Official Journal L 099 , 03/04/2004 P. 0009 - 0010
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 mal-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jiddefinixxi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2008 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea fuq is-sajd 'l barra mill-kosta tal-Guinea (2004/305/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 flimkien ma' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tal-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea fuq is-sajd 'l barra mill-kosta tal-Guinea [1], iż-żewġ Partijiet mexxew negozjati biex jistabbilixxu kwalunkwe emendi jew żidiet li kellhom jiġu magħmula lill-Ftehim fl-aħħar tal-perjodu ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll anness miegħu. (2) Fl-aħħar ta' dawk in-negozjati, Protokoll ġdid kien inizjat fis-27 ta' Ġunju 2003. (3) Il-Protokoll joffri lis-sajjieda tal-Komunità opportunitajiet ta' sajd fl-ibħra taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tal-Guinea għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2008. (4) Sabiex jiggarantixxi l-kontinwità ta' l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-Komunità, il-Protokoll il-ġdid għandu jiġi approvat malajr kemm jista' jkun. Għal dan il-għan, iż-żewġ partijiet inizjaw il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll inizjat mill-1ta' Jannar 2004. (5) Il-metodu kif jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi definit fuq il-bażi ta' l-allokazzjoni tradizzjonali ta' l-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Ftehim fuq is-Sajd. (6) Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri għandu jiġi approvat, bla ħsara għall-konklużjoni definittiva tiegħu mill-Kunsill, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jiddefinixxi, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31ta' Diċembru 2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea fuq is-sajd 'l barra mill-kosta tal-Guinea huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 1. L-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll għall-2004 għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej: (a) ex Osteichthyes/ċefalopodi: - Spanja: 844 tunnellata metrika gross reġistratri (TGR) - l-Italja: 750 tunnellata metrika gross reġistratri (TGR) - Greċja: 906 tunnellati metriċi gross reġistratri (TGR); (b) sajd għall-gambli: - Spanja: 1050 tunnellata metrika gross reġistratri (TGR) - Portugal: 300 tunnellata metrika gross reġistratri (TGR) - Greċja: 150 tunnellata metrika gross reġistratri (TGR); (ċ) sajd għat-tonn bit-tartarun: - Franza: 17-il bastiment - Spanja: 17-il bastiment; (d) bastimenti tat-tonn tal-pol u l-ħabel: - Franza: 7 bastimenti - Spanja: 7 bastimenti; (e) dgħajjes tat-tkarkir tal-wiċċ: - Spanja: 8 - Portugal: 1. 2. Jekk l-applikazzjonijiet minn dawn l-Istati Membri ma jkunux ikopru l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti mill-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tieħu in konsiderazzjoni applikazzjonijiet għall-liċenza minn kwalunkwe Stat Membru ieħor. Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat biex jinnomina il-persuna/i bil-poter li jiffirma/w il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri biex b'hekk jorbtu l-Komunità. Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Marzu 2004. F'isem il-Kunsill Il-President J. Walsh [1] ĠU L 111, 27.04.1983, p. 1. --------------------------------------------------