|
21.10.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Ġunju 2006
dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja
(2006/697/KE)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea hija determinata li ttejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipproteġu l-libertà individwali. |
|
(2) |
Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 li tawtorizza lill-Presidenza tal-Kunsill sabiex tinnegozja Ftehim man-Norveġja u l-Iżlanda dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali abbażi ta' l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill fid-19 ta' Diċembru 2002, il-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, innegozjat ftehim dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.
It-test tal-Ftehim u d-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru ma' l-iffirmar tal-Ftehim huma mehmużin ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim suġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim mehmuż magħha għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, nhar is-27 ta’ Ġunju 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
J. PRÖLL
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja
L-UNJONI EWROPEA,
min-naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA TA' L-IŻLANDA
u
R-RENJU TAN-NORVEĠJA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,
FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipproteġu l-libertà individwali,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-relazzjonijiet attwali fost il-Partijiet Kontraenti jeħtieġu koperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità,
FILWAQT LI JESPRIMU l-fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ġuridiċi tagħhom u fil-kapaċità tal-Partijiet Kontraenti kollha li jiggarantixxu proċess ġust fil-qorti,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Iżlanda u n-Norveġja esprimew ix-xewqa tagħhom li jidħlu fi ftehim li jippermettilhom iħaffu l-arranġamenti għall-konsenja ta' persuni suspettati u dawk misjuba ħatja ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u li japplikaw proċedura ta' konsenja ma' l-Istati Membri,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Unjoni Ewropea ukoll tqis bħala kunsiljabbli li jkun hemm tali ftehim fis-seħħ,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li jkun għalhekk xieraq li titwaqqaf sistema għal tali proċedura ta' konsenja;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Istati Membri kollha u r-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta' l-Iżlanda huma Partijiet għal numru ta' konvenzjonijiet fil-qasam ta' l-estradizzjoni, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar is-soppressjoni tat-terroriżmu tas-27 ta' Jannar 1977. L-Istati Nordiċi għandhom liġijiet uniformi ta' l-estradizzjoni b'kunċett komuni ta' l-estradizzjoni;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-livell ta' koperazzjoni taħt il-Konvenzjoni ta' l-UE ta' l-10 ta' Marzu 1995 dwar il-proċedura simplifikata ta' l-estradizzjoni u tal-Konvenzjoni ta' l-UE tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni għandu jinżamm fejn ma jistax jiġi miżjud;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li d-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest kif definit b'dan il-Ftehim għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li tfisser li awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat fejn il-persuna mitluba tkun ġiet arrestata għandha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-rwol ta' l-awtoritajiet ċentrali fl-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest kif definit b'dan il-Ftehim għandu jkun limitat għal assistenza prattika u amministrattiva;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li dan il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.
Dan il-Ftehim ma jwaqqafx lil Stat milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu rigward il-proċess dovut, il-libertà ta' l-assoċjazzjoni, il-libertà ta' l-istampa, il-libertà ta' l-espressjoni f'medja oħra u dawk li jiġġieldu għal-libertà;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-ebda persuna ma għandha tiġi konsenjata lil Stat fejn ikun hemm perikolu serju li hija tista' tiġi suġġetta għall-piena kapitali, tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti ieħor;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li billi l-Istati kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-protezzjoni ta' l-individwi rigward l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali, id-data personali proċessata fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tkun protetta skond il-prinċipji tal-Konvenzjoni msemmija;
QABLU KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
Objettiv u Skop
1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jtejbu, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, il-konsenja għall-fini ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni tas-sentenza bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta' l-Iżlanda, billi jieħdu kont ta', bħala standards minimi, it-termini tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.
2. Il-Partijiet Kontraenti jassumu l-impenn, konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, li jiżguraw li s-sistema ta' estradizzjoni bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta' l-Iżlanda għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta' konsenja skond il-mandat ta' l-arrest konformement mat-termini ta' dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jew, f'każ ta' eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Xejn minn dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi ċ-ċaħda li tiġi konsenjata persuna li għaliha jkun inħareġ mandat ta' arrest kif definit b'dan il-Ftehim meta jkun hemm raġunijiet għaliex wieħed jaħseb, abbażi ta' elementi oġġettivi, li l-imsemmi mandat ta' arrest ikun inħareġ għall-fini li persuna tiġi mħarrka jew punita għal raġunijiet tas-sess, tar-razza, tar-reliġjon, ta' l-oriġini etnika, tan-nazzjonalità, tal-lingwa, ta' l-opinjonijiet politiċi jew ta' l-orjentament sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta' dik il-persuna tkun tista' tiġi preġudikata għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. “Partijiet Kontraenti” għandha tfisser l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta' l-Iżlanda.
2. “Stat Membru” għandha tfisser Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.
3. “Stat” għandha tfisser Stat Membru, ir-Renju tan-Norveġja jew ir-Repubblika ta' l-Iżlanda.
4. “Stat terz” għandha tfisser kwalunkwe Stat ieħor, divers minn Stat kif definit fil-paragrafu 3.
5. “Mandat ta' arrest” għandha tfisser deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat bil-ħsieb ta' l-arrest u l-konsenja minn Stat ieħor ta' persuna mitluba, għall-finijiet li titmexxa prosekuzzjoni kriminali jew tiġi eżegwita sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni.
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
1. Jista' jinħareġ mandat ta' arrest għal atti punibbli bil-liġi ta' l-Istat emittenti b'sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-anqas 12-il xahar jew, fejn tkun ingħatat is-sentenza jew inħarġet l-ordni ta' detenzjoni, għal sentenzi ta' mill-anqas erba' xhur.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4, il-konsenja għandha tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom ikun inħareġ il-mandat ta' arrest jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, irrispettivament mill-elementi kostitwenti jew minn kif ikun deskritt.
3. Suġġett għall-Artikoli 4, 5(1) (b) sa (g), 6, 7 u 8, Stat ma għandu fl-ebda każ jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta' arrest maħruġ fir-rigward tal-kondotta ta' kwalunkwe persuna li tikkontribwixxi għat-twettiq minn grupp ta' persuni li jaġixxu bi skop komuni ta' reat wieħed jew aktar fil-qasam tat-terroriżmu msemmi fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, u fl-Artikolu 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, jew omiċidju, offiża gravi fuq il-persuna, ħtif, żamma illegali ta' persuna, teħid ta' ostaġġi u stupru, punibbli bid-deprivazzjoni tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' massimu ta' għall-inqas 12-il xahar, ukoll meta dik il-persuna ma tieħux sehem fl-eżekuzzjoni effettiva tar-reat jew reati konċernati; tali kontribut għandu jkun bi ħsieb tal-persuna u magħmul bil-konoxxenza ulterjuri li l-parteċipazzjoni tagħha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-attivitajiet kriminali ta' l-organizzazzjoni.
4. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-UE, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, min-naħa l-oħra jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni bl-effett li, abbażi tar-reċiproċità, il-kondizzjoni ta' kriminalità doppja msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi applikata taħt il-kondizzjonijiet disposti minn hawn 'il quddiem. Ir-reati li ġejjin, jekk ikunu punibbli fl-Istat emittenti b'sentenza ta' priġunerija jew b'ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mhux anqas minn tliet snin u kif inhuma definiti bil-liġi ta' l-Istat emittenti, għandhom, taħt it-termini ta' dan il-Ftehim u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta' l-att, jagħtu lok għall-konsenja segwenti għal mandat ta' arrest:
|
— |
parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, |
|
— |
terroriżmu, |
|
— |
traffikar tal-bnedmin, |
|
— |
sfruttament sesswali ta' tfal u pornografija tat-tfal, |
|
— |
traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u ta' sustanzi psikotropiċi, |
|
— |
traffikar illeċitu ta' armi, munizzjon u splussivi, |
|
— |
korruzzjoni, |
|
— |
frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fi ħdan is-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, |
|
— |
laundering ta' rikavati ta' kriminalità, |
|
— |
falsifikazzjoni ta' muniti, inkluża dik ta' l-euro, |
|
— |
reati relatati ma' l-informatika, |
|
— |
reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta' speċi ta' annimali fil-perikolu ta' estinsjoni u ta' speċi u varjetajiet ta' pjanti fil-perikolu ta' estinsjoni, |
|
— |
faċilitazzjoni ta' dħul u residenza mhux awtorizzati, |
|
— |
omiċidju, offiża gravi fuq il-persuna, |
|
— |
kummerċ illeċitu ta' organi u tessuti umani, |
|
— |
ħtif ta' persuna, żamma illegali ta' persuna u teħid ta' ostaġġi, |
|
— |
razziżmu u ksenofobja, |
|
— |
serq organizzat jew bl-użu ta' armi, |
|
— |
traffikar illeċitu ta' beni kulturali, inklużi oġġetti ta' l-antikwarjat u opri ta' l-arti, |
|
— |
frodi, |
|
— |
racketeering u estorsjoni, |
|
— |
falsifikazzjoni u piraterija ta' prodotti, |
|
— |
falsifikazzjoni ta' dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom, |
|
— |
falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, |
|
— |
traffikar illeċitu ta' sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir, |
|
— |
traffikar illeċitu ta' materjali nukleari jew radjuattivi, |
|
— |
traffikar ta' vetturi misruqin, |
|
— |
stupru, |
|
— |
ħruq volontarju ta' proprjetà, |
|
— |
reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
|
— |
ħtif illegali ta' inġenji ta' l-ajru/ta' bastimenti, |
|
— |
sabotaġġ. |
Artikolu 4
Raġunijiet għan-non-eżekuzzjoni obbligatorja tal-mandat ta' arrest
L- Istati għandhom jistabbilixxu obbligu għall-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi il-mandat ta' arresti fil-każijiet li ġejjin:
|
1) |
jekk ir-reat li fuqu jkun bbażat il-mandat ta' arrest ikun kopert b'amnestija fl-Istat ta' eżekuzzjoni, meta dak l-Istat kellu l-ġurisdizzjoni li jipproċessa r-reat taħt il-liġi kriminali tiegħu stess; |
|
2) |
jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tkun informata li fir-rigward tal-persuna mitluba tkun ingħatat sentenza finali minn Stat fir-rigward ta' l-istess atti bil-kondizzjoni li, meta tkun ingħatat sentenza, is-sentenza tkun ġiet skontata jew tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista' tibqa' tiġi eżegwita taħt il-liġi ta' l-Istat fejn ingħatat is-sentenza; |
|
3) |
jekk il-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta' arrest ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinżamm kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom ikun ibbażat il-mandat ta' arrest taħt il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni. |
Artikolu 5
Raġunijiet oħra għan-non-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest
1. L-Istati jistgħu jistabbilixxu obbligu jew fakultà għall-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta' arrest fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk, f'wieħed mill-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(2), l-att li fuqu ikun ibbażat il-mandat ta' arrest ma jkunx jikkostitwixxi reat taħt il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta' taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest ma għandhiex tiġi miċħuda għar-raġuni li l-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta' taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta' regoli rigward taxxi, dazji u dwana u regolamenti ta' skambju bħal-liġi ta' l-Istat emittenti. |
|
(b) |
fejn il-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta' arrest tkun qed tiġi proċessata fl-Istat ta' eżekuzzjoni għall-istess att li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta' arrest; |
|
(ċ) |
fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni jkunu ddeċidew li ma jipproċessawx ir-reat li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta' arrest jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew meta tkun ingħatat sentenza finali fir-rigward tal-persuna mitluba fi Stat, fir-rigward ta' l-istess atti, li timpedixxi aktar proċedimenti; |
|
(d) |
meta l-prosekuzzjoni kriminali jew il-kastig tal-persuna mitluba ikunu preskritti skond il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni u l-atti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat taħt il-liġi kriminali tiegħu stess; |
|
(e) |
jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tkun informata li tkun ingħatat sentenza finali fir-rigward tal-persuna mitluba minn Stat terz rigward l-istess atti bil-kondizzjoni li, meta tkun ingħatat is-sentenza, is-sentenza tkun ġiet skontata jew tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista' tibqa' tiġi eżegwita taħt il-liġi tal-pajjiż tas-sentenza; |
|
(f) |
jekk il-mandat ta' arrest ikun inħareġ għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' priġunerija jew ta' ordni ta' detenzjoni, meta l-persuna mitluba tkun tirrisjedi fl-Istat ta' eżekuzzjoni, jew tkun ċittadin tiegħu, u dak l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi s-sentenza jew l-ordni ta' detenzjoni konformement mal-liġi nazzjonali tiegħu; |
|
(g) |
fejn il-mandat ta' arrest jirrigwarda reati li:
|
2. Kull Stat għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għal-liema mir-raġunijiet ta' non-eżekuzzjoni tal-paragrafu 1, huwa jkun stabbilixxa obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji ta' eżekuzzjoni li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 6
Eċċezzjoni għal reati politiċi
1. L-eżekuzzjoni ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li r-reat jista' jitqies mill-Istat ta' eżekuzzjoni bħala reat politiku, reat konness ma' reat politiku jew reat ispirat minn motivi politiċi.
2. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra jistgħu jagħmlu, madankollu, dikjarazzjoni bl-effett li l-paragrafu 1 jiġi applikat biss fir-rigward ta':
|
(a) |
ir-reati msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu; |
|
(b) |
reati ta' konġura jew assoċjazzjoni - li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 3(3) - sabiex jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu; u |
|
(ċ) |
u l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. |
3. Meta jkun inħareġ mandat ta' arrest minn Stat li għamel dikjarazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2, jew minn Stat li f'ismu tkun saret tali dikjarazzjoni, l-Istat li jeżegwixxi l-mandat ta' arrest, jista' japplika r-reċiproċità.
Artikolu 7
Eċċezzjoni dwar ċittadinanza
1. L-eżekuzzjoni ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li l-persuna mitluba tkun ċittadin ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni.
2. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni bl-effett li ma jiġux konsenjati ċittadini jew li l-konsenja tkun awtorizzata biss taħt ċerti kondizzjonijiet speċifikati.
3. Meta jkun inħareġ mandat ta' arrest minn Stat li għamel dikjarazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2, jew minn Stat li għalih tkun saret tali dikjarazzjoni, kwalunkwe Stat ieħor jista', fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest, japplika r-reċiproċità.
Artikolu 8
Garanziji li jingħataw mill-Istat emittenti f'każijiet partikolari
L-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest mill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tista' tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
1) |
meta l-mandat ta' arrest ikun inħareġ għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew ordni ta' detenzjoni imposta b'deċiżjoni meħuda in absentia u jekk il-persuna konċernata ma ġietx imħarrka personalment jew informata b'mod ieħor dwar id-data u l-post tas-smigħ li wassal għad-deċiżjoni meħuda in absentia, il-konsenja tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjoni meqjusa adegwata li tiggarantixxi lill-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta' arrest li hija jkollha opportunità li tapplika għal kawża mill-ġdid fl-Istat emittenti u li tkun preżenti waqt l-għoti tas-sentenza; |
|
2) |
jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta' arrest ikun punibbli b'sentenza ta' priġunerija għall-għomor jew ordni ta' detenzjoni għall-għomor, l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmi mandat ta' arrest tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-Istat emittenti jagħti assigurazzjoni meqjusa suffiċjenti mill-Istat ta' eżekuzzjoni li jirrivedi l-piena jew il-miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew li jħeġġeġ l-applikazzjoni ta' miżuri ta' klemenza li għalihom il-persuna tkun intitolata li tapplika taħt il-liġi jew il-prassi ta' l-Istat emittenti, bl-għan tan-non-eżekuzzjoni ta' tali piena jew miżura; |
|
3) |
meta persuna li tkun is-suġġett ta' mandat ta' arrest għall-finijiet ta' prosekuzzjoni tkun ċittadin jew resident ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, il-konsenja tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tiġi mismugħa, tingħata lura lill-Istat ta' eżekuzzjoni sabiex hemmhekk hija tiskonta s-sentenza ta' priġunerija jew l-ordni ta' detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat emittenti. |
Artikolu 9
Determinazzjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti
1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat emittenti li jkollha l-kompetenza li toħroġ mandat ta' arrest bis-saħħa tad-dritt ta' dak l-Istat.
2. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni li jkollha l-kompetenza li teżegwixxi l-mandat ta' arrest bis-saħħa tad-dritt ta' dak l-Istat. Meta ssir in-notifika msemmija fl-Artikolu 38(1), jista' jinħatar Ministru tal-Ġustizzja bħala awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest, kemm jekk il-Ministru tal-Ġustizzja jkun awtorità ġudizzjarja taħt il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat u kemm jekk ma jkunx.
3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinformaw lil xulxin dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom.
Artikolu 10
Rikors għall-awtorità ċentrali
1. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtorità ċentrali għal kull Stat, meta jkunu ħatru tali awtorità, jew, meta s-sistema legali ta' l-Istat relevanti tipprovdi hekk, dwar aktar minn awtorità ċentrali waħda sabiex jassistu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
2. Meta jagħmlu hekk il-Partijiet Kontraenti jistgħu jindikaw li, bħala riżultat ta' l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna ta' l-Istati relevanti, l- awtorità jew awtoritajiet ċentrali huma responsabbli għat-trasmissjoni u r-reċezzjoni amministrattiva tal-mandati ta' arrest kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali l-oħra kollha relatati ma' dawn. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu obbligatorji għall-awtoritajiet kollha ta' l-Istat emittenti.
Artikolu 11
Kontenut u formola tal-mandat ta' arrest
1. Il-mandat ta' arrest għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja esposta skond il-formola li tinsab fl-Anness I ma' dan il-Ftehim:
|
(a) |
l-identità u ċ-ċittadinanza tal-persuna mitluba; |
|
(b) |
l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u tal-fax u l-indirizz elettroniku ta' l-awtorità ġudizzjarja emittenti; |
|
(ċ) |
prova ta' sentenza inforzabbli, mandat ta' arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja inforzabbli oħra li jkollha l-istess effett, li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikoli 2 u 3; |
|
(d) |
in-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-Artikolu 3; |
|
(e) |
deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta' parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna mitluba; |
|
(f) |
il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala preskritta tal-pieni għar-reat taħt il-liġi ta' l-Istat emittenti; |
|
(g) |
jekk ikun possibbli, il-konsegwenzi l-oħra tar-reat. |
2. Il-mandat ta' arrest għandu jiġi tradott għal-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni. Kwalunkwe Parti Kontraenti tista', meta dan il-Ftehim jiġi konkluż jew f'data aktar tard, tagħmel dikjarazzjoni bl-effett li t-traduzzjoni f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar ta' Stat ikunu aċċettati.
KAPITOLU 2
PROĊEDURA TA' KONSENJA
Artikolu 12
Trasmissjoni ta' mandat ta' arrest
1. Meta jkun magħruf il-post fejn tinsab il-persuna mitluba, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista' tittrasmetti l-mandat ta' arrest direttament lill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni.
2. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista', fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi li tagħmel sejħa ta' allarm fir-rigward tal-persuna mitluba fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).
Tali sejħa ta' allarm għandha ssir konformement mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea dwar allerti fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen dwar persuni għall-iskop ta' konsenja. Sejħa ta' allarm fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta' arrest akkumpanjat bl-informazzjoni esposta fl-Artikolu 11(1).
3. Għal perjodu transizzjonali, sakemm l-SIS tkun tista' tittrasmetti l-informazzjoni kollha deskritta fl-Artikolu 11, is-sejħa ta' allarm għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta' arrest sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tirċievi l-oriġinal fil-forma dovuta u proprja.
Artikolu 13
Proċeduri dettaljati għat-trasmissjoni ta' mandat ta' arrest
1. Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx taf liema tkun l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' eżekuzzjoni, hija għandha tagħmel l-istħarriġ meħtieġ sabiex tikseb dik l-informazzjoni mill-Istat ta' eżekuzzjoni.
2. Jekk ma jkunx possibbli li jintużaw is-servizzi ta' l-SIS, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista' ssejjaħ lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (l-Interpol) sabiex tittrasmetti mandat ta' arrest.
3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista' tibgħat il-mandat ta' arrest bi kwalunkwe mezz protett li jista' jipproduċi dokumentazzjoni bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta' eżekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu.
4. Id-diffikultajiet kollha marbutin mat-trasmissjoni jew ma' l-awtentiċità ta' kwalunkwe dokument meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest għandhom jiġu trattati b'kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti, jew, fejn xieraq, bl-involviment ta' l-awtoritajiet ċentrali ta' l-Istati.
5. Jekk l-awtorità li tirċievi mandat ta' arrest ma tkunx kompetenti li taġixxi fuqu, hija għandha awtomatikament tibgħat il-mandat ta' arrest lill-awtorità kompetenti fl-Istat tagħha u għandha tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti kif meħtieġ.
Artikolu 14
Drittijiet ta' persuna mitluba
1. Meta persuna mitluba tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' eżekuzzjoni għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lill-persuna bil-mandat ta' arrest u dwar il-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li taċċetta li tikkonsenjaha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.
2. Persuna mitluba, li tiġi arrestata għall-iskop ta' l-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest, għandha jkollha d-dritt li tiġi assistita minn avukat u minn interpretu skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni.
Artikolu 15
Iż-żamma tal-persuna f'detenzjoni
Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta' mandat ta' arrest, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna mitluba għandhiex tibqa' f'detenzjoni, skond il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni. Il-persuna tista' tiġi rilaxxata provviżorjament f'kull mument skond id-dritt nazzjonali ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, sakemm l-awtorità kompetenti ta' l-imsemmi Stat tieħu l-miżuri kollha li tqis meħtieġa sabiex il-persuna ma titħalliex taħrab.
Artikolu 16
Kunsens għal konsenja
1. Jekk il-persuna arrestata tindika l-kunsens tagħha għal konsenja, dak il-kunsens u, fejn ikun il-każ, ir-rinunzja espliċita għad-dritt għall-applikazzjoni tar-“regola ta' speċjalità”, imsemmija fl-Artikolu 30(2), għandu jingħata quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni.
2. Kull Stat għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-kunsens u, fejn ikun il-każ, ir-rinunzja, kif imsemmijin fil-paragrafu 1, jiġu stabbiliti b'tali mod li juru li l-persuna konċernata esprimiethom b'mod volontarju u b'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna mitluba għandha jkollha d-dritt għal parir legali.
3. Il-kunsens u, fejn ikun il-każ, ir-rinunzja, kif imsemmijin fil-paragrafu 1, għandhom jiġu formalment reġistrati skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni.
4. Bħala prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi revokat. Kull Stat jista' jipprovdi li l-kunsens u, fejn ikun il-każ, ir-rinunzja jistgħu jiġu revokati, skond ir-regoli applikabbli taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. F'dan il-każ, il-perjodu bejn id-data tal-kunsens u dik tar-revoka tiegħu ma għandux jiġi konsidrat meta jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikolu 20. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra jistgħu jagħmlu, fil-mument tan-notifika prevista fl-Artikolu 38(1), dikjarazzjoni li tindika li jixtiequ li jkollhom rikors għal din il-possibbiltà, waqt li jispeċifikaw il-proċeduri li bihom għandha tkun possibbli r-revoka tal-kunsens u kwalunkwe emenda għalihom.
Artikolu 17
Smigħ tal-persuna mitluba
Meta l-persuna arrestata ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja, kif imsemmi fl-Artikolu 16, hija għandha tkun intitolata għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni, skond il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni.
Artikolu 18
Deċiżjoni ta' konsenja
1. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta' żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f'dan il-Ftehim, jekk il-persuna għandhiex tiġi konsenjata.
2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni komunikata mill-Istat emittenti ma tkunx suffiċjenti sabiex hija tkun tista' tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-Artikoli 4 sa 6, 8 u 11, tiġi provduta b'urġenza u tista' tiffissa limitu ta' żmien sabiex tirċivieha, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu osservati l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 20.
3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista' f'kull waqt tibgħat informazzjoni utli addizzjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni.
Artikolu 19
Deċiżjoni fil-każ ta' talbiet multipli
1. Jekk żewġ Stati jew aktar ikunu ħarġu mandat ta' arrest Ewropew jew mandat ta' arrest għall-istess persuna, id-deċiżjoni dwar liema mill-mandati ta' arrest għandu jiġi eżegwit għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni b'konsiderazzjoni dovuta taċ-ċirkostanzi kollha u speċjalment tal-gravità relattiva u l-post tar-reati, id-dati rispettivi tal-mandati ta' arrest u jekk il-mandat ikunx inħareġ għall-finijiet ta' prosekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni.
2. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni ta' Stat Membru tista' tfittex il-parir ta' l-Eurojust meta tagħmel l-għażla msemmija fil-paragrafu 1.
3. Fil-każ ta' konflitt bejn il-mandat ta' arrest u talba għal estradizzjoni preżentata minn Stat terz, id-deċiżjoni dwar jekk il-mandat ta' arrest jew it-talba għal estradizzjoni tiħux preċedenza għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni b'konsiderazzjoni dovuta taċ-ċirkostanzi kollha, b'mod partikolari dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 u dawk imsemmijin fil-konvenzjoni applikabbli.
4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati taħt l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.
Artikolu 20
Limiti ta' żmien u proċeduri għad-deċiżjoni sabiex jiġi eżegwit mandat ta' arrest
1. Mandat ta' arrest għandu jiġi trattat u eżegwit b'urġenza.
2. F'każijiet meta l-persuna mitluba tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest għandha tittieħed fi żmien perjodu ta' għaxart ijiem wara li jingħata l-kunsens.
3. F'każijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest għandha tittieħed fi żmien perjodu ta' 60 jum wara l-arrest tal-persuna mitluba.
4. Meta f'każijiet speċifiċi l-mandat ta' arrest ma jistax jiġi eżegwit fi żmien il-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha minnufih tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F'każ bħal dan, il-limiti ta' żmien jistgħu jiġu estiżi bi 30 jum ieħor.
5. L-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe mill-Istati Membri tagħha, tista' tagħmel, fil-mument tan-notifika prevista fl-Artikolu 38(1), dikjarazzjoni li tindika f'liema każijiet il-paragrafi 3 u 4 ma għandhomx japplikaw. In-Norveġja u l-Iżlanda jistgħu japplikaw reċiproċità fir-rigward ta' l-Istati Membri konċernati.
6. Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta' arrest, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.
7. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull ċaħda li jiġi eżegwit mandat ta' arrest.
Artikolu 21
Is-sitwazzjoni sa meta tittieħed deċiżjoni
1. Meta l-mandat ta' arrest ikun inħareġ għall-iskop li titwettaq prosekuzzjoni kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni trid:
|
(a) |
jew taqbel li l-persuna mitluba għandha tinstema' skond l-Artikolu 22; |
|
(b) |
jew taqbel mat-trasferiment temporanju tal-persuna mitluba. |
2. Il-kondizzjonijiet u t-tul ta' żmien tat-trasferiment temporanju għandhom jiġu determinati bi qbil reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta' eżekuzzjoni.
3. Fil-każ ta' trasferiment temporanju, il-persuna trid tkun tista' tmur lura fl-Istat ta' eżekuzzjoni sabiex tattendi għas-smigħ bħala parti mill-proċedura għall-konsenja tagħha.
Artikolu 22
Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed deċiżjoni
1. Il-persuna mitluba għandha tiġi mismugħa minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra maħtura skond il-liġi ta' l-Istat tal-qorti li tagħmel it-talba.
2. Il-persuna mitluba għandha tiġi mismugħa skond il-liġi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet iddeterminati bi qbil komuni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta' eżekuzzjoni.
3. L-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' eżekuzzjoni tista' tassenja lil awtorità ġudizzjarja oħra ta' l-Istat tagħha sabiex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna mitluba sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba ta' dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.
Artikolu 23
Privileġġi u immunitajiet
1. Meta l-persuna mitluba tgawdi minn privileġġ jew immunità rigward ġurisdizzjoni jew eżekuzzjoni fl-Istat ta' eżekuzzjoni, il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 20 ma għandhomx jibdew jiddekorru ħlief jekk, u mill-ġurnata meta, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tkun ġiet informata bil-fatt li l-privileġġ jew l-immunità tkun ġiet irtirata.
2. L-Istat ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva jiġu sodisfatti meta l-persuna ma tibqax tgawdi minn tali privileġġ jew immunità.
3. Meta s-setgħa li jiġi rtirat privileġġ jew immunità tkun f'idejn awtorità ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha titlobha sabiex teżerċita dik is-setgħa minnufih. Meta s-setgħa li jiġi rtirat il-privileġġ jew l-immunità tkun f'idejn awtorità ta' Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja emittenti li titlobha sabiex teżerċita dik is-setgħa.
Artikolu 24
Obbligi internazzjonali konkorrenti
Dan il-Ftehim ma għandux jippreġudika l-obbligi ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni meta l-persuna mitluba tkun ġiet estradita lejn dak l-Istat minn Stat terz u meta dik il-persuna tkun protetta mid-dispożizzjonijiet ta' l-arranġament li taħthom tkun ġiet estradita rigward l-ispeċjalità. L-Istat ta' eżekuzzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jitlob minnufih il-kunsens ta' l-Istat li minnu l-persuna mitluba ġiet estradita sabiex hija tkun tista' tiġi konsenjata lill-Istat li ħareġ il-mandat ta' arrest. Il-limiti ta' żmien imsemmijin fl-Artikolu 20 mhux ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel il-ġurnata li fiha dawn ir-regoli ta' speċjalità jieqfu japplikaw.
Sa meta tittieħed id-deċiżjoni mill-Istat li minnu ġiet estradita l-persuna mitluba, l-Istat ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li jibqgħu sodisfatti l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva.
Artikolu 25
Notifika tad-deċiżjoni
L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha tinnotifika lill-awtorità ġudizzjarja emittenti minnufih bid-deċiżjoni dwar l-azzjoni meħtieġa li tittieħed dwar il-mandat ta' arrest.
Artikolu 26
Limiti ta' żmien għall-konsenja tal-persuna
1. Il-persuna mitluba għandha tiġi konsenjata mill-aktar fis possibbli f'data miftiehma bejn l-awtoritajiet konċernati.
2. Hija għandha tiġi konsenjata sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest.
3. Jekk il-konsenja tal-persuna mitluba fi żmien il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 tiġi impedita minħabba ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll ta' xi wieħed mill-Istati, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta' eżekuzzjoni għandhom minnufih jikkuntattjaw lil xulxin u jiftiehmu dwar data ġdida ta' konsenja. F'dak il-każ, il-konsenja għandha sseħħ fi żmien għaxart ijiem mid-data hekk miftiehma.
4. Il-konsenja tista' bħala eċċezzjoni tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li din tista' tqiegħed il-ħajja jew is-saħħa tal-persuna mitluba f'periklu ċar. L-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest għandha sseħħ hekk kif dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jeżistu. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha minnufih tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem dwar data ġdida ta' konsenja. F'dak il-każ, il-konsenja għandha sseħħ fi żmien għaxart ijiem mid-data hekk miftiehma.
5. Malli jiskadu l-limiti ta' żmien imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna tkun għadha tinżamm taħt priġunerija hija għandha tiġi rilaxxata.
Artikolu 27
Konsenja posposta jew kondizzjonali
1. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tista', wara li tiddeċiedi li teżegwixxi l-mandat ta' arrest, tipposponi l-konsenja tal-persuna mitluba sabiex hija tkun tista' tiġi proċessata fl-Istat ta' eżekuzzjoni jew, jekk diġà ġiet mogħtija sentenza, sabiex tkun tista' tiskonta, fit-territorju tagħha, sentenza li ngħatat għal att divers minn dak imsemmi fil-mandat ta' arrest.
2. Minflok tipposponi l-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tista' tikkonsenja temporanjament il-persuna mitluba lill-Istat emittenti taħt kondizzjonijiet li jiġu determinati bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet emittenti u ta' eżekuzzjoni. Il-ftehim għandu jsir bil-miktub u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu jorbtu fuq l-awtoritajiet kollha fl-Istat emittenti.
Artikolu 28
Transitu
1. Kull Stat għandu jippermetti t-transitu minn ġewwa t-territorju tiegħu ta' persuna mitluba li tkun qiegħda tiġi konsenjata sakemm tkun ingħatat informazzjoni dwar:
|
(a) |
l-identità u ċ-ċittadinanza tal-persuna suġġetta għall-mandat ta' arrest; |
|
(b) |
l-eżistenza ta' mandat ta' arrest; |
|
(ċ) |
in-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat; |
|
(d) |
id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi tar-reat, inklużi d-data u l-post. |
L-Istat, li f'ismu tkun saret dikjarazzjoni skond l-Artikolu 7(2) bl-effett li ma jiġux konsenjati ċittadini jew li l-konsenja tiġi awtorizzata biss taħt ċerti kondizzjonijiet speċifikati, jista' taħt l-istess termini, jirrifjuta t-transitu taċ-ċittadini tiegħu minn ġewwa t-territorju tiegħu jew jimponi fuqu l-istess kondizzjonijiet.
2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtorità nominata għal kull Stat responsabbli sabiex tirċievi talbiet għal transitu u d-dokumenti meħtieġa, kif ukoll kwalunkwe korrispondenza uffiċjali oħra marbuta ma' talbiet għal transitu.
3. It-talba għal transitu u l-informazzjoni esposta fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nominata skond il-paragrafu 2 bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi dokument miktub. L-Istat tat-transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bl-istess proċedura.
4. Dan il-Ftehim ma japplikax fil-każ ta' trasport bl-ajru mingħajr waqfa skedata. Madankollu, jekk iseħħ inżul mhux skedat, l-Istat emittenti għandu jipprovdi lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bl-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1.
5. Meta transitu jikkonċerna persuna li tkun sejra tiġi estradita minn Stat terz lejn xi Stat dan l-Artikolu jkun japplika mutatis mutandis. B'mod partikolari l-espressjoni “mandat ta' arrest” kif definita b'dan il-Ftehim għandha titqies bħala sostitwita b“talba għal estradizzjoni”.
KAPITOLU 3
EFFETTI TAL-KONSENJA
Artikolu 29
Tnaqqis tal-perjodu ta' detenzjoni eżegwit fl-Istat ta' eżekuzzjoni
1. L-Istat emittenti għandu jnaqqas il-perjodi ta' detenzjoni li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest mill-perjodu totali ta' detenzjoni li għandu jiġi eżegwit fl-Istat emittenti bħala riżultat ta' sentenza ta' priġunerija jew ordni ta detenzjoni li tkun ingħatat.
2. Għal dak il-għan, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna t-tul ta' żmien ta' detenzjoni tal-persuna mitluba abbażi tal-mandat ta' arrest għandha tiġi trasmessa mill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni jew l-awtorità ċentrali nominata taħt l-Artikolu 10 lill-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-mument tal-konsenja.
Artikolu 30
Prosekuzzjoni possibbli għal reati oħra
1. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, jistgħu jinnotifikaw lil xulxin li, għal relazzjonijiet ta' Stati ma' Stati oħra li għalihom tapplika l-istess notifika, il-kunsens ikun preżunt li jkun ġie mogħti għall-prosekuzzjoni, għall-għoti ta' sentenza jew għad-detenzjoni bil-ħsieb li titwettaq sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tal-persuna mitluba, divers minn dak li għalih hija ġiet konsenjata, ħlief jekk f'xi każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.
2. Ħlief fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi proċessata, mogħtija sentenza jew b'xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha ħlief għal dak li għalih ġiet konsenjata.
3. Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta l-persuna li kellha l-opportunità li titlaq mit-territorju ta' l-Istat li lilu ġiet konsenjata ma għamlitx dan fi żmien 45 jum mir-rilaxx finali tagħha, jew marret lura lejn dak it-territorju wara li tkun telqet minnu; |
|
(b) |
ir-reat ma jkunx punibbli b'sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni; |
|
(ċ) |
il-proċedimenti kriminali ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta' miżura ta' restrizzjoni tal-libertà personali; |
|
(d) |
meta l-persuna tista' tkun suġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix id-deprivazzjoni tal-libertà, b'mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflokha, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista' tagħti lok għal restrizzjoni tal-libertà personali tagħha; |
|
(e) |
meta l-persuna tkun tat il-kunsens li tiġi konsenjata, fejn xieraq fl-istess mument li hija tkun irrinunzjat għall-applikazzjoni tar-regola ta' speċjalità, konformement ma' l-Artikolu 16; |
|
(f) |
meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espliċitament għad-dritt għall-applikazzjoni tar-regola ta' speċjalità fir-rigward ta' reati speċifiċi ta' qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat emittenti u għandha tiġi reġistrata skond il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha tiġi mfassla b'tali mod li jkun ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandha jkollha d-dritt għal parir legali; |
|
(g) |
skond il-paragrafu 4. |
4. Talba għal kunsens għandha tiġi preżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni, flimkien ma' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u ma' traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 11(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih issir it-talba jkun huwa stess suġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Il-kunsens għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 u diversament jista' jiġi miċħud biss għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikoli 5, jew 6(2) u 7(2). Id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn 30 jum wara r-riċezzjoni tat-talba. Għas-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 8 l-Istat emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.
Artikolu 31
Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti
1. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, jistgħu jinnotifikaw lil xulxin li, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta' Stati ma' Stati oħra li għalihom tapplika l-istess notifika, l-kunsens għall-konsenja ta' persuna lil Stat divers mill-Istat ta' eżekuzzjoni skond mandat ta' arrest maħruġ għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha ikun preżunt li jkun ingħata, ħlief jekk f'każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.
2. Fi kwalunkwe każ, persuna li tkun ġiet konsenjata lill-Istat emittenti bis-saħħa ta' mandat ta' arrest tista', mingħajr il-kunsens ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, tiġi konsenjata lil Stat divers mill-Istat ta' eżekuzzjoni bis-saħħa ta' mandat ta' arrest maħruġ għal kwalunkwe reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta l-persuna mitluba, li kellha l-opportunità li titlaq mit-territorju ta' l-Istat li lilu ġiet konsenjata, ma għamlitx dan fi żmien 45 jum mir-rilaxx finali tagħha, jew marret lura lejn dak it-territorju wara li telqet minnu; |
|
(b) |
meta l-persuna mitluba tagħti l-kunsens li tiġi konsenjata lil Stat divers mill-Istat ta' eżekuzzjoni bis-saħħa ta' mandat ta' arrest. Il-kunsens għandu jingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat emittenti u għandu jiġi reġistrat skond il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat. Il-kunsens għandu jiġi mfassal b'tali mod li jkun ċar li l-persuna konċernata tatu b'mod volontarju u b'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna mitluba għandha jkollha d-dritt għal parir legali; |
|
(ċ) |
meta l-persuna mitluba ma tkunx suġġetta għall-applikazzjoni tar-regola ta' speċjalità, skond l-Artikolu 30(3)(a), (e), (f) u (g). |
3. L-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tagħti l-kunsens għall-konsenja lil Stat ieħor skond ir-regoli li ġejjin:
|
(a) |
it-talba għal kunsens għandha tiġi preżentata skond l-Artikolu 12, flimkien ma' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u ma' traduzzjoni kif hemm previst fl-Artikolu 11(2); |
|
(b) |
il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih issir it-talba jkun huwa stess suġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim; |
|
(ċ) |
id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn 30 jum wara r-riċezzjoni tat-talba; |
|
(d) |
il-kunsens għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 u diversament jista' jiġi miċħud biss għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikoli 5 jew 6(2) u 7(2). |
Għas-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 8, l-Istat emittenti jrid jagħti l-garanziji previsti fih.
4. Minkejja l-paragrafu 1, persuna li ġiet konsenjata skond mandat ta' arrest ma għandhiex tiġi estradita lejn Stat terz mingħajr il-kunsens ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat li kkonsenja l-persuna. Tali kunsens għandu jingħata konformement mal-Konvenzjonijiet li jorbtu lil dak l-Istat, kif ukoll skond il-liġi domestika tiegħu.
Artikolu 32
Konsenja ta' proprjetà
1. Fuq it-talba ta' l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew fuq l-inizjattiva tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni għandha, konformement mal-liġi nazzjonali tagħha, tissekwestra u tikkonsenja l-proprjetà li:
|
(a) |
tista' tkun meħtieġa bħala prova, jew |
|
(b) |
tkun ġiet miksuba mill-persuna mitluba bħala riżultat tar-reat. |
2. Il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi konsenjata wkoll jekk il-mandat ta' arrest ma jistax jiġi mwettaq minħabba l-mewt jew il-ħarba tal-persuna mitluba.
3. Jekk il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 tkun suġġetta għal sekwestru jew konfiska fit-territorju ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni, dan ta' l-aħħar jista', jekk il-proprjetà tkun meħtieġa b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti, iżommha temporanjament jew jikkonsenjaha lill-Istat emittenti, bil-kondizzjoni li hija tingħata lura.
4. Kwalunkwe dritt li l-Istat ta' eżekuzzjoni jew Partijiet terzi jistgħu jkunu kisbu fil-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi preżervat. Meta jeżistu tali drittijiet, l-Istat emittenti għandu jagħti lura l-proprjetà mingħajr ħlas lill-Istat ta' eżekuzzjoni hekk kif il-proċedimenti kriminali jkunu ġew mitmuma.
Artikolu 33
Spejjeż
1. L-ispejjeż dovuti fit-territorju ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest għandhom jitħallsu minn dak l-Istat.
2. L-ispejjeż kollha l-oħra għandhom jitħallsu mill-Istat emittenti.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 34
Relazzjoni ma' strumenti legali oħrajn
1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f'relazzjonijiet bejn Stati u Stati terzi, dan il-Ftehim għandu, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta' l-estradizzjoni f'relazzjonijiet bejn in-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra:
|
(a) |
il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta' Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tagħha tas-17 ta' Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar is-soppressjoni tat-terroriżmu tas-27 ta' Jannar 1977 safejn din tikkonċerna l-estradizzjoni kif emendata bil-Protokoll ta' l-2003 ladarba jidħol fis-seħħ; |
|
(b) |
It-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni. |
|
(ċ) |
Id-dispożizzjonijiet, relevanti għar-reġim Schengen, tal-Konvenzjonijiet ta' l-UE dwar l-Estradizzjoni ta' l-1995 u l-1996 safejn dawn jinsabu fis-seħħ; |
2. L-Istati jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ meta dan il-Ftehim jiġi konkluż safejn dan il-ftehim jew l-arranġamenti jippermettu li l-objettivi ta' dan il-Ftehim jiġu estiżi jew imwessgħin u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew iħaffu aktar il-proċeduri għall-konsenja ta' persuni li jkunu s-suġġett ta' mandat ta' arrest. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe ftehim jew arranġamenti bħal dawn.
3. L-Istati jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim safejn dan il-ftehim jew l-arranġamenti jippermettu li l-preskrizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jiġu estiżi jew imwessgħin u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew iħaffu aktar il-proċeduri għall-konsenja ta' persuni li jkunu s-suġġett ta' mandat ta' arrest, b'mod partikolari billi jistabbilixxu limiti ta' żmien iqsar minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 20, billi jestendu l-lista ta' reati stabbiliti fl-Artikolu 3(4), billi jkomplu jillimitaw ir-raġunijiet għal ċaħda disposti fl-Artikoli 4 u 5, jew billi jbaxxu l-limitu previst fl-Artikolu 3(1) jew (4).
Il-ftehim u l-arranġamenti msemmijin fl-ewwel subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jolqtu r-relazzjonijiet ma' Stati li m'humiex Parti għalihom.
Il-Partijiet Kontraenti għandhom ukoll jinnotifikaw lil xulxin bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid bħal dan kif hemm imsemmi fl-ewwel subparagrafu, fi żmien tliet xhur minn meta jiffirmawh.
4. Meta l-konvenzjonijiet jew il-ftehim imsemmijin fil-paragrafu 1 japplikaw għat-territorji ta' Stati, jew għal territorji li r-relazzjonijiet esterni tagħhom ikunu r-responsabbiltà ta' Stat, li għalihom ma japplikax dan il-Ftehim, dawn l-istrumenti għandhom jibqgħu jirregolaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn dawk it-territorji u l-Istati l-oħra.
Artikolu 35
Dispożizzjoni transizzjonali
1. Talbiet għal estradizzjoni li jiġu rċevuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim għandhom jibqgħu regolati mill-istrumenti eżistenti relatati ma' l-estradizzjoni. Talbiet riċevuti wara dik id-data għandhom jiġu regolati minn dan il-Ftehim.
2. In-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, jistgħu, fil-mument tan-notifika prevista fl-Artikolu 38(1), jagħmlu dikjarazzjoni li, bħala Stat ta' eżekuzzjoni, l-Istat sejjer ikompli japplika s-sistema ta' estradizzjoni li kienet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim fir-rigward ta' atti kommessi qabel data li huwa jispeċifika. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Id-dikjarazzjoni msemmija tista' tiġi rtirata fi kwalunkwe waqt.
Artikolu 36
Riżoluzzjoni ta' disputi
Kwalunkwe disputa bejn l-Iżlanda jew in-Norveġja u Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi riferita minn Parti fid-disputa lil laqgħa ta' rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, bil-ħsieb tar-riżoluzzjoni tagħha fi żmien sitt xhur.
Artikolu 37
Każistika
Il-Partijiet Kontraenti, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni l-aktar uniformi tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, għandhom jirrivedu kontinwament l-iżvilupp tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll l-iżvilupp tal-każistika tal-qrati kompetenti ta' l-Iżlanda u n-Norveġja rigward dawn id-dispożizzjonijiet u dawk ta' strumenti simili ta' konsenja. Għal dan il-għan għandu jitwaqqaf mekkaniżmu sabiex jiżgura t-trasmissjoni reċiproka regolari ta' din il-każistika.
Artikolu 38
Notifiki, dikjarazzjonijiet u dħul fis-seħħ
1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa sabiex jesprimu l-kunsens tagħhom li jkunu marbutin b'dan il-Ftehim.
2. Meta jagħtu n-notifika tagħhom skond il-paragrafu 1 il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu kwalunkwe min-notifiki jew dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikoli 5(2), 9(3), 28(2) u 34(2) ta' dan il-Ftehim u jistgħu jagħmlu kwalunkwe min-notifiki jew dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikoli 3(4), 6(2), 7(2), 10(1), 11(2), 16(4), 20(5), 30(1), 31(1) u 35(2) ta' dan il-Ftehim. Id-dikjarazzjonijiet jew notifiki msemmijin fl-Artikoli 3(4), 10(1) u 11(2) jistgħu jsiru fi kwalunkwe waqt. Id-dikjarazzjonijiet jew notifiki msemmijin fl-Artikoli 9(3) u 28(2) jistgħu jiġu modifikati, u dawk imsemmijin fl-Artikoli 5(2), 6(2), 7(2), 10(1), 16(4), 20(5), 34(2) u 35(2) irtirati, fi kwalunkwe waqt.
3. Fejn l-Unjoni Ewropea tagħmel tali dikjarazzjonijiet jew notifiki għandha tindika għal liema mill-Istati Membri tagħha tapplika d-dikjarazzjoni.
4. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-jum li fih is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jkun stabbilixxa li ġew sodisfatti r-rekwiżiti formali kollha rigward l-espressjoni tal-kunsens mill-Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.
Artikolu 39
Adeżjoni
L-adeżjoni minn Stati Membri ġodda ma' l-Unjoni Ewropea għandha toħloq drittijiet u obbligi taħt il-Ftehim preżenti bejn dawk l-Istati Membri ġodda u l-Iżlanda u n-Norveġja.
Artikolu 40
Reviżjoni komuni
Il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jwettqu reviżjoni komuni ta' dan il-Ftehim mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u b'mod partikolari tad-dikjarazzjonijiet magħmulin skond l-Artikoli 3(4), 6(2), 7(2) u 20(5) ta' dan il-Ftehim. Fejn id-dikjarazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2) ma jiġux imġedda, huma għandhom jiskadu 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Ir-reviżjoni għandha b'mod partikolari tindirizza l-implementazzjoni prattika, l-interpretazzjoni u l-iżvilupp tal-Ftehim u tista' wkoll tinkludi kwistjonijiet bħall-konsegwenzi ta' żvilupp ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea relatat mas-suġġett ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 41
Terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat mill-Partijiet Kontraenti. Fil-każ ta' terminazzjoni mill-Iżlanda jew min-Norveġja, dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Parti Kontraenti li għaliha huwa ma jkunx ġie terminat.
2. It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandha ssir effettiva sitt xhur wara d-depożitu tan-notifika tat-terminazzjoni. Il-proċeduri għall-konformità ma' talbiet għal konsenja li jkunu għadhom pendenti f'dik id-data għandhom jiġu konklużi konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 42
Depożitarju
1. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta' dan il-Ftehim.
2. Id-depożitarju għandu jagħmel pubblika l-informazzjoni dwar kull notifika jew dikjarazzjoni magħmula rigward dan il-Ftehim.
Magħmul fi Vjenna fit-28 ta' Ġunju 2006 f'kopja waħda unika bil-lingwa Islandiża, Norveġiża, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ġermaniża, Ingliża, Estona, Franċiża, Finlandiża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b'kull verżjoni ugwalment awtentika.
Fyrir hönd Evrópusambandsins
For Den europeiske union
Por la Unión Europea
Za Evropskou unii
For den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l'Union européenne
Thar ceann an Aontais Eorpaigh
Per l'Unione europea
Eiropas Savienības vārdā
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
På Europeiska unionens vägnar
Fyrir hönd lýðveldisins Íslands
For Republikken Island
Por la República de Islandia
Za Islandskou republiku
For Republikken Island
Für die Republik Island
Islandi Vabariigi nimel
Για τη Δημοκρατία της Ισλανδίας
For the Republic of Iceland
Pour la République d'Islande
Thar ceann Phoblacht na hÍoslainne
Per la Repubblica d'Islanda
Islandes Republikas vārdā
Islandijos Respublikos vardu
Az Izlandi Köztársaság részéről
Ghar-Repubblika ta' l-Iżlanda
Voor de Republiek Ijsland
W imieniu Republiki Islandii
Pela República da Islândia
Za Islandskú republiku
Za Republiko Islandijo
Islannin tasavallan puolesta
På Republiken Islands vägnar
Fyrir hönd Konungsríkisins Noregs
For Kongeriket Norge
Por el Reino de Noruega
Za Norské královstvi
For Kongeriget Norge
Für das Königreich Norwegen
Norra Kuningriigi nimel
Για το Βασίλειο της Νορβηγίας
For the Kingdom of Norway
Pour le Royaume de Norvège
Thar ceann Ríocht na hIorua
Per il Regno di Norvegia
Norvēģijas Karalistes vārdā
Norvegijos Karalystės vardu
A Norvég Királyság részéről
Ghar-Renju tan-Norveġja
Voor het Koninkrijk Noorwegen
W imieniu Królestwa Norwegii
Pelo Reino da Noruega
Za Nórske kráľovstvo
Za Kraljevino Norveško
Norjan kuningaskunnan puolesta
På Konungariket Norges vägnar
Dikjarazzjoni mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja u l-Iżlanda:
“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jikkonsultaw, kif meħtieġ, meta r-Repubblika ta' l-Iżlanda jew ir-Renju tan-Norveġja jew wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jqisu li jkun opportun li jsir hekk, sabiex jippermettu li jsir l-aktar użu effikaċi ta' dan il-Ftehim, anke bil-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe disputa rigward l-implementazzjoni prattika u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim. Din il-konsultazzjoni għandha tiġi organizzata bil-mod l-aktar konvenjenti, b'kont meħud ta' l-istrutturi eżistenti ta' koperazzjoni.”
Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea:
“L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-possibbiltà, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(2), li jiġi nominat Ministru tal-Ġustizzja bħala awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest sejra tiġi użata biss mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tas-Slovakkja u r-Renju ta' l-Olanda.
L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-Istati Membri sejrin japplikaw l-Artikolu 20(3) u (4) konformement mar-regoli nazzjonali tagħhom għal każijiet simili.”.