32003R0359



Official Journal L 053 , 28/02/2003 P. 0017 - 0017


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 359/2003

tas-27 ta’ Frar 2003

jemenda Regolament (KE) Nru 2771/1999 li jniżżel regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-intervent fis-suq tal-butir u l-krema

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organiżżazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib [1], kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2002 [2], u speċjalment l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1) It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jipprovdi li għajnuna għall-ħażna privata tal-butir tista’ tiġi miżjuda f’każijiet fejn, meta ssir it-tneħħija mill-ħażna, bidla avversa u imprevvista fiż-żmien tad-dħul fil-ħażna tkun ġrat fis-suq.

(2) Biex jimplimenta din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2771/1999 [3], kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 1614/2001 [4], jipprovdi li, bla ħsara għal ċerta kondizzjonijiet, l-għajnuna għandha tkun miżjuda jew imnaqqsa jekk il-prezz massimu tax-xiri għall-ħażna iffissat permezz ta’ sejħa għal offerti għal xogħol bl-appalt imfisser bil-euro jew, għall-pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-munita waħdanija, bil-munita nazzjonali ma jkunx l-istess fl-aħħar ġurnata tal-perjodu tal-kuntratt bħal ma kien fil-bidu.

(3) Peress li riduzzjonijiet fil-prezzijiet ta’ intervent digà huma ffissati sa’ l-2007 permezz ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, riduzzjonijiet fil-prezz massimu tax-xiri għall-ħażna u fil-prezz tas-suq huma prevedibbli.

(4) Mingħajr preġudizzju għall-poter tal-Kummissjoni, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, biex tiżdied l-għajnuna għall-ħażna privata tal-butir meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) huma ssodisfati, paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 2771/1999 għandhom jkunu mħassra.

(5) Regolament (KE) Nru 2771/1999 għandu jkun emendat skond dan.

(6) Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u Prodotti tal-Ħalib ma tax l-opinjoni tiegħu fil-limitu ta’ żmien imwaqqaf mill-President,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 38(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 2771/1999 huma hawnhekk imħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Frar 2003.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48.

[2] ĠU L 79, tat-22.3.2002, p. 15.

[3] ĠU L 333, ta’ l-24.12.1999, p. 11.

[4] ĠU L 214, tat-8.8.2001, p. 20.

--------------------------------------------------