Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar emendi lill-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra
Official Journal L 054 , 24/02/2006 P. 0023 - 0023
Official Journal L 270 , 29/09/2006 P. 0247 - 0247
Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar emendi lill-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (2006/136/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il- Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni") [1], kien ġie ffirmat fit- 18 ta' Novembru 2002, u daħal fis-seħħ fl- 1 ta' Marzu 2005 [2]. (2) Fil- 24 ta' Novembru 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tidħol f'negozjati mar-Repubblika taċ-Ċili sabiex jiġi emendat il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid mehmuż bħala l-Anness V [3] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-"Anness V") mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Dawn in-negozjati ġew konklużi b'suċċess. (3) Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar emendi lill-Anness V għandu jiġi approvat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar emendi lill-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u Żvilupp Rurali huwa b'dan awtorizzat li jiffirma l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri sabiex tintrabat il-Komunità. Magħmul fi Brussell, nhar il- 14 ta' Frar 2006. Għall-Kunsill Il-President K.-H. Grasser [1] ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3. [2] ĠU L 84, 2.4.2005, p. 21. [3] ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1083. -------------------------------------------------- Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar emendi lill-ftehim dwar il-Kummerċ fl-inbid anness mal-ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra A. Ittra Nru 1 Ittra mill-Komunità Brussel, Sinjur, Għandi l-unur nirriferi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt stabbilit skond l-Artikolu 30 ta' l-Anness V mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid). Il-Kumitat Konġunt irrakkomanda li jsiru xi emendi lill-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-"Anness V"), sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi leġiżlattivi minn meta dan kien ġie adottat. Waqt il-laqgħa reċenti tal-Kumitat Konġunt li saret f'Madrid fit- 13- 14 ta' Ġunju 2005 kien hemm qbil dwar il-bżonn li jiġu emendati mhux biss l-appendiċi iżda wkoll it-test tal-Ftehim sabiex dan ikun aġġornat. Għandi għalhekk l-unur li nipproponi li l-Anness V jiġi emendat kif indikat fl-Appendiċi mehmuż hawnhekk, b'effett mid-data ta' l-iffirmar. Inkun obbligat jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel mal-kontenut ta' din l-ittra. Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk. F'isem il-Komunità Ewropea Appendiċi L-Anness V huwa b'dan emendat kif ġej: 1) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej: "2. L-ismijiet msemmija fl-Artikolu 6 għandhom ikunu riżervati esklussivament għall-prodotti li joriġinaw mill-Parti li għaliha japplikaw." ; 2) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej: "2. Fuq il-bażi tar-reġistru tat-trademarks Ċilen kif stabbilit fl- 10 ta' Ġunju 2002, it-trademarks elenkati fl-Appendiċi VI. A għandhom jiġu kanċellati fi żmien tnax-il sena għall-użu fis-suq intern u fi żmien ħames snin għall-użu għall-esportazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim." ; (b) wara l-paragrafu 2, jiġi inserit il-paragrafu li ġej: "2a. Fuq il-bażi tar-reġistru tat-trademarks Ċilen kif stabbilit fl- 10 ta' Ġunju 2002, it-trademarks elenkati fl-Appendiċi VI. B huma permessi taħt il-kundizzjonjiet stabbiliti f'dan l-Appendiċi, esklussivament għall-użu fis-suq intern, u għandhom jiġu kanċellati fi żmien 12-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim." ; 3) L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej: (a) il-Paragrafu 5(b) jinbidel b'dan li ġej: "(b) fejn espressjoni tradizzjonali jew referenza komplementari ta' kwalità elenkata fl-Appendiċi III jew IV tkun omonima ma' isem ta' nbid li joriġina minn barra mill-Partijiet, l-aħħar isem jista' jintuża sabiex jiddeskrivi u jippreżenta nbid biss jekk tali użu ikun rikonoxxut fil-liġi interna tal-pajjiż ta' l-oriġini u jikkostitwixxix kompetizzjoni żleali u l-konsumaturi ma jkunux żgwidati dwar l-oriġini, in-natura jew il-kwalità ta' l-inbid;" ; (a) il-Paragrafu 5(ċ) huwa mħassar. 4) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej: (a) il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej: "(a) rigward inbid li joriġina mill-Komunità, dawk elenkati fl-Appendiċi III," ; (a) il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej: "(b) rigward inbid li joriġina miċ-Ċilì, dawk elenkati fl-Appendiċi IV." ; 5) L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej: (a) il-Paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej: "1. Ir-reġistrazzjoni ta' trademark għal inbid f'Parti li tkun identika jew simili għal, jew li fiha, espressjoni tradizzjonali jew referenza komplementari ta' kwalità tal-Parti l-oħra li tkun elenkata fl-Appendiċi III jew IV għandhom jiġu rifjutati sa fejn dik ir-reġistrazzjoni tikkonċerna l-użu ta' dik l-espressjoni tradizzjonali jew ir-referenza komplementari ta' kwalità sabiex tiddeskrivi jew tippreżenta l-kategorija jew kategoriji ta' nbid li għalihom dik l-espressjoni tradizzjonali jew ir-referenza komplementari ta' kwalità tkun elenkata fl-Appendiċi III jew IV." ; (b) il-Paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej: "2. B'deroga mill-paragrafu 1, ir-rifjut li tkun reġistrata trademark għal inbid f'Parti li tkun identika jew simili għal, jew li fiha, espressjoni tradizzjonali jew referenza komplementari ta' kwalità ta' dik il-Parti li tkun elenkata fl-Appendiċi III jew IV ma għandux ikun obbligatorju jekk dik ir-reġistrazzjoni tikkonċerna l-użu ta' dik l-espressjoni tradizzjonali jew referenza komplementari ta' kwalità sabiex tiddeskrivi jew tippreżenta l-kategorija jew kategoriji ta' nbid li għalihom dik l-espressjoni tradizzjonali jew ir-referenza komplementari ta' kwalità tkun elenkata fl-Appendiċi III jew IV." ; (ċ) il-Paragrafu 3 jitħassar; 6) L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej: "1. Il-Partijiet, fuq il-bażi tar-reġistru tat-trejdmark Ċilen kif stabbilit fl- 10 ta' Ġunju 2002, ma jafu bl-ebda trademark barra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (2a), u fl-Artikolu 10(4) li hija identika jew simili għal, jew li fiha, l-indikazzjonijiet ġeografiċi jew espressjonijiet tradizzjonali jew referenzi komplementari ta' kwalità msemmija fl-Artikoli 6 u 10, rispettivament." ; (b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej: "2. Konformement mal-paragrafu 1, l-ebda Parti ma għandha tiċħad id-dritt ta' l-użu ta' trademark li tinsab fir-reġistru tat-trademarks Ċilen fl- 10 ta' Ġunju 2002, ħlief dawk imsemmija fl-Artikoli 7(2) u (2a), u fl-Artikolu 10(4), fuq il-bażi li tali trademark tkun identika jew simili għal, jew li tkun fiha, indikazzjoni ġeografika elenkata fl-Appendiċi I jew II jew espressjoni tradizzjonali jew referenza komplementari ta' kwalità elenkata fl-Appendiċi III jew IV." ; 7) L-Artikolu 30(3) jinbidel b'dan li ġej: "3. B'mod partikolari, l-Kumitat Konġunt jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim. Dan għandu jsir skond ir-Regoli ta' Proċedura għall-Kumitati Speċjali." . B. Ittra mir-Repubblika taċ-Ċilì Santiago de Chile/Brussel, Sinjura, Għandi l-unur ngħarrfek li rċevejt l-ittra tiegħek bid-data ta' llum li tinqara kif ġej: "Għandi l-unur nirriferi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt stabbilit skond l-Artikolu 30 ta' l-Anness V mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid). Il-Kumitat Konġunt irrakkomanda li jsiru xi emendi lill-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inbid (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-"Anness V"), sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi leġiżlattivi minn meta dan kien ġie adottat. Waqt il-laqgħa reċenti tal-Kumitat Konġunt li saret f'Madrid fit- 13- 14 ta' Ġunju 2005 kien hemm qbil dwar il-bżonn li jiġu emendati mhux biss l-appendiċi iżda wkoll it-test tal-Ftehim sabiex dan ikun aġġornat. Għandi għalhekk l-unur li nipproponi li l-Anness V jiġi emendat kif indikat fl-Appendiċi mehmuż hawnhekk, b'effett mid-data ta' l-iffirmar. Inkun obbligat jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel mal-kontenut ta' din l-ittra." . Għandi l-unur ngħarrfek li r-Repubblika taċ-Ċilì taqbel mal-kontenut ta' din l-ittra. Nassigurak, Sinjura, mill-ikbar stima li għandi lejk. F'isem ir-Repubblika taċ-Ċilì --------------------------------------------------