-1995 tiddikjara li l-iskambji bejn iż-żgħażagħ għandhom ikunu l-mezzi biex iħejju lill-ġenerazzjonijiet futuri għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-sħab Ewro-Mediterranji, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

(18)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa Akbar- il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar”, stabbilixxa linji ta' azzjoni għall-Komunità biex jiġu mtejba l-kooperazzjoni kulturali, il-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-pajjiżi ġirien.

(19)

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni interim dwar il-programm eżistenti Youth u l-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur ta' l-attività tal-Komunità fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ jiżvelaw bżonn qawwi u f'xi rispetti li qiegħed jikber għat-tkomplija tal-kooperazzjoni u l-mobilità fil-qasam taż-żgħażagħ fuq livell Ewropew, u juru x-xewqa għal approċċ aktar sempliċi u flessibbli biex tiġi implimentata tali azzjoni.

(20)

B'segwitu tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, l-implimentazzjoni tal-Programm tista' tiġi ssimplifikata b'rikors għal finanzjament f'somma waħda, fir-rigward ta' appoġġ mogħti lill-parteċipanti tal-programm jew ta' appoġġ Komunitarju għall-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-Programm.

(21)

Il-Programm hawn stabbilit għandu jkun immonitorjat u valutat b'mod regolari f'kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti mill-ġdid, b'mod partikolari fil-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri. Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandhom jinkludu għanijiet u indikaturi reali u rilevanti.

(22)

Hemm bżonn li tiġi provduta biżżejjed flessibilità fil-formulazzjoni tal-bażi legali tal-Programm sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti adegwati fl-azzjonijiet bħala risposta għall-bżonnijiet li jinbidlu matul il-perijodu 2007 sa 2013, u biex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet dettaljati wisq tal-programmi preċedenti, sabiex din id-Deċiżjoni tkun deliberatament limitata għad-definizzjonijiet ġeneriċi ta' l-azzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji essenzjali li jakkumpanjawhom.

(23)

Huwa xieraq li tiġi żgurata konklużjoni ġusta tal-Programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' l-arranġamenti pluriennali għall-ġestjoni tiegħu, bħal finanzjament ta' l-assistenza teknika u amministrattiva. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-assistenza teknika u amministrattiva se tiżgura, jekk meħtieġ, il-ġestjoni ta' azzjonijiet li għadhom ma ġewx iffinalizzati sa l-aħħar ta' l-2013.

(24)

Jeħtieġ li jiġu previsti arranġamenti speċifiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9) u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll għad-derogi minn dawn it-testijiet li saru meħtieġa minħabba l-karatteristiċi tal-benefiċjarji u n-natura ta' l-azzjonijiet.

(25)

Għandhom jiġu implimentati wkoll miżuri xierqa sabiex ma jitħallewx isiru irregolaritajiet u frodi u biex jiġu rkuprati fondi mitlufa jew imħallsa jew użati ħażin.

(26)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju ta' referenza prinċipali għat-tul kollu tal-Programm, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u t-tmexxija finanzjarja tajba (10) għall-awtorita buġetarja matul il-proċedura buġetarja annwali.

(27)

Peress illi l-għanijiet ta' dan il-Programm ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri permezz ta' sħubijiet multilaterali, huma meħtieġa miżuri ta' mobilità transnazzjonali u skambju ta' informazzjoni fuq livell Ewropew, u għaldaqstant, minħabba d-dimensjoni transnazzjonali u multilaterali ta' l-azzjonijiet u l-miżuri proposti, dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Komunità, għaldaqstant il-Komunità tista' tieħu miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità hekk kif imniżżel f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(28)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11).

(29)

Għandhom jiġu adottati miżuri proviżorji għall-monitoraġġ ta' l-azzjonijiet li nbdew qabel il-31 ta' Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm ŻGĦAŻAGĦ FL-AZZJONI bħala azzjoni Komunitarja, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm”, li l-għan tiegħu hu li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Programm għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2007 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali tal-Programm

1.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ b'mod ġenerali u ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b'mod partikolari;

(b)

li jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-UE;

(ċ)

li jħeġġeġ intendiment reċiproku bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti;

(d)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għal attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ;

(e)

li jippromwovi kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

2.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm jikkumplimentaw l-għanijiet segwiti f'oqsma oħra ta' l-attivitajiet tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll f'oqsma oħra, bħall-kultura, l-isport u l-impjiegi.

3.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-linji politiċi ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diversità kulturali, multikulturali u lingwistika fl-Ewropa, għall-koltivazzjoni tal-koeżjoni kulturali u għall-ġlieda kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u fir-rigward ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 3

Għanijiet speċifiċi tal-Programm

L-għanijiet speċifiċi huma kif ġej:

1.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b'mod partikolari:

(a)

li jagħti liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ l-opportunità li jieħdu sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà b'mod ġenerali u ta' l-UE b'mod partikolari;

(b)

li jiżviluppa s-sens ta' appartenenza taż-żgħażagħ fl-UE;

(ċ)

li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa;

(d)

li jikkultiva l-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa;

(e)

li jiżviluppa tagħlim interkulturali fil-qasam taż-żgħażagħ;

(f)

li jippromwovi l-valuri fundamentali ta' l-UE fost iż-żgħażagħ, b' mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tolleranza u n-non-diskriminazzjoni;

(ġ)

li jħeġġeġ l-inizjattiva, l-intrapriża u l-kreattività;

(ħ)

li jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-Programm ta' żgħażagħ b'anqas opportunitajiet, inkluż f' żgħażagħ b'disabilitajiet;

(i)

li jiżgura li l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkun rispettat fil-parteċipazzjoni fil-Programm u li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun imħarsa fl-azzjonijiet;

(j)

li jipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali b'dimensjoni Ewropea u li jiftaħ opportunitajiet innovattivi b'konnessjoni maċ-ċittadinanza attiva.

2.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-UE:

(a)

li jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jesprimu l-impenn personali tagħhom permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat fuq livell Ewropew u internazzjonali;

(b)

li jinvolvi liż-żgħażagħ fl-azzjonijiet li jħeġġu s-solidarjetà fost iċ-ċittadini ta' l-UE.

3.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jħeġġeġ ftehim reċiproku bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti:

(a)

li jiżviluppa skambji u djalogu interkulturali bejn iż-żgħażagħ Ewropej u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi ġirien;

(b)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità ta' l-istrutturi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ u tar-rwol ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

(ċ)

li jiżviluppa proġetti ta' kooperazzjoni tematika ma' pajjiżi oħra li jinvolvu liż-żgħażagħ u lil dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

4.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għal attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ:

(a)

li jikkontribwixxi għan-networking ta' l-organizzazzjonijiet konċernati;

(b)

li jiżviluppa t-taħriġ u l-kollaborazzjoni fost dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

(ċ)

li jippromwovi l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' l-attivitajiet taż-żgħażagħ;

(d)

li jikkontribwixxi għat-titjib ta' l-informazzjoni għaż-żgħażagħ, b'attenzjoni partikolari għall-aċċess taż-żgħażagħ b' disabilità ;

(e)

li jappoġġja proġetti taż-żgħażagħ ta' perijodu twil u inizjattivi ta' organizzazzjonijiet reġjonali u lokali;

(f)

li jiffaċilita r-rikonoxximent tat-tagħlim u tas-snajja' mhux formali taż-żgħażagħ miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fil-Programm;

(ġ)

li jagħmel skambju ta' prattika tajba.

5.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali biex jippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ b' konsiderazzjoni ta' l-aspetti lokali u reġjonali:

(a)

li jħeġġeġ l-iskambju ta' prattiċi tajbin u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-persuni li jfasslu l-politika fuq il-livelli kollha;

(b)

li jħeġġeġ djalogu strutturat bejn il-persuni li jfasslu l-politika u ż-żgħażagħ;

(ċ)

li jtejjeb l-għarfien u l-intendiment taż-żgħażagħ;

(d)

li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni bejn attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' volontarjat taż-żgħażagħ.

Artikolu 4

Azzjonijiet

L-għanijiet speċifiċi u ġenerali tal-Programm għandhom jiġu mwettqa permezz ta' l-azzjonijiet ta' hawn taħt li dettalji dwarhom jinsabu fl-Anness.

1)

Żgħażagħ għall-Ewropa

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu appoġġati skambji ta' żgħażagħ sabiex tiżdied il-mobilità tagħhom;

jiġu appoġġati proġetti u inizjattivi taż-żgħażagħ u attivitajiet dwar il-parteċipazzjoni f'ħajja demokratika, sabiex jiġu żviluppati l-fehim reċiproku u ċ-ċittadinanza taż-żgħażagħ.

2)

Servizz ta' Volontarjat Ewropew

L-għan ta' din l-azzjoni hu li tkun appoġġata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'forom differenti ta' attivitajiet ta' volontarjat, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE.

3)

Iż-żgħażagħ fid-Dinja

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu appoġġati proġetti mal-pajjiżi sħab imsemmija fl-Artikolu 5(2), partikolarment skambji ta' żgħażagħ u ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

jiġu appoġġati inizjattivi li jsaħħu l-fehim reċiproku taż-żgħażagħ, is-sens ta' solidarjetà u tolleranza tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili f'dawn il-pajjiżi.

4)

Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li jiġu appoġġati korpi li huma attivi f'livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ, partikolarment it-tħaddim ta' NGOs taż-żgħażagħ, in-networking tagħhom, pariri għal persuni li qed jiżviluppaw proġetti, l-assigurazzjoni tal-kwalità permezz ta' l-iskambju, it-taħriġ u n-networking ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, it-tħeġġiġ ta' l-innovazzjoni u l-kwalità, il-provvista ta' informazzjoni liż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' l-istrutturi u l-attivitajiet meħtieġa sabiex il-Programm jilħaq dawn l-għanijiet u l-inkoraġġiment ta' sħubijiet ma' awtoritajiet lokali u reġjonali.

5)

Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu organizzati djalogi strutturati bejn id-diversi atturi fil-qasam taż-żgħażagħ, partikolarment iż-żgħażagħ infishom, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika;

ikun hemm appoġġ għal seminarji taż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet soċjali, kulturali u politiċi li fihom iż-żgħażagħ ikunu interessati;

ikun hemm kontribut għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni fil-politika fil-qasam taż-żgħażagħ;

jiġi faċilitat l-iżvilupp tan-networks meħtieġa biex iż-żgħażagħ jiġu mifhuma aħjar.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-Programm hu miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin, minn issa 'l quddiem imsejħa l-pajjiżi parteċipanti:“”

(a)

l-Istati Membri;

(b)

L-Istati ta' l-EFTA li huma partijiet għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim;

(ċ)

Il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u l-arranġamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehim kwadru konkluż ma' dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji;

(d)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, skond l-arranġamenti li għad iridu jiġu stabbiliti ma' dawn il-pajjiżi wara l-ftehim kwadru li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Komunità;

(e)

L-Iżvizzera, soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ma' dak il-pajjiż.

2.   L-azzjonijiet fil-punti 2 u 3 ta' l-Anness għandhom ikunu miftuħa għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li iffirmaw ftehim mal-Komunità Ewropea rilevanti għall-qasam taż-żgħażagħ, minn issa 'l quddiem imsejħa “pajjiżi sħab”.

Din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata, fejn rilevanti, fuq approprjazzjonijiet addizzjonali minn pajjiżi sħab li jridu jsiru disponibbli skond proċeduri li jridu jiġu miftiehma ma' dawn il-pajjiżi.

Artikolu 6

Aċċess għall-Programm

1.   Il-Programm huwa intiż li jsostni proġetti mingħajr skop ta' profitt għal żgħażagħ, gruppi ta' żgħażagħ, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijet taż-żgħażagħ, u sħab oħrajn li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ.

2.   Bla ħsara għall-arranġamenti fl-Anness għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet, il-Programm huwa maħsub għal żgħażagħ b'etajiet bejn il-15 – 28, għalkemm ċerti azzjonijiet huma miftuħin għal żgħażagħ b'etajiet żgħar ta' 13 jew sa l-età ta' 30.

3.   Il-benefiċjarji għandhom ikunu residenti legali ta' pajjiż parteċipant fil-Programm jew, skond in-natura ta' l-azzjoni, pajjiż sieħeb.

4.   Iż-żgħażagħ kollha, mingħajr diskriminazzjoni, għandu jkun jista' jkollhom aċċess għall-attivitajiet tal-Programm, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li jsiru sforzi partikolari fir-rigward ta' żgħażagħ li jkollhom diffikultajiet partikolari biex jieħdu sehem fil-Programm minħabba raġunijiet ta' edukazzjoni, soċjali, fiżiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi jew kulturali jew minħabba li jkunu jgħixu f'żoni remoti.

5.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fil-Programm ikun jista' jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi komunitarja. Il-pajjiż ta' oriġini għandu jagħmel ħiltu biex jieħu l-miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fis-Servizz ta' Volontarjat Ewropew ikunu jistgħu jżommu l-protezzjoni soċjali tagħhom. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex jadottaw miżuri xierqa, skond it-Trattat, biex iwarrbu l-ostakli legali u amministrattivi għall-aċċess għal dan il-Programm.

Artikolu 7

Kooperazzjoni internazzjonali

Il-Programm għandu jkun ukoll miftuħ għal kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom awtorità fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa.

Artikolu 8

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet koperti minn dan il-Programm skond l-Anness.

2.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżviluppaw strutturi f'livell Ewropew, nazzjonali u, jekk meħtieġ, reġjonali jew lokali biex jiksbu l-għanijiet tal-Programm u biex jieħdu l-akbar benefiċċju mill-azzjonijiet tal-Programm.

3.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex iħeġġu r-rikonoxximent ta' taħriġ mhux formali u informali għaż-żgħażagħ, per eżempju permezz ta' dokumenti jew ċertifikati li, b' kont meħud tas-sitwazzjoni nazzjonali, jirrikonoxxu l-esperjenza miksuba mill-benefiċjarji u li jaffermaw il-parteċipazzjoni diretta taż-żgħażagħ jew ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'azzjoni taħt il-Programm. Dan il-għan jista' jiġi rinforzat bil-komplimentazzjoni ta' azzjonijiet Komunitarji oħra kif previst fl-Artikolu 11.

4.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, għandha tiżgura l-protezzjoni adegwata ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità billi tintroduċi miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi, kontrolli amministrattivi u pieni.

5.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm jiġu pubbliċizzati b'mod xieraq.

6.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom:

(a)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-Programm jimxi bla xkiel fil-livell nazzjonali, billi jinvolvu l-partijiet konċernati ma' l-aspetti diversi taż-żgħażagħ skond il-prassi nazzjonali;

(b)

jistabbilixxu/jaħtru u jissorveljaw l-aġenziji nazzjonali fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm f'livell nazzjonali, skond l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u skond il-kriterji li ġejjin:

(i)

il-korp stabbilit jew maħtur bħala l-aġenzija nazzjonali għandu jkollu personalità ġuridika jew ikun jagħmel parti minn organizzazzjoni li jkollha personalità ġuridika (u jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż parteċipanti). Ministeru m'għandux jinħatar bħala l-aġenzija nazzjonali;

(ii)

il-korp għandu jkollu persunal biżżejjed bil-ħiliet xierqa biex jaħdem f'ambjent ta' koperazzjoni internazzjonali, infrastruttura xierqa u ambjent amministrattiv li jippermetti li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess;

(iii)

għandha tkun kapaċi tapplika r-regoli ta' mmaniġġar ta' fondi u l-kondizzjonijiet kontrattwali stabbiliti fil-livell tal-Komunità ;

(iv)

għandu jkollha biżżejjed garanziji finanzjarji (preferibilment minn awtorità pubblika) u kapaċità amministrattiva adegwata għall-volum ta' fondi Komunitarji li ser ikollha tamministra;

(ċ)

jassumu responsabbiltà għall-ġestjoni tajba mill-aġenziji nazzjonali msemmija f' (b) ta' l-approprjazzjonijiet trasferiti lilhom li jridu jingħataw għal proġetti. Għandhom ikunu responsabbli, b'mod partikolari, biex jiżguraw li l-aġenziji nazzjonali jikkonformaw mal-prinċipji ta' trasparenza, trattament ugwali u li ma jkunx hemm akkumulazzjoni vis-à-vis fondi komunitarji oħrajn, u għall-obbligu li tiġi irkuprata kwalunkwe somma dovuta mill-benefiċjarji;

(d)

jieħu l-miżuri meħtieġa biex jivverifika u jissorvelja l-finanzi ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija f'(b), u b'mod partikolari:

(i)

jipprovdi lill-Kummissjoni, qabel ma l-aġenzija nazzjonali tibda x-xogħol, l-assigurazzjonijiet meħtieġa dwar l-eżistenza, ir-rilevanza u l-operazzjoni ta' l-aġenzija nazzjonali, skond ir-regoli ta' ġestjoni finanzjarja soda, ta' proċeduri adegwati, sistemi ta' sorveljanza, sistemi ta' kontabilità u proċeduri għall-għoti ta' kuntratti u għotjiet;

(ii)

jiżgura lill-Kummissjoni, fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja, dwar l-affidabbiltà tas-sistemi finanzjarji u l-proċeduri ta' l-aġenziji nazzjonali u l-eżattezza tal-kontijiet tagħhom;

(iii)

jassumi responsabbiltà għal kwalunkwe somma li ma tkunx ġiet irkuprata fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità, negliġenza jew frodi min-naħa ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija f' (b) li tippermetti lill-Kummissjoni ddur għall-aġenzija nazzjonali biex tirkupra l-fondi.

7.   Bħala parti mill-proċedura msemmija fil-paragrafu 10(1), il-Kummissjoni tista' tikkompila linji gwida għal kull azzjoni fl-Anness sabiex il-Programm jiġi adattat għal kwalunkwe bidla fi prijorità fil-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

Artikolu 9

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 10

Miżuri implimentattivi

1.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-materji li ġejjin għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2):

(a)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Programm, inkluż il-programm ta' ħidma annwali;

(b)

il-bilanċ ġenerali bejn l-azzjonijiet differenti tal-Programm;

(ċ)

fir-rigward tal-finanzjament, il-kriterji (eż il-popolazzjoni taż-żgħażagħ, il-PGD u d-distanza ġeografika bejn il-pajjiżi) applikabbli biex tiġi stabbilita l-analiżi indikattiva tal-fondi fost l-Istati Membri għall-iskop li l-azzjonijiet jiġu ġestiti fuq bażi deċentralizzata;

(d)

il-monitoraġġ tal-ftehim imsemmi fil-punt 4.2 ta' l-Anness, inkluż il-pjan ta' ħidma annwali u r-rapport annwali tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej;

(e)

l-arranġamenti għall-valutazzjoni tal-Programm;

(f)

l-arranġamenti biex tiġi ċertifikata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ikkonċernati;

(ġ)

l-arranġamenti biex jiġu adottati l-azzjonijiet tal-Programm imsemmija fl-Artikolu 8(7).

2.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-materji l-oħrajn kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 11

Komplementarjetà ma' azzjonijiet Komunitarji oħra

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà bejn dan il-Programm u l-oqsma l-oħra ta' azzjoni komunitarja, speċjalment l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura, iċ-ċittadinanza, l-isport, il-lingwi, l-impjiegi, is-saħħa, ir-riċerka, l-intrapriża, l-azzjoni esterna ta' l-UE, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

2.   Fejn ikun kompatibbli, il-Programm jista' jaqsam riżorsi ma' strumenti oħrajn tal-Komunità sabiex jimplimenta azzjonjiet li jilħqu l-għanijiet kemm tal-Programm kif ukoll ta' dawn l-istrumenti.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jenfasizzaw l-azzjonijiet tal-Programm li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-għanijiet ta' oqsma oħrajn ta' azzjoni Komunitarja, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura u l-isport, il-lingwi, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza tas-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Artikolu 12

Komplementarjetà ma' linji politiċi nazzjonali u strumenti

1.   Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni għall-intitolament għall-għoti tat-tikketta Ewropea għal azzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali bħal dawk ta' l-Artikolu 4.

2.   Pajjiż li jipparteċipa jista' jipprovdi lill-benefiċjarji finanzjament nazzjonali li jkun amministrat skond ir-regoli tal-Programm u, għal dan il-għan, juża l-istrutturi deċentralizzati tal-Programm, sakemm huwa jiżgura l-finanzjament pro rata komplimentari ta' dawn l-istrutturi.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali

1.   Il-baġit għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 1 huwa b'dan stabbilit għal EUR 885 000 000.

2.   L-appropjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw il-benefiċjarji

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jirċievu għotjiet taħt il-Programm.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skond il-karatteristiċi tal-benefiċjarji u n-natura ta' l-azzjonijiet, li teżentahom mill-aċċertament tal-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali għall-ikkompletar ta' l-azzjoni jew il-programm ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-propozjonalità fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward ta' l-ammont ta' l-appoġġ fionanzjarju, b'kont meħud tal-karatteristiċi tar-riċeventi, l-età tagħhom, in-natura ta' l-azzjoni u l-ammont ta' l-appoġġ finanzjarju.

3.   Skond in-natura ta' l-azzjoni, l-appoġġ finanzjarju jista' jieħu l-forma ta' sussidji jew boroż ta' studju. Il-Kummissjoni tista' tagħti ukoll premjijiet għal azzjonijiet jew proġetti implimentati taħt il-Programm. Skond in-natura ta' l-azzjoni, jistgħu jiġu awtorizzati finanzjamenti b'rata fissa u/jew l-applikazzjoni ta' skali ta' prezz unitarju.

4.   F'każ ta' għotjiet għal azzjoni, il-ftehim għandhom jiġu ffirmati fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għotjiet.

5.   Għotjiet ta' funzjonament mogħtija taħt dan il-Programm organizzazzjonijiet attivi fuq il-livell Ewropew, kif definiti fl-Artikolu 162 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati g]all-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12), mhumiex awtomatikament imnaqqsa skond l-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fil-każ ta' tiġdid.

6.   Skond l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni tista' tafda kompiti ta' awtorità pubblika u, b'mod partikolari, kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-istrutturi msemmija fl-Artikolu 8(2) ta' din id-Deċiżjoni.

7.   Skond l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, l-għażla fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu għandha tapplika wkoll għal strutturi fil-pajjiżi parteċipanti kollha.

Artikolu 15

Monitoraġġ u Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm jiġi monitorat regolarment fir-rigward ta' l-għanijiet tiegħu. Dan il-monitoraġġ għandu jinkludi r-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 hawn isfel u attivitajiet speċifiċi. Il-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-monitoraġġ għandhom jinvolvu liż-żgħażagħ.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-valutazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm sat-30 ta' Ġunju 2010 u rapport dwar l-impatt tal-Programm sat-30 ta' Ġunju 2015.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-Programm sal-31 ta' Marzu 2011;

(b)

Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta' dan il-Programm sal-31 ta' Diċembru 2011;

(ċ)

rapport ta' evawazzjoni ex post sal-31 ta' Marzu 2016.

Artikolu 16

Dispożizzjoni temporanja

L-azzjonijiet li nbdew qabel il-31 ta' Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE għandhom jibqgħu jkunu regolati minn dawn id-Deċiżjonijiet, sakemm jiġu kkompletati.

Jekk ikun meħtieġ, approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2013 biex ikopru spejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tgħin il-ġestjoni ta' azzjonijiet li ma jkunux għadhom tlestew sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-kumitat previst fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE għandu jiġi sostitwit minn dak previst fl-Artikolu 9 ta' din id-Deċiżjoni.

Kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu mad-dħul allokat li jirriżulta mill-ħlas lura ta' l-ammonti li tħallsu bi żball skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE jistgħu jkunu disponibbli għall-Programm.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ġie pubblikat fil–Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Novembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)   ĠU C 234, 22.9.2005, p. 46.

(2)   ĠU C 71, 22.3.2005, p. 34.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew mgħotija fil-25 ta' Ottubru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 2006 (ĠU C 251 E, 17.10.2006, p. 20) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)   ĠU L 117, 18.5.2000, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

(5)   ĠU L 138, 30.4.2004, p. 24.

(6)   ĠU C 180 E, 31.7.2003, p. 145.

(7)   ĠU C 168, 13.7.2002, p. 2.

(8)   ĠU C 115, 15.5.2003, p. 1.

(9)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)   ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(11)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(12)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm jagħtu sostenn għal proġetti fuq skala żgħira li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, filwaqt li jiżguraw il-viżibbiltà Ewropea u l-impatt ta' proġetti.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Programm mhix soġġetta għal ebda esperjenza jew kwalifika speċifika preċedenti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali.

Il-Programm għandu jiġi implimentat b'mod li jkun faċli għall-utenti.

Il-Programm għandu jħeġġeġ l-inizjattiva, l-intraprendenza u l-kreattività taż-żgħażagħ, jiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet fil-Programm, inklużi żgħażagħ b'diżabbiltà, u jiżgura li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jiġi rispettat fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-Programm u li l-ugwaljanza tas-sessi titrawwem fl-azzjonijiet kollha.

Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tkun possibli sakemm tkun diposnibbli kopertura ta' assigurazzjoni adegwata, sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni taż-żgħażagħ matul l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Programm.

AZZJONIJIET

L-azzjonijiet jistgħu jitqassmu fil-miżuri li ġejjin:

Azzjoni 1 – Żgħażagħ għall-Ewropa

L-għan ta' din l-azzjoni huwa li tiġi rinfurzata ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u l-fehim reċiproku bejniethom permezz tal-miżuri li ġejjin.

1.1.   Skambji fost iż-żgħażagħ

Skambji fost iż-żgħażagħ jippermettu li grupp wieħed jew aktar ta' żgħażagħ jiġu ospitati minn pajjiż ieħor sabiex jipparteċipaw flimkien fi programm konġunt ta' attivitajiet. Huma disponibbli, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 25 sena.

Dawn l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubiji transnazzjonali bejn il-varji atturi fi proġett, jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u huma maħsuba biex jippermettulhom li jiskopru u jsiru kuxjenti ta' realitajiet soċjali u kulturali differenti, li jitgħallmu minn xulxin u jsaħħu s-sens tagħhom ta' ċittadini Ewropej. L-appoġġ jiffoka fuq attivitajiet multilaterali ta' mobilità ta' gruppi iżda ma jeskludix attivitajiet bilaterali ta' dan it-tip.

Skambji ta' gruppi bilaterali huma ġustifikati b'mod partikolari fejn din hija l-ewwel attività Ewropea tagħhom jew fejn il-parteċipanti huma gruppi fuq skala żgħira jew lokali mingħajr ebda esperjenza fuq il-livell Ewropew. Skambji għal żgħażagħ b'inqas opportunitajiet huma partikolarment milqugħa, sabiex tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm.

Din il-miżura tappoġġa ukoll l-attivitajiet ta' tħejjija u ta' segwitu, bil-għan li tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-proġetti, b'mod partikolari dawk l-attivitajiet maħsuba biex jgħinu liż-żgħażagħ fuq livell lingwistiku u interkulturali.

1.2.   Apoġġ għall-inizzjattivi taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti fejn iż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod attiv u dirett f'attivitajiet mfassla minnhom stess li fihom huma għandhom rwoli ċentrali, sabiex jiżviluppaw l-inizjattiva, l-intraprendenza u l-kreattività tagħhom. Fil-prinċipju, hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, għalkemm ċerti inizjattivi jistgħu jaċċettaw żgħażagħ mill-età ta' 15-il sena, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti fi gruppi mfassla fuq il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u n-networking ta' proġetti simili f'pajjiżi differenti, sabiex jissaħħaħ l-aspett Ewropew tagħhom u jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' esperjenzi bejn iż-żgħażagħ.

Attenzjoni partikolari tingħata liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

1.3.   Proġetti ta' demokrazija parteċipattiva

Din il-miżura tappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika. Dawn il-proġetti u attivitajiet iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-komunità lokali, reġjonali jew nazzjonali tagħhom jew fil-livell internazzjonali.

Hija miftuħa, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 30 sena.

Dawn il-proġetti jew attivitajiet huma bbażati fuq sħubijat internazzjonali, li jippermettu li jinġabru flimkien, fuq livell Ewropew, l-ideat, l-esperjenzi u l-prattika tajba minn proġetti jew attivitajiet fuq livell lokali jew reġjonali, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq livelli differenti. Dawn jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta' proġetti ta' konsultazzjoni maż-għażagħ biex jinkixfu l-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom, bil-ħsieb li jiġu żviluppati approċċi ġodda għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f'Ewropa demokratika.

Azzjoni 2 – Servizz Volontarju Ewropew

L-għan tas-Servizz Volontarju huwa li tiġi żviluppata s-solidarjetà u tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-fehim reċiproku fost iż-żgħażagħ permezz tal-miżuri li ġejjin.

Il-volontarju żagħżugħ jieħu sehem f'attività mhux ta' lukru mhux imħallsa għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali f'pajjiz ieħor minbarra l-pajjiż ta' residenza tiegħu. Jeħtieġ li s-Servizz Volontarju Ewropew ma jkollux effett negattiv fuq impieg imħallas, kemm potenzjali u eżistenti, u lanqas ma jitqies bħala sostitut għal dan.

Is-servizz ma jdumx inqas minn xahrejn, u jista' jdum sa tnax-il xahar. F'każijiet debitament ġustifikati, b'mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, jistgħu jiġu permessi perijodi iqsar u proġetti ta' volontarjat li jippermettu gruppi ta' żgħażagħ.

Din il-miżura tappoġġa ukoll il-proġetti ta' volontarjat li jippermettu lil gruppi ta' żgħażagħ biex jieħdu sehem b'mod kollettiv f'attivitajiet fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew fuq livell internazzjonali f'firxa ta' oqsma, inklużi per eżempju il-kultura, l-isports, il-protezzjoni ċivili, l-ambjent u l-għajnuna għall-iżvilupp.

F'każijiet eċċezzjonali, skond il-kompiti li jridu jiġu implimentati u s-sitwazzjoni li fiha l-volontarji huma użati, ċerti tipi ta' proġetti jistgħu jeħtieġu l-għażla ta' kandidati b'kapaċitajiet speċifiċi.

Il-miżura hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, ċerti attivitajiet jistgħu jaċċettaw żgħażagħ ta' 16-il sena u aktar, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Il-miżura tkopri l-ispejjeż kollha tal-volontarju jew parti minnhom, l-assikurazzjoni tiegħu, l-ispejjeż ta' sussitenza u ta' vvjaġġar, kif ukoll allowance addizzjonali għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet skond il-każ.

Tappoġġa ukoll attivitajiet għat-taħriġ u t-tutoring tal-volontarji żgħażagħ u attivitajiet ta' koordinazzjoni għas-sħab varji, kif ukoll inizjattivi li għandhom l-għan li jibnu fuq l-esperjenza miksuba miż-żgħażagħ matul is-Servizz Volontarju Ewropew.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jiġu rispettati ċerti standards ta' kwalità: ix-xogħol volontarju għandu jinkludi dimensjoni ta' edukazzjoni non-formali murija minn attivitajiet pedagoġiċi biex jippreparaw liż-żgħażagħ fuq livell personali, interkulturali u tekniku, kif ukoll sostenn personali kontinwu. Sħubija bejn il-varji atturi involuti fil-proġett u l-prevenzjoni tar-riskju huma kkonsidrati ta' importanza partikolari.

Azzjoni 3 – Iż-żgħażagħ fid-Dinja

Il-fini ta' din l-azzjoni hi li jiġi żviluppat fehim reċiproku bejn il-popli fi spirtu ta' ftuħ, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistemi ta' kwalità li jagħtu sostenn lill-attivitajiet taż-żgħażagħ fil-pajjizi kkonċernati. Hija miftuħa għall-pajjiżi sħab tal-Programm.

3.1.   Kooperazzjoni mal-pajjizi ġirien tal-UE

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti mal-pajjiżi ġirien tal-Programm li humma kkunsidrati pajjiżi ġirien taħt id-dispożizzjonijiet tal-politika ta' l-UE tal-viċinat u taħt it-termini ta' l-Artikolu 5(2), kif ukoll mal-Federazzjoni Russa u mal-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(1)(d).

Tappoġġa l-skambji fost iż-żgħażagħ – prinċipalment dwak multilaterali iżda mingħajr ma jiġu esklużi dawk bilaterali – li jippermettu li bosta gruppi ta' żgħażagħ minn pajjiżi parteċipanti u pajjiżi ġirien jiltaqgħu u flimkien jipparteċipaw fi programm ta' attivitajiet. Hija disponibbli, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 25 sena. Dawn l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubijat transnazzjonali bejn il-varji atturi fi proġett, jinvolvu t-taħriġ preċedenti ta' persunal ta' superviżjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, biex jippermettulhom li jiskopru u jsiru kuxjenti ta' realitajiet soċjali u kulturali differenti. L-attivitajiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proġetti, b'mod partikolari dawk maħsuba biex jgħinuhom fuq livell lingwistiku u interkulturali, jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament.

Sakemm jinħolqu strutturi ta' amministrazzjoni nazzjonali adegwati fil-pajjiżi ġirien, jistgħu jiġu appoġġati inizjattivi individwali jew fi grupp fuq il-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali f'dawn il-pajjiżi fejn dawn jitwettqu flimkien ma' inizjattivi simili f'pajjiżi parteċipanti fil-Programm. Dawn huma attivitajiet maħsuba miż-żgħażagħ infushom, li fihom huma għandhom ir-rwol ċentrali. Fil-prinċipju, l-attività hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, għalkemm ċerti inizjattivi jistgħu jaċċettaw żgħażagħ mill-età ta' 16-il sena, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Din il-miżura tappoġġa l-attivitajiet maħsuba biex jinħoloq network bejn u tissaħħaħ il-kapaċità ta' NGOs fil-qasam taż-żgħażagħ, bl-għarfien tar-rwol importanti li huma jista' jkollhom fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien. Hija tkopri t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-iskambji ta' esperjenza, kompetenza u prattika tajba bejniethom. Hija tappoġġa l-attivitajiet li jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta' proġetti u sħubijat dejjiema u ta' kwalità għolja.

Din il-miżura tappoġġa ukoll proġetti biex jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-kwalità, immirati lejn l-introduzzjoni, bil-mira tkun dik ta' l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' approċċi innovattivi fil-qasam taż-żgħażagħ.

Jista' jingħata appoġġ finanzjarju lil attivitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Din il-miżura tappoġġa ukoll l-attivitajiet li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ mal-pajjiżi ġirien, per eżempju il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' ideat u prattika tajba fil-qasam taż-żgħażagħ, kif ukoll miżuri oħra ta' promozzjoni u disseminazzjoni rigward ir-riżultati tal-proġetti u l-attivitajiet appoġġati fil-pajjiżi kkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ.

3.2.   Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra

Din il-miżura tappoġġa l-attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-iskambju ta' prattika tajba ma' pajjiżi sħab oħra.

Hija tħeġġeġ l-iskambju bejn u t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ta' sħubijat u networks ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Skambji multilaterali u bilaterali ta' żgħażagħ bejn dawn il-pajjiżi u l-pajjiżi parteċipanti jistgħu jiġu implimentati fuq bażi tematika.

Il-finanzjament jingħata lil attivitajiet li juru l-effett multiplikatur potenzjali tagħhom.

Fil-kuntest ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati, din il-miżura tiffinanzja biss lil benefiċjarji Ewropej ta' proġetti.

Azzjoni 4 – Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li tiżviluppa l-kwalità ta' strutturi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, li tappoġġa r-rwol ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li tiżviluppa l-kwalità tal-Programm u tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivili fuq livell Ewropew minn korpi ta' appoġġ attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ.

4.1.   Appoġġ għal korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġa l-funzjonament ta' NGOs attivi fuq il-livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ li jsegwu għan ta' interess Ewropew ġenerali. L-attivitajiet tagħhom iridu jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u s-soċjetà u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet Ewropej ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fis-sens wiesgħa.

Sabiex ikun eliġibbli għal għotja ta' funzjonament, korp irid jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa li ġejjin:

irid ikun ilu stabbilit b'mod legali għal mhux anqas minn sena;

ma jridx ikollu skop ta' profitt;

irid ikun stabbilit f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, skond l-Artikolu 5(1), jew f'wieħed minn ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant (i.e. il-Belarus, il-Moldova, il-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna);

irid jopera fuq il-livell Ewropew, waħdu jew f'koordinazzjoni ma' assoċjazzjonijiet oħra, u l-istruttura u l-attivitajiet tiegħu jridu jkopru mill-anqas tminn pajjiżi parteċipanti; hu jista' jkun network Ewropew li jirrappreżenta korpi attivi fil-qasam taż-żgħażagħ;

l-attivitajiet tiegħu jridu jkunu f'konformità mal-prinċipji li jsejsu l-attività Komunitarja fil-qasam taż-żgħażagħ;

jista' jkun korp li l-attivitajiet tiegħu huma biss għall-benefiċċju taż-żgħażagħ jew korp b'għanijiet aktar wesgħin, u xi attivitajiet minnhom ikunu għall-benefiċċju taż-żgħażagħ;

irid ikun jinvolvi ż-żgħażagħ fit-tmexxija ta' l-attivitajiet organizzati għall-benefiċċju tagħhom.

Il-benefiċjarji jiġu magħżula abbażi ta' sejħiet għal proposti. Ftehim kwadru ta' sħubija pluriennali jistgħu jiġu konklużi mal-korpi magħżula. Madankollu, tali ftehim kwadru ma jeskludux il-possibbiltà li jinħarġu sejħiet għall-proposti annwali għal benefiċjarji addizzjonali.

L-attivitajiet prinċipali ta' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li probabbli jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-effikaċja ta' l-azzjoni Komunitarja huma:

dawk li jirrappreżentaw il-fehmiet u l-interessi taż-żgħażagħ fid-diversità tagħhom f'livell Ewropew;

skambji taż-żgħażagħ u servizzi ta' volontarjat;

tagħlim informali u mhux formali u programmi ta' attività għaż-żgħażagħ;

dawk li jippromwovu tagħlim u fehim interkulturali;

dibattiti dwar kwistjonijiet Ewropej, il-linji politiċi ta' l-UE jew il-linji politiċi dwar iż-żgħażagħ;

tixrid ta' informazzjoni dwar azzjoni Komunitarja;

azzjonijiet li jippromwovu l-parteċipazzjoni u l-inizzjattiva taż-żgħażagħ.

Taħt din il-miżura, l-uniċi spejjeż li jridu jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni ta' l-għotja għall-funzjonament huma dawk neċessarji għat-tmexxija xierqa ta' l-attivitajiet normali tal-korp magħżul, b'mod partikolari spejjeż tal-personal, spejjeż ġenerali (ħlas ta' kera u propjetà, tagħmir, provvisti għall-uffiċċju, telekommunikazzjonijiet, spejjeż tal-posta, eċċ.), spejjeż ta' laqgħat interni, u pubblikazzjonijiet, spejjeż ta' informazzjoni u ta' disseminazzjoni.

L-għotja tiġi mogħtija b'kont dovut għall-indipendenza tal-korp fl-għażla tal-membri tiegħu u l-awtonomija tiegħu fid-definizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet tiegħu.

Mill-anqas 20 % tal-baġits tal-korpi kkonċernati jridu jkunu koperti minn sorsi mhux Komunitarji.

4.2.   Appoġġ għall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ

Għotjiet jistgħu jingħataw taħt din il-miżura biex jappoġġjaw l-attivitajiet li għaddejjin tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ”il-Forum” organizzazzjoni li qed timmira lejn għan ta' interess Ewropew ġenerali, skond il-prinċipji li ġejjin:

l-indipendenza tal-Forum fl-għażla tal-membri tiegħu, biex jiżgura r-rappreżentazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta' tipi differenti ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

l-awtonomija tiegħu fl-ispeċifikazzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet tiegħu

l-involviment l-aktar wiesgħa possibbli fl-attivitajiet tal-Forum ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u żgħażagħ li ma jappartjenux għal organizzazzjonijiet

il-kontribut attiv mill-Forum għall-proċessi politiċi rilevanti għaż-żgħażagħ fuq il-livell Ewropew, b'mod partikolari billi jwieġeb lill-istituzzjonijiet Ewropej meta huma jikkonsultaw is-soċjetà ċivili u jispjega l-pożizzjonijiet adottati minn dawn l-istituzzjonijiet lill-membri tiegħu.

In-nefqa eliġibbli tal-Forum tikkonsisti minn spejjeż ta' funzjonament u spejjeż għall-eżekuzzjoni ta' l-azzjonijiet tiegħu. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-Forum Ewropew, ir-riżorsi tal-Programm għandhom jiġu allokati skond il-linja gwida li ġejja: ir-riżorsi annwali allokati għall-Forum Ewropew m'għandhomx ikunu anqas minn EUR 2 miljuni.

L-għotjiet jistgħu jiġu mogħtija lill-Forum ma' l-irċeviment ta' pjan ta' ħidma u baġit xierqa. Għotjiet jistgħu jingħataw fuq bażi annwali jew fuq bażi li jiġġedded fi ħdan ftehim kwadru ta' sħubija mal-Kummissjoni.

Mill-anqas 20 % tal-baġit tal-Forum irid ikun kopert minn sorsi mhux Komunitarji.

L-attivitajiet prinċipali tal-Forum huma kif ġej:

dawk li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ vis-à-vis l-UE;

dawk li jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tal-membri tiegħu vis-à-vis l-UE;

dawk li jxerrdu informazzjoni dwar iż-żgħażagħ vis-à-vis l-istituzzjonijiet Ewropej;

dawk li jxerrdu informazzjoni mill-UE lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

dawk li jippromwovu u jħejju l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'ħajja demokratika;

dawk li jikkontribwixxu għall-kwadru ta' kooperazzjoni ġdid fil-qasam taż-żgħażagħ stabbilit fuq il-livell ta' l-UE;

dawk li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' linji ta' politika dwar iż-żgħażagħ, ix-xogħol taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet edukattivi, u għat-tixrid ta' informazzjoni dwar iż-żgħażagħ u li jiżviluppaw strutturi rappreżentattivi għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa;

dawk li jinvolvu ruħhom f'diskussjoni u riflessjoni dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa u f-partijiet oħra tad-dinja u dwar l-azzjoni Komunitarja għaż-żgħażagħ.

4.3.   Taħriġ u networking ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-mexxejja ta' proġetti, il-konsulenti u s-superviżuri taż-żgħażagħ f'dawn il-proġetti. Hija tappoġja wkoll l-iskambju ta' esperjenzi, il-kompetenza u l-prattiki tajbin bejn dawk attivi fil-ħidma taż-żgħażagħ u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kif ukoll attivitajiet li jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta' proġetti, sħubiji u networks dejjiema u ta' kwalità għolja. Dan jista' jinvolvi, per eżempju job shadowing.

Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet li jsaħħu l-parteċipazzjoni ta' dawk iż-żgħażagħ li jsibuha mill-aktar diffiċli li jipparteċipaw f'azzjonijiet Komunitarji.

4.4.   Proġetti li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kwalità

Din il-miżura tappoġġja proġetti mmirati lejn l-introduzzjoni, l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' approċċi innovattivi fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-aspetti innovattivi jistgħu jikkonċernaw il-kontenut u l-għanijiet, f'konformità ma' l-iżvilupp tal-kwadru Ewropew ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, l-involviment ta' sħab minn ambjenti differenti jew it-tixrid ta' informazzjoni.

4.5.   Attivitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja l-informazzjoni u l-komunikazzjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ billi ttejjeb l-aċċess tagħhom għal informazzjoni u servizzi ta' komunikazzjoni rilevanti biex iżżid il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u tiffaċilita t-twettiq tal-potenzjal tagħhom bħala ċittadini attivi u responsabbli. Għal dan il-fini, ser jingħata appoġġ lil attivitajiet fuq il-livell Ewropew u nazzjonali li jtejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għal informazzjoni u servizzi ta' komunikazzjoni u jżid id-dispożizzjoni ta' informazzjoni ta' kwalità u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tħejjija u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni.

Din il-miżura tikkontribwixxi, per eżempju, għall-iżvilupp ta' portali Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali taż-żgħażagħ għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni speċifika għaż-żgħażagħ permezz ta' kull tip ta' kanali ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk li jintużaw l-aktar spiss miż-żgħażagħ. Hija tista' tappoġġja wkoll miżuri li jippromwovu l-involviment taż-żgħażagħ fit-tħejjija u t-tixrid ta' prodotti ta' informazzjoni u parir li jkunu jiftehemu, faċli biex jintużaw u li jkollhom għan, sabiex titjieb il-kwalità ta' l-informazzjoni u l-aċċess għaż-żgħażagħ kollha. Il-pubblikazzjonijiet kollha għandhom jirrispettaw l-ugwaljanza u d-diversita.

4.6.   Sħubiji

Din il-miżura hija għall-finanzjament ta' sħubijat ma' korpi reġjonali u lokali, sabiex jiġu żviluppati proġetti għal tul ta' żmien li jikkombinaw miżuri varji fil-Programm. Il-finanzjament jiffoka fuq proġetti u attivitajiet ta' koordinazzjoni.

4.7.   Appoġġ għall-istrutturi tal-Programm

Din il-miżura tiffinanzja l-istrutturi previsti fl-Artikolu 8(2), b'mod partikolari l-Aġenziji Nazzjonali. Il-miżura tipprevedi wkoll finanzjament għal korpi assimilati, bħall-koordinaturi nazzjonali, iċ-ċentri ta' riżorsi, in-network EURODESK, il-Pjattaforma Ewro-Mediterranja taż-Żgħażagħ u l-assoċjazzjonijiet ta' volontiera żgħażagħ Ewropej, li jaġixxu bħala korpi ta' implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali, f'konformità sħiħa ma' l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4.8.   Żieda fil-valur tal-Programm

Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, kollokwi u laqgħat biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm u tieħu azzjonijiet xierqa ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni kif ukoll monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Programm. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ffinanzjati permezz ta' għotjiet, mixtrija permezz ta' proċeduri ta' ksib jew organizzati u ffinanzjati direttament mill-Kummissjoni.

Azzjoni 5 – Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni huwa li tippromwovi kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

5.1   Laqgħat ta' żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja kooperazzjoni, seminars u djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ. L-attivitajiet jinkludu, b'mod partikolari, l-promozzjoni ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' ideat u prattiċi ġodda fil-qasam taż-żgħażagħ, konferenzi organizzati mill-Presidenzi ta' l-UE u miżuri oħra għall-esplojtazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti u r-riżultati ta' l-attivitajiet Komunitarji fil-qasam taż-żgħażagħ.

Din il-miżura tkopri l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ li tista' tinkludi avvenimenti fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew dwar ix-xogħol ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej, id-djalogu bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej u ż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent tal-proġetti ta' kwalita għola promossi mill-Programm.

Din il-miżura tista', b'mod partikolari, tappoġġja l-għanijiet li qed jiġu mmirati permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u l-Patt Ewropew għaż-żgħażagħ, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' volontarjat taż-żgħażagħ.

5.2.   Appoġġ għal attivitajiet li jwasslu għal fehim u għarfien aħjar tal-qasam taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja proġetti speċifiċi għall-identifikazzjoni ta' għarfien eżistenti relatat mal-prijoritajiet għall-qasam taż-żgħażagħ stabbiliti taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u proġetti li għandhom l-intenzjoni li jikkumplimentawhom u jaġġornawhom jew li jiffaċilitaw l-aċċess għalihom.

Hija wkoll imfassla biex tappoġġja l-iżvilupp ta' metodi biex jiġu analizzati u mqabbla r-riżultati ta' studji u tiġi garantita l-kwalità tagħhom.

Il-Programm jista' jappoġġja wkoll in-networking ta' l-atturi varji fil-qasam taż-żgħażagħ.

5.3.   Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

Din l-azzjoni tista' tintuża biex tappoġġja l-kooperazzjoni ta' l-UE ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li qed jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari il-Kunsill ta' l-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha.

INFORMAZZJONI

Sabiex jiġu preżentati eżempji ta' prattika tajba u proġetti mudell, għandha tiġi żviluppata database li jkun fiha l-informazzjoni dwar ideat eżistenti dwar l-attivitajiet taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew.

Trid tkun disponibbli mill-Kummissjoni gwida li tispjega l-għanijiet, ir-regoli u l-proċeduri tal-Programm b' mod partikolari billi tispjega d-drittijiet u l-obbligi legali meta wieħed jaċċetta għotja.

AMMINISTRAZZJONI TAL-PROGRAMM

Allokazzjonijiet minimi

Soġġett għall-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni, l-ammonti minimi li jiġu allokati għall-azzjonijiet ser ikunu, f'relazzjoni mal-pakkett finanzjarju mniżżel f'dak l-Artikolu:

Azzjoni 1: Żgħażagħ għall-Ewropa 30 %

Azzjoni 2: Servizz ta' Volontarjat Ewropew 23 %

Azzjoni 3: Żgħażagħ fid-Dinja 6 %

Azzjoni 4: Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ 15 %

Azzjoni 5: Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ 4 %

Il-baġit tal-Programm jista' jkopri wkoll in-nefqa assoċjata ma' l-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni meħtieġa b'mod dirett għall-amministrazzjoni tal-Programm u għat-twettiq ta' l-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari l-istudji, l-laqgħat, l-attivitajiet ta' informazzjoni u pubblikazzjoni, n-nefqa assoċjata man-networks ta' l-IT għall-iskambju ta' informazzjoni u kwalunkwe nefqa amministrattiva u ta' appoġġ tekniku oħra li l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi dwarha għall-amministrazzjoni tal-Programm.

KONTROLLI U VERIFIKI

Sistema ta' kontrolli fuq il-post inħolqot għal proġetti magħżula skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 (3) ta' din id-Deċiżjoni.

Il-benefiċjarji ta' għotja jridu jżommu għall-Kummissjoni dokumenti ta' appoġġ għall-ispejjeż kollha għal perijodu ta' ħames snin mid-data ta' l-aħħar ħlas. Huma jridu jiżguraw li, fejn hu applikabbli, id-dokumenti ta' appoġġ li jkunu għand is-sħab jew il-membri jkunu disponibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' twettaq verifika ta' l-użu li sar mill-għotja, direttament mill-personal tagħha stess jew minn kwalunkwe korp kwalifikat ieħor ta' l-għażla tagħha. Tali verifiki jistgħu jitwettqu matul iż-żmien tal-kuntratt u għal perijodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ ta' l-għotja. Fejn xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni li titlob irkupru ta' ammonti mħallsa.

Il-personal tal-Kummissjoni u persuni minn barra awtorizzati mill-Kummissjoni jrid ikollhom aċċess xieraq għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluż l-informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa sabiex isiru tali verifiki.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) irid ikollhom l-istess drittijiet, speċjalment ta' aċċess, bħal tal-Kummissjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 10, il-kuntratti ma' l-Aġenziji Nazzjonali, il-ftehim mal-pajjiżi terzi parteċipanti u l-kuntratti u l-ftehim assoċjati iridu jipprovdu, b'mod partikolari, għall-Kummissjoni jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha, l-OLAF u l-Qorti ta' l-Awdituri biex jagħmlu spezzjonijiet u verifiki finanzjarji, fuq il-post jekk ikun meħtieġ. L-Aġenziji Nazzjonali jew, jekk ikun meħtieġ, il-benefiċjarji ta' għotja jistgħu jiġu spezzjonati.

Il-Kummissjoni tista' tagħmel spezzjonijiet fuq il-post ukoll skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (1).

Għall-azzjonijiet Komunitarji msemmija f'din id-Deċiżjoni, it-terminu “irregolarità” imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (2) għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni ta' liġi Komunitarja jew kwalunkwe nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn parti, li għandu, jew kien ikollu, minħabba nefqa mhux ġustifikata, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati mill-Komunitajiet.


(1)   ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(2)   ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.