8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

666


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' April 2006

dwar l-allokazzjoni ta' numru ta' jiem lir-Renju Unit, lid-Danimarka u lill-Ġermanja, li matulhom jistgħu jkunu preżenti bastimenti tas-sajd fi ħdan żona, skond il-punt 8.1.(h) ta' l-Anness IIA tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 51/2006

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1714)

(It-testi bl-Ingliż, bid-Daniż u bil-Ġermaniż biss huma awtentiċi)

(2006/316/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 51/2006 tat-22 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi għall-2006 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta ma' ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti tal-Komunità, fl-ilmijiet fejn huma meħtieġa l-limitazzjonijiet tal-qbid (1), u b'mod partikolari l-punt 8.1.(h) ta' l-Anness IIA,

Billi:

(1)

Il-punt 8.1(h) ta' l-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 51/2006 jispeċifika kundizzjoni speċjali li tistieden lill-Istat Membru biex jiżviluppa sistemi ta' sospensjonijiet awtomatiċi ta' liċenzji tas-sajd fir-rigward ta' ksur ;

(2)

Fuq il-bażi ta' talbiet mill-Istati Membri, l-applikazzjoni ta' din il-kundizzjoni speċjali tippermetti l-allokazzjoni mill-1 ta' Frar 2006 sal-31 ta' Jannar 2007 ta' numru speċifiku ta' ġranet, li matulhom jistgħu jkunu preżenti fi ħdan żona, lill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità waqt li jkollhom abbord xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew tagħmir simili, minbarra xbieki tat-tkarkir bit-travu, b'malji ta' daqs ta' 120 mm jew ikbar kif imsemmi fil-punt 4.a.v. ta' l-Anness IIA ;

(3)

Ir-Renju Unit, id-Danimarka u l-Ġermanja ressqu talba u pprovdew informazzjoni dwar sistema ta' sospensjoni awtomatika ta' liċenzji tas-sajd fir-rigward ta' ksur għall-bastimenti tas-sajd li jkollhom tagħmir għas-sajd bħal dan abbord ;

(4)

Fid-dawl ta' l-informazzjoni mressqa, l-allokazzjoni tal-jiem li matulhom jistgħu jkunu preżenti fi ħdan żona bastimenti tas-sajd, b'kundizzjoni speċjali, stipolata mill-punt 8.1(h), għandha tkun awtorizzata lir-Renju Unit, lid-Danimarka u lill-Ġermanja għall-bastimenti tas-sajd li jkollhom tagħmir għas-sajd abbord msemmi fil-punt 4.a.v ta' l-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 51/2006.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Wara li ġew ikkunsidrati l-punti 4.a.v u 8.1(h) ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 51/2006, il-bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, tad-Danimarka jew tal-Ġermanja u li jkollhom abbord xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew tagħmir simili, minbarra xbieki tat-tkarkir bit-travu, b'malji ta' daqs ta' 120 mm jew ikbar, għandhom jibbenefikaw mill-allokazzjoni ta' jiem stipolata fil-punt 8.1.(h) u l-linja korrispondenti tat-tabella I fil-punt 13 ta' l-Anness IIA.

Artikolu 2

Bastiment li jiġi allokat numru ta' jiem skond l-Artikolu 1 ma jistax jittrasferixxi dawn il-jiem lil kwalunkwe bastiment ieħor sakemm:

(a)

il-bastiment li se jibbenifika, f'kull ħin, ma jkunx qed juża tagħmir għas-sajd b'malja ta' daqs ikbar minn 120 mm ;

(b)

il-kundizzjonijiet stipolati fil-punti 14 u 15 ta' l-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 51/2006 ma jkunux sodisfatti.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, lir-Renju tad-Danimarka u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, nhar it-28 ta' April 2006.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 16, 20.1.2006, p. 1