Official Journal L 081 , 19/03/2004 P. 0035 - 0036
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2004 li għandha x'taqsam mal-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini ta' l-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (2004/259/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, flimkien ma' l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sottoparagrafu u ma' l-Artikolu 300(3), l-ewwel sottoparagrafu tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2], Wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni, Billi: (1) Il-promozzjoni tal-miżuri f'livell internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-problemi ambjentali reġjonali jew ta' madwar id-dinja hi waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent,bi qbil ma' l-Artikolu 174 tat-Trattat. (2) Il-Komunità iffirmat f'Aarhus fl-24 ta' Ġunju 1998 il-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' l-1979 dwar Tniġġiż Transkonfini ta' l-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ il-Protokoll). (3) L-għanjiet tal-Protokoll huma li jikkontrolla, inaqqas jew jelimina r-remi, l-emissjonijiet u t-telf ta' pollutanti organiċi persistenti li jikkawżaw effetti ta' ħsara sinjifikanti fuq is-saħħa umana jew fuq l-ambjent bħala riżultat tat-trasport atmosferiku transkonfini tagħhom li jwassal ħafna. (4) Il-Protokoll jistipula, bi prinċipju, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ul-użu ta' tlettax-il sustanza meqjusa bħala pollutanti organiċi persistenti. Barra minn hekk, il-Partijiet iridu jieħdu miżuri effettivi biex inaqqsu jew jistabilixxu l-emissjonijiet totali annwali ta' ċerti sustanzi. (5) Il-Protokoll hu miftuħ għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni, għall-approvazzjoni jew għall-adeżjoni mill-Istati u mill-Partijiet ta' l-organizzazzjonijiet dwar l-integrazzjoni ekonomika reġjonali għall-Konvenzjoni. (6) Billi l-maġġior parti tad-disposizzjonijiet tal-Protokoll għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-ambjent u mal-protezzjoni tas-saħħa umana, huwa xieraq li jintgħażel l-Artikolu 175(1) bħala l-bażi legali, flimkiem ma' l-Artikolu 300. (7) Il-Protokoll jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-polza ambjentali tal-Komunità. Hu għalhekk xieraq li l-Komunità tapprova dan il-Protokoll malajr kemm jista' jkun. (8) Il-Komunità diġà addottat strumenti li jkopru materji irregolatibil-Protokoll, inkluż id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE tal-21ta' Diċembru 1978 li tipprojbixxi it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu ċerti sustanzi attivi [3], u 96/59/KE tas-16 ta' Settembru 1996 dwar id-disposizzjoni ta' polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (PCB/PCT) [4], IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' l-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini ta' l-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti, hu hawnhekk approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Protokoll hu anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat sabiex jinnomina persuna(i)i bil-poter li jiddepożitaw l-istrument ta' l-approvazzjoni f'isem il-Komunità mas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod konform ma' l-Artikolu 16 tal-Protokoll. Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Frar 2004. F'isem il-Kunsill Il-President M. McDowell [1] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' Novembru 2003 (għada m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). [2] Opinjoni mogħtija fid-29 ta' Ottubru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 243, ta' l-24.9.1996, p. 31. [4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36). --------------------------------------------------