30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

152


L-AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/552/PESK

tat-12 ta' Lulju 2004

dwar aspetti ta' l-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw s-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali, l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru /2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għall-amministrazzjoni tal-programmi Ewropej tar-radju-navigazzjoni bis-satellita (1) stabbilixxa aġenzija Komunitarja, msejħa l-Awtorità Ewropea għas-Sorveljanza GNSS (SA).

(2)

Dak ir-Regolament jipprovdi li l-SA, inter alia, tamministra l-aspetti kollha li għandhom x'jaqsmu mas-salvagwardja u s-sigurtà tas-sistema, mingħajr preġudizzju għal aspetti relatati mas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(3)

Jipprovdi wkoll li l-SA tkun l-awtorità tal-liċenzji għad-detentur tal-konċessjoni privata, li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta' l-operazzjoni tas-sistema, u li, permezz tal-ftehim dwar il-konċessjoni mal-SA, ikun obbligat iwettaq kwalunkwe istruzzjoni mill-Kunsill skond din l-Azzjoni Konġunta.

(4)

F'sitwazzjonijiet fejn l-operazzjoni tas-sistema tista' taffetwa s-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Istati Membri tagħha, l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa li għandhom jittieħdu.

(5)

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Esterna u ta' Sigurta Komuni (SĠ/RGħ), għandu, għall-finijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta, jkollu s-setgħa li jieħu l-miżuri meħtieġa f'każijiet ta' urġenza, u għandu jkun f'pożizzjoni li jiżgura sorveljanza permanenti ta' l-operazzjoni tas-sistema,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1321/2004, din l-Azzjoni Konġunta tistabbilixxi r-responsabbiltajiet li għandu jeżerċita l-Kunsill f'każijiet fejn s-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Istati Membri tagħha tista' tiġi affetwata mill-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radju-navigazzjoni bis-satellita (minn issa 'l quddiem msejjħa “is-sistema”).

Artikolu 2

1.   Fil-każ ta' theddida għas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' xi Stat Membru li tirriżulta mill-operazzjoni jew l-użu tas-sistema, jew fil-każ ta' theddida lill-operazzjoni tas-sistema, b'mod partikolari bħala riżultat ta' kriżi internazzjonali, il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament, għandu jiddeċiedi dwar l-istruzzjonijiet meħtieġa għall-Awtorità ta' Sorveljanza Ewropea GNSS (SA) u għall-konċessjonarju tas-sistema. Kull Membru tal-Kunsill, is-SĠ/RGħ jew il-Kummissjoni jista' jitlob diskussjoni tal-Kunsill biex ikun hemm ftehim dwar dawn l-istruzzjonijiet.

2.   Il-Kunsill għandu, jekk dan ikun prattiku, jitlob parir mill-SA dwar l-impatt iktar wiesa' probabbli fuq is-sistema Galileo ta' l-istruzzjonijiet li għandu l-ħsieb li jiddeċiedi dwarhom.

3.   Il-Kumitat ta' Politika u Sigurtà għandu jagħti opinjoni lill-Kunsill kif ikun xieraq.

Artikolu 3

1.   F'każijiet eċċezzjonali, fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni hija tali li tirrikjedi azzjoni immedjata, il-SĠ/RGħ hu awtorizzat li joħroġ l-istruzzjonijiet meħtieġa msemmija fl-Artikolu 2(1). Is-SĠ/RGħ għandu minnufih jgħarraf lill-Kunsill u l-Kummissjoni b'kull istruzzjoni maħruġa skond dan l-Artikolu.

2.   Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jimmodifika l-istruzzjonijiet kif meħtieġ.

Artikolu 4

Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament, jirrevedi u jirfina kif meħtieġ ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' din l-Azzjoni Konġunta fid-dawl ta' l-iżvilupp tas-sistema Ewropea tar-radju-navigazzjoni bis-satellita. F'dak il-kuntest, il-Kunsill, b'mod partikolari, jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' theddida għas-sigurta' ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat Membru, partikolarment fejn ir-riċevituri PRS jintilfu, jintużaw ħazin jew jiġu kompromessi; hu jispeċifika wkoll kif jista' jipprovdi lill-SA bl-istruzzjonijiet meħtieġa għal kwistjonijiet kollha li jista' jkollhom impatt fuq is-sigurt à ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)  ara Paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.