|
12.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
254 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Awwissu 2005
li tagħti rikonoxximent tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini fir-Repubblika ta’ l-Irlanda skond l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004
(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 2911)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
(2005/597/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(d) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-awtorità kompetenti ta’ l-Irlanda ressqet talba, mehmuża b'dokumentazzjoni xierqa, għar-rikonoxximent tas-sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini implimentata f'dak l-Istat Membru. |
|
(2) |
Wara missjoni veterinarja ta' spezzjoni tal-Kummissjoni fl-Irlanda, is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini ġiet awditjata mill-esperti tal-Kummissjoni bħala operattiva għal kollox sakemm jintlaħqu ċerti impenji. |
|
(3) |
L-Irlanda ħadet il-miżuri kollha xierqa biex tiżgura l-konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 sa mid-9 ta’ Lulju 2005. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli xierqa sabiex tivverifika l-implimentazzjoni xierqa tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini. |
|
(5) |
Is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini fl-Irlanda għandha għalhekk tiġi approvata sabiex b’hekk issir is-sostituzzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni minn dik is-sistema, minbarra fil-każ ta' annimali involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini prevista skond l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 implimentata mir-Repubblika ta’ l-Irlanda hija hawnhekk rikonoxxuta bħala operattiva għalkollox sa mid-9 ta' Lulju 2005.
Artikolu 2
Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 l-awtorità kompetenti se twettaq il-kontrolli xierqa kull sena biex tivverifika il-konformità minn dawk li jżommu l-annimali mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fi Brussell, nhar it-2 ta’ Awwissu 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni