Official Journal L 023 , 28/01/2003 P. 0030 - 0030
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2003 li temenda d-Deċiżjoni 2000/258/KE li tinnomina istitut speċifiku responsabbli għat-twaqqif ta’ kriterji meħtieġa sabiex ikunu standardizzati t-testijiet seroloġiċi biex jimmonitorjaw it-tilqim kontra l-idrofobija, fir-rigward ta’ l-approvazzjoni tal-laboratorji f’pajjiżi terzi. (notifikata bid-dokument numru K(2003) 325) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2003/60/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE, ta’ l-20 ta’ Marzu 2000, li tinnomina istitut speċifiku responsabbli għall-istabbiliment ta’ kriterji meħtieġa sabiex ikunu standardizzati t-testijiet seroloġiċi biex jimmonitorjaw it-tilqim kontra l-idrofobija [1], u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, Billi: (1) Afssa Nancy huwa l-laboratorju ta’ referenza għal testijiet seroloġiċi għal wara t-tilqim kontra l-idrofobija u huwa responsabbli mill-organizzazzjoni tat-test inter-laboratorju ta’ dispożizzjoni għall-approvazzjoni ta’ laboratorji li jixtiequ jwettqu dawk it-testijiet seroloġiċi. (2) Afssa Nancy ippropona lill-Kummissjoni li laboratorji f’pajjiżi terzi li għaddew mit-test ta’ profiċjenza għandhom ikunu approvati. (3) Huwa għalhekk meħtieġ li ssir proċedura għall-komunikazzjoni ta’ l-approvazzjoni ta’ laboratorji f’pajjiżi terzi. (4) Id-Deċiżjoni Nru 2000/258/KE għandha tkun emendata skond dan. (5) Il-miżuri msemmija f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2000/258/KEE, il-ħames inċiż huwa mibdul b’dan li ġej: "— jikkollaboraw mal-laboratorji responsabbli li jwettqu dawn l-analiżi f’pajjiżi terzi u jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-lista ta’ dawn il-laboratorji li għaddew mit-test inter-laboratorju ta’ dispożizzjoni (test ta’ profiċjenza). Dawn il-listi se jkunu pubblikati fuq il-website li ġej: http://forum.europa.eu.int/Public/irc/sanco/vets/information" . Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, l-24 ta' Jannar 2003. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 79, tat-30.3.2000, p. 40. --------------------------------------------------