32004D0329



Official Journal L 104 , 08/04/2004 P. 0133 - 0134


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-6 ta’ April 2004

li tipprovdi għall-marketing temporanju ta’ ċerti żrieragħ ta’ l-ispeċi Glycine max li ma jkunux jilħqu l-kriterji tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 1258)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/329/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropa,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ taż-żejt u ta’ pjanti tal-fibra [1], u l-aktar l-Artikolu 21(1) tagħha,

Billi:

(1) Fl-Italja, il-kwantità disponibbli ta’ żerriegħa tas-soja (Glycine max) li hija tajba għall-kondizzjonijiet klimatiċi tal-pajjiż u li tilħaq il-kriterji tal-kapaċità tal-ġelbin msemmija fid-Direttiva 2002/57/KE mhix waħda tajba, u għalhekk mhix tajba biex tilħaq il-ħtiġiet ta’ dak l-Istat Membru.

(2) Mhuwiex possibbli li tintlaħaq b’mod tajjeb id-domanda għaż-żerriegħa ta’ din l-ispeċi billi tinġieb żerriegħa minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi li jkunu jilħqu l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2002/57/KE.

(3) B’mod xieraq, l-Italja għandha tkun awtorizzata li tħalli t-tpoġġija fis-suq ta’ żerriegħa ta’ din l-ispeċi, waqt li din tkun tiddependi minn kriterji inqas stretti għal perjodu li jintemm fil-15 ta’ Ġunju 2004.

(4) Barra minn hekk, Stati Membri oħra, minkejja jekk iż-żerriegħa tkunx inħasdet fi Stat Membru jew f’pajjiżi terzi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-ekwivalenza ta’ spezzjonijiet fuq il-post li jsiru f’pajjiżi terzi fuq ħxejjex li jipproduċu ż-żerriegħa u fuq l-ekwivalenza taż-żerriegħa li tiġi prodotta f’pajjiżi terzi [2] li jkunu jistgħu jipprovdu lill-Italja b’żerriegħa ta’ dik l-ispeċi, għandhom ikunu awtorizzati li jħallu t-tpoġġija fis-suq ta’ din iż-żerriegħa.

(5) Ikun xieraq li l-Italja taġixxi bħala koordinatur biex ikun żgurat li l-ammont sħiħ ta’ żerriegħa awtorizzat fi qbil ma’ din id-Deċiżjoni ma jkunx aktar mill-ogħla kwantità koperta b’din id-Deċiżjoni.

(6) Il-miżuri li hemm f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq Iż-Żrieragħ u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Foresti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

L- Artikolu 1

Il-marketing fil-Komunità taż-żerriegħa tas-sojja (Glycine max) li ma tkunx tilħaq il-kriterji minimi tal-kapaċità tal-ġelbin stabbiliti fid-Direttiva 2002/57/KE għandha tkun awtorizzata, għal perjodu li jintemm fil-15 ta’ Ġunju 2004, fi qbil mat-termini stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kapaċità tal-ġelbin għandha tkun mill-inqas dik stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni;

(b) it-tikketta uffiċjali għandha tiddikjara l-ġelbin li jkun ġie stabbilit fl-eżami uffiċjali li jkun sar fi qbil ma’ l-Artiklu 2(1)(f) u (ġ) tad-Direttiva 2002/57/KE;

(ċ) iż-żerriegħa għandha tkun tpoġġiet l-ewwel fis-suq fi qbil ma’ l-Artiklu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

L- Artikolu 2

Kull fornitur li jkun jixtieq ipoġġi fis-suq iż-żerriegħa msemmija fl-Artiklu 1, għandu japplika għall-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru li fih huwa jkun stabbilit jew qed jimporta.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza lill-fornitur biex dan ipoġġi dik iż-żerrieġħa fis-suq, kemm-il darba:

(a) ikun hemm prova biżżejjed biex wieħed jiddubita dwar jekk il-fornitur jistax ipoġġi fis-suq l-ammont ta’ żerriegħa li għaliha jkun applika għall-awtorizzazzjoni; jew

(b) il-kwantità sħiħa awtorizzata li titpoġġa fis-suq skond id-deroga kkonċernata tkun tista’ taqbeż l-ogħla kwantità speċifikata fl-Anness.

L- Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin amministrattivament fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Italja għandha taġixxi bħala Stat Membru koordinatur dwar l-Artiklu 1 biex tiżgura li l-ammont sħiħ awtorizzat ma jkunx aktar mill-ogħla kwantità speċifikata fl-Anness.

Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni taħt l-Artiklu 2 għandu javża minnufih lill-Istat Membru koordinatur dwar l-ammont kopert bl-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lill-Istat Membru li qed javża dwar jekk l-awtorizzazzjoni twassalx biex l-ogħla kwantità tinqabiżx.

L- Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-kwantitajiet li dwarhom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għall-marketing, fi qbil ma’ din id-Deċiżjoni.

L- Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta’ April 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 193, ta’ l-20.7.2002, p. 74. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/61/KE.

[2] ĠU L 8, ta’ l-14.1.2003, p. 10. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/403/KE (ĠU L 141 tas-7.6.2003 p. 23.)

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Speċi: | Tip ta’ varjetaà | L-ogħla kwantità (tunnellati) | Ġelbin minimu (% ta’ żerriegħa pura) |

Glycine max | (klassi ta’ maturità: tan-nofs tardiv) Dekabig, Zen, Atlantic, Lory, Lynda, Magnum, Mira | 2250 | 75 |

(klassi ta’ maturità: tal-bidu) Yoda | 250 |

--------------------------------------------------