Official Journal L 143 , 30/04/2004 P. 0046 - 0048
Ir-Regolament (KE) Nru 807/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 li jippreskrivi regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tar-retikolati trans-Ewropej IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 156 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2], Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni, Waqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Il-Grupp f'Livell Għoli tar-retikolat tat-trasport trans-Ewropew presedut mis-Sur Karel Van Miert wera tħassib li d-dewmien fit-taqsimiet bejn il-fruntieri ta' proġetti ta' prijorità fuq ir-retikolat tat-trasport trans-Ewropew (TEN) kien qed ikollu effett kuntrarju fuq il-profittabilità ta' l-investimenti magħmula mill-Istati Membri fit-taqsimiet fil-pajjiż tagħhom proprju, li kien qed iċaħħadhom mill-benefiċċji ta' l-iskala ta' l-ekonomiji, u rrakkomanda li r-rata ta' ffinanzjar tal-Komunità, għandha tiġi differenzata, skond il-benefiċċji ta' pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien, u enfasizza li dik il-modulazzjoni għandha fl-ewwel lok tibbenefika l-proġetti bejn il-fruntieri użati għal servizzi ta' trasport fuq distanzi twal. B'żieda, r-rata ta' ffinanzjar tal-Komunità għandha tkun differenzata skond il-limitu li għalih il-benefiċċji ekonomiċi tal-proġett jeċċedu l-profittabilità finanzjarja tiegħu. (2) Għal dan il-għan il-Grupp ta' Livell Għoli rrakkomanda rata għola ta' għajnuna tal-Komunità biex jippromwovi t-tlestija tal-konnessjonijiet bejn il-fruntieri għall-proġetti ta' prijorità u żied li l-impatt fuq il-baħit ta' dik il-bidla ikun limitat. Dan għandu jiġi implimentat waqt li wieħed iżomm f'moħħu l-ħtieġa li jiffoka r-riżorsi tat-TEN fuq proġetti prinċipali, waqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju kontinwat għal proġetti li m'humiex ta' prijorità. (3) Għandha tingħata l-possibbiltà li jitħarsu l-kommessi tal-budgit permezz ta' ħlasijiet rateali annwali, fil-waqt li dawn jiġu bbażati fuq kommessa globali u multiannwali legali. (4) Żieda temporanja fir-rata ta' l-għajnuna tal-Komunità tista' tipprovdi inċentiv għall-protagonisti li jħaffu u li jagħmlu effettiva l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' prijorità koperti b'dan ir-Regolament. (5) L-istabbiliment ta' sħubija bejn il-gvern u l-privat (jew forom oħra ta' koperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati) jitlob għal kommessa soda finanzjarja minn investituri istituzzjonali li tkun suffiċjentement attraenti li tiġbor kapital privat. L-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-Komunità fuq bażu multiannwali għandu jneħħi l-inċertezzi li qed jittardjaw l-iżvilupp tal-proġett. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri biex jingħata appoġġ finanzjarju lill-proġetti magħżula fuq il-bażi ta' kommessa multiannwali legali. (6) Il-konnessjonijiet bejn il-fruntieri bejn retikolati ta' enerġija hua importanti biex tiġi żgurata l-operazzjoni bla xkiel tas-suq intern, is-sigurtà tal-provvista u l-aqwa użu ta' l-infrastruttura ta' l-enerġija. Il-proġetti ta' prijorità fuq ir-retikolati ta' l-enerġija, li huma meħtieġa fl-interessi ta' l-ekonomija Ewropea iżda li ma humiex profittabbli f'termini tan-negozju li ma joħolqux tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi, għandhom ukoll jikkwalifikaw għal għajnuna finanzjarja għola. Din l-għajnuna hija fir-rigward ta' proġetti ta' prijorità ta' retikolati ta' l-enerġija. (7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 [4] għandu jiġi adattat biex jagħti kont tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [5]. (8) Ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 għandu għalhekk jiġi hekk emendat, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-regolament (KE) Nru 2236/95 huwa b'dan emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "3. Irrispettivament mill-forma ta' intervent magħżul, l-ammont totali ta' għajnuna tal-Komunità taħt dan ir-Regolament ma għandhiex teċċedi l-10 % tan-nefqa totali ta' l-investiment. Iżda, l-ammont totali ta' għajnuna tal-Komunità jista' eċċezzjonalment jilħaq l-20 % tan-nefqa totali ta' l-investiment fil-każi li ġejjin: (a) proġetti li jikkonċernaw l-ipposizzjonar ta' sistemi tas-satellita u tan-navigazzjoni, kif hemm provdut fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tar-retikolat tat-trasport trans-Ewropew [6]; (b) proġetti ta' prijorità ta' retikolati ta' l-enerġija; (ċ) it-taqsimiet tal-proġetti ta' interess Ewropew, sakemm il-proġetti jinbdew qabel l-2010, identifikati fl-Anness III li jinsab mad-Deċiżjoni Nru 1691/96/KE bil-mira li jiġu eliminati magħlaq u/jew il-mili ta' taqsimiet nieqsa, jekk dawk it-taqsimiet ikunu bejn il-fruntieri jew jaqsmu ostakoli naturali, u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq intern f'Komunità imkabbra, jippromwovu s-sigurezza, jiżġuraw l-interoperabilità tar-retikolati nazzjonali u/jew jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tnaqqis ta' l-isbilanċi bejn il-modi ta' trasport, favur il-modi l-aktar favorevoli għall-ambjent. Din ir-rata għandha tiġi differenzata skond il-benefiċċji ta' pajjiżi oħra, b'mod partikolari Stati Membri ġirien." (b) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied: "5. Fil-każ tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 3, fil-limiti ta' dan ir-Regolament, il-kommessa legali għandha tkun multiannwali u l-kommessi tal-baġit għandhom jitħarsu fi ħlasijiet rateali annwali."; 2. fl-Artikolu 13 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: "4. Jekk, 10 snin wara li tkun ingħatat l-għajnuna finanzjarja, l-operazzjoni in kwistjon tkun għada ma tlestiex, il-Kummissjoni tista' titlob rimborż ta' l-għajnuna imħallsa, b'kont debitu għall-prinċipju tal-proporzjonalità, u wara li jingħata kont tal-fatturi kollha relevanti."; 3. L-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: 1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. 2. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Il-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jaħtar rappresentant fil-kumitat li ma għandux jivvota. 3. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jippreskrivi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tas-setgħat konferiti fuq il-Kumissjoni [7] għandhom jgħoddu, wara li jingħata kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu. Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat bħala wieħed ta' tlett xhur. 4. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura." 4. fl-Artikolu 18, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:"L-allokazzjoni ta' fondi għandha tkun marbuta mal-livel kwalitattiv u kwantitattiv ta' l-implimentazzjoni." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Strasbourg, 21.04.04. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President D. Roche [1] ĠU C 75 E, tas-26.3.2002, p. 316 u ĠU C 151 E, tal-25.6.2002, p. 291. [2] ĠU C 125, tas-27.5.2002, p. 13. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2002 (ĠU C 271 E, tat-12.11.2003, p. 163), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2004 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Marzu 2004 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [4] ĠU L 228, tat-23.9.1995, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1655/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, tad-29.7.1999, p. 1). [5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [6] ĠU L 228, tad-9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE (ĠU L 185, tas-6.7.2001, p. 1). [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. --------------------------------------------------