5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

36


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/86/KE

tal-5 ta' Lulju 2004

li temenda, għall-għanijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 93/93/KEE dwar il-mases u d-dimensjonijiet ta’ vetturi tal-mutur b’żewġ jew tliet roti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Konformi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 93/93/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar il-mases u d-dimensjonijiet ta’ vetturi tal-mutur b’żewġ jew tliet roti (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3 ta’ dan,

Konformi mad-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2002 relatati ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-mutur b’żewġ jew tliet roti u r-revoka tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (2) u b’mod partikulari l-Artikolu 17 ta’ dan,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 93/93/KEE hija waħda mid-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura tal-Komunità għall-approvazzjoni tat-tip taħt id-Direttiva 2002/24/KE. Il-provvedimenti tad-Direttiva 2002/24/KE li huma relatati mas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati għall-vetturi għalhekk japplikaw għad-Direttiva 93/93/KEE.

(2)

Sabiex ikun possibbli li s-sistema sħiħa ta’ l-approvazzjoni tat-tip tiffunzjona kif suppost, huwa neċessarju li jkunu ċċarati u ssupplementati ċerti ħtiġijiet fid-Direttiva 93/93/KEE.

(3)

Għal dak il-għan, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li l-mases ta’ sovrastrutturi li jistgħu jitpartu għall-kwadriċikli tal-kategoriji L6e u L7e, intenzjonati għat-trasportazzjoni ta’ l-oġġetti, għandhom jitqiesu bħala parti mit-tagħbija li tinġarr bi ħlas pjuttost milli jkunu inklużi fil-massa li mhix mgħobbija.

(4)

Għalhekk id-Direttiva 93/93/KEE għandha tkun emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri li hemm provvediment għalihom f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku mwaqqaf taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness għad-Direttiva 93/93/KEE huwa emendat f’konformità ma’ l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, fil-każ ta’ vetturi tal-mutur b’żewġ jew tliet roti li l-mases u d-dimensjonijiet tagħhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet tad-Direttiva 93/93/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet relatati mal-mases u d-dimensjonijiet:

a)

jirrifjutaw li jipprovdu lil tali vettura l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali; jew

b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ tali vettura.

2.   B’effett mill-1 ta’ July 2005, jekk il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 93/93/KEE, kif emendati b’din id-Direttiva, ma jiġux sodisfatti għal kwalunkwe tip ġdid ta’ vettura tal-mutur b’żewġ jew tliet roti, minħabba l-mases jew id-dimensjonijiet tagħha, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jipprovdu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u l-provvedimenti amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-31 ta’ Diċembru 2004. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-provvedimenti u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk il-provvedimenti u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-provvedimenti, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-provvedimenti ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar il-5 ta' Lulju 2004.

Għall-Kummissjoni

Erkki LIIKANEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   OJ L 311, 14.12.1993, p. 76.

(2)   OJ L 124, 9.5.2002, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/77/KE (OJ L 211, 21.8.2003, p. 24).


ANNESS

Punt 1.5. ta’ l-Anness għad-Direttiva 93/93/KEE huwa sostitwit minn dan li ġej:

1.5.   massa li mhix mgħobbija tfisser il-massa ta’ vettura li hija lesta għall-użu normali u mgħammra b’dan il-mod:

tagħmir miżjud li hu meħtieġ biss għall-użu normali li qed jiġi kkunsidrat,

tagħmir elettriku komplet, li jinkludi l-apparati tat-turija tad-dawl u s-sinjali bid-dawl ipprovduti mill-manifattur,

strumenti u apparati meħtieġa mil-liġijiet li għalihom tkejlet il-massa li mhix mgħobbija,

l-ammonti adattati ta’ likwidi sabiex jiżguraw l-operat tajjeb ta’ kull parti tal-vettura.

1.5.1.   Fil-każ ta’ vetturi tal-kategoriji L6e u L7e intenzjonati għall-ġarr ta’ l-oġġetti u mfasslin biex ikunu mgħammra b’sovrastrutturi li jistgħu jitpartu, il-massa totali ta’ dawn is-sovrastrutturi m’għandhiex titqies fil-kalkolu tal-massa li mhix mgħobbija u għandhom jitqiesu bħala parti mit-tagħbija li tinġarr bi ħlas.

F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet miżjuda li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti:

a)

it-tip bażiku tal-vettura (il-kabina tax-xasi), li fuqu huma mfasslin biex ikunu mpoġġija s-sovrastrutturi msemmija hawn fuq, għandhom jissodisfaw il-preskrizzjonijiet kollha stabbiliti għall-kwadriċikli tal-kategorija L6e u L7e għat-trasportazzjoni ta’ l-oġġetti, (li jinkludu l-limitu ta’ 350 kg ta’ massa mhix mgħobbija għall-vetturi tal-kategorija L6e u l-limitu ta’ 550 kg ta’ massa mhix mgħobbija għall-vetturi tal-kategorija L7e);

b)

sovrastruttura titqies li tista’ titpartat jekk tista’ titneħħa faċilment mill-kabina tax-xasi mingħajr użu ta’ għodda;

c)

sa fejn jikkonċerna s-sovrastruttura, il-manifattur tal-vettura għandu jipprovdi fid-dokument ta’ l-informazzjoni, li tiegħu hemm mudell f’Anness II għad-Direttiva 2002/24/KE, id-dimensjonijiet massimi li huma permessi, il-massa, il-limiti għall-pożizzjoni taċ-ċentru tal-gravità u tpinġija bil-pożizzjoni ta’ l-apparati tat-twaħħil.

NB: il-fjuwil u t-taħlita ta’ fjuwil u żejt mhumiex inklużi fil-qies, iżda komponenti bħal ma huma l-aċidu tal-batterija, il-fluwidu idrawliku, il-likwidu għat-tkessiħ u ż-żejt tal-magna għandhom jiġu inklużi”.