Official Journal L 277 , 15/10/2002 P. 0010 - 0014
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem "Feta" (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-ħarsien ta’ indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2796/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 17 tiegħu, Billi: (1) Taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, fil-21 ta’ Jannar 1994 l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ l-isem "Feta" għal tip ta’ ġobon. (2) L-isem "Feta" kien reġistrat bħala denominazzjoni protetta ta’ oriġini taħt ir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini preskritti fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 546/2002 [4]. (3) Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża wara bdew azzjoni biex dik ir-reġistrazzjoni tiġi mħassra taħt l-Artikolu 230 tat-Trattat. (4) Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 1999 dwar Każijiet Magħquda C-289/96, C-293/96 u C-299/96, il-Qorti tal-Ġustizzja parzjalment ħassret ir-Regolament (KE) Nru 1107/96 sa fejn din irreġistrat l-isem "Feta" bħala denominazzjoni protetta ta’ oriġini. Il-Qorti kkunsidrat li l-Kummissjoni "ma ħaditx kont xieraq tal-fatturi kollha li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku kien jeħtieġilha li tieħu konsiderazzjoni tagħhom", filwaqt li enfasizzat partikolarment li l-Kummissjoni ma tatx attenzjoni biżżejjed għas-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri. (5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1070/1999 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 [5] għalhekk ħassar l-isem "Feta" mill-Anness imsemmi u mir-reġistru ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. (6) Wara, fil-15 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet lil kull Stat Membru kwestjonarju dettaljat maħsub li jipprovdi stampa aġġornata u eżawrjenti tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha dwar il-produzzjoni u l-konsum ta’ "Feta" u l-għarfien tat-terminu li jistqarru l-konsumaturi fil-Komunità. (7) Rigward il-produzzjoni tal-ġobon "Feta", l-Istati Membri ġew mistoqsija jiddeskrivu s-sitwazzjoni dwar il-fatturi li ġejjin: l-eżistenza ta’ regoli nazzjonali jew prattiċi speċifiċi kodifikati, il-kondizzjonijiet li fihom bdiet il-produzzjoni (partikolarment l-għanijiet imfittxa, jekk l-inizjattiva kenitx privata jew pubblika, is-swieq u l-profil tal-konsumatur immirat), il-kwantitajiet prodotti kull sena, id-destinazzjoni finali tal-prodott, u l-ismijiet eżatti tal-marki tal-fabbrika rilevanti li jkunu ntużaw. (8) Dwar il-konsum tal-ġobon "Feta", l-Istati Membri ġew mistoqsija jiddeskrivu s-sitwazzjoni dwar il-fatturi li ġejjin: jekk jeżistux regoli dwar il-marketing ta’ dan il-ġobon, il-kwantitajiet ikkunsmati kull sena, l-oriġini ġeografika tal-ġobon ikkunsmat, u t-tikketti speċifiċi preżenti fis-suq. (9) Rigward l-għarfien mill-konsumatur ta’ l-isem "Feta", l-Istati Membri ġew mistoqsija jiddeskrivu s-sitwazzjoni dwar il-fatturi li ġejjin: definizzjonijiet ta’ dan it-terminu, partikolarment in ġenerali f’xogħlijiet bħal dizzjunarji u enċiklopediji, studji jew stħarriġ demoskopiċi rilevanti, u kull informazzjoni oħra addizzjonali. (10) Il-Kummissjoni ħejjiet fil-qosor l-informazzjoni kollha li rċeviet skond kull Stat Membru, u l-Istati Membri wara għamlu numru ta’ korrezzjonijiet u emendi. (11) L-informazzjoni turi li fi 12-il Stat Membru l-produzzjoni tal-ġobon "Feta" mhix regolata minn regoli speċifiċi li jippreskrivu definizzjonijiet preċiżi ta’ kwalità, metodi ta’ produzzjoni jew, fejn jgħodd, żoni ġeografiċi ta’ produzzjoni. Fil-Greċja, il-prattiċi tal-produzzjoni tal-ġobon "Feta" ġew kodifikati b’mod dejjem aktar speċifiku mill-1935, u d-definizzjoni taż-żona ġeografika ta’ produzzjoni, tradizzjonalment ibbażata fuq prattiċi konsistenti u ekwi, ġiet protetta fl-1988. Leġislazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jitħarsu fil-produzzjoni tal-ġobon "Feta" kienet teżisti fid-Danimarka sa mill-1963, u kienet fis-seħħ fl-Olanda bejn l-1981 u l-1998. Għandu jiġi nnotat ukoll li t-terminu "Feta" jidher fir-regoli tal-Komunità dwar rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib u n-nomenklatura doganali magħquda. Dawn ir-regoli jirrelataw għal affarijiet tad-dwana biss u la jfittxu li jinterpretaw l-opinjoni tal-konsumatur u lanqas li jirregolaw drittjiet ta’ proprjetà industrijali, u lanqas ma għandhom xi effett fuq l-isem li bih isir il-marketing tal-ġobon, li jiddependi biss fuq konsiderazzjonijiet relatati ma’ l-istennijiet tal-konsumatur fid-diversi pajjiżi destinatarji kkonċernati. (12) Il-produzzjoni tal-ġobon "Feta", kif definita fin-nomenklatura doganali magħquda, ma teżistix fil-Lussemburgu u l-Portugall. Hija, jew kienet, statistikament u ekonomikament marġinali jew sporadika f’disa’ Stati Membri oħrajn: l-Italja, il-Belġju, il-Finlandja, l-Awstrija, l-Irlanda, l-Isvezja, ir-Renju Unit, l-Olanda u Spanja. (13) Madankollu, il-produzzjoni tal-ġobon "Feta" nstab li kienet sostanzjali f’erba’ Stati Membri. Il-Greċja ilha tipproduċi l-ġobon "Feta" minn żminijiet il-qedem, kważi esklussivament għas-suq Grieg. L-istatistiċi uffiċjali li jmorru lura sa l-1931 jindikaw produzzjoni ta’ 25000 tunnellati metriċi, u l-produzzjoni issa laħqet madwar l-115000 tunnellata metrika fis-sena. Fil-Greċja, il-ġobon bid-denominazzjoni "Feta" huwa magħmul biss mill-ħalib tan-nagħaġ jew minn taħlita tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż. (14) Id-Danimarka ilha tipproduċi l-ġobon "Feta" mis-snin 1930, kważi esklussivament għall-esportazzjoni. M’hemmx data qabel l-1967, meta ġew prodotti 133 tunnellati metriċi. Il-produzzjoni qabżet l-1000 tunnellata fl-1971 u meta l-Komunità bdiet tagħti rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ġobon "Feta" fl-1975, il-produzzjoni żdiedet bil-kbir, minn 9868 tunnellata metrika fl-1975 sa massimu ta’ 110932 tunnellata metrika fl-1989. Mill-1995, il-produzzjoni naqset regolarment, u ammontat biss għal 27640 tunnellata metrika fl-1998, il-biċċa l-kbira minħabba tnaqqis fid-domanda minn pajjiżi terzi u t-tnaqqis ftit ftit fir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ dan it-tip ta’ ġobon. Il-produzzjoni Daniża hija kważi esklussivament mill-ħalib tal-baqra. (15) Franza bdiet tipproduċi l-ġobon "Feta" mill-1931. Ma hemm ebda data qabel l-1980, meta ġew prodotti 875 tunnellati metriċi. Mill-1988 sal-1998 il-produzzjoni varjat bejn 7960 tunnellata metrika u 19964 tunnellata metrika. Waqt li oriġinarjament kien isir biex jilqa’ d-domanda tal-komunitajiet Armeni u Griegi ta’ Franza, il-ġobon "Feta" issa huwa prodott għall-esportazzjoni, b’medja ta’ 77,5 % tal-produzzjoni sejra lejn l-Istati Membri l-oħrajn u l-bqija tad-dinja. Il-produzzjoni Franċiża hija prinċipalment ibbażata fuq l-użu tal-ħalib tan-nagħaġ, u xi ftit ukoll tal-ħalib tal-baqra. (16) Il-Ġermanja ilha tipproduċi l-ġobon "Feta" mill-1972 (meta ġiet irreġistrata produzzjoni ta’ 78 tunnellata metrika). Fl-1977 il-produzzjoni qabżet il-5000 tunnellata metrika, kemm kemm qabżet il-15000 tunnellata metrika fl-1980 u laħqet l-24000 tunnellata metrika fl-1985 u minn dak iż-żmien varjat bejn 19757 u 39201 tunnellata metrika. Oriġinarjament, l-uniku suq kien il-komunitajiet immigrati Balkani fil-Ġermanja, iżda l-esportazzjonijiet żviluppaw bil-mod il-mod lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani (l-aktar minħabba r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni) u lejn Stati Membri oħrajn. Il-produzzjoni Ġermaniża tuża kważi esklussivament il-ħalib tal-baqra. (17) Għandu jiġi osservat li dawn il-figuri, li huma bbażati fuq data mogħtija mill-Istati Membri dwar il-produzzjoni tagħhom, għandhom jiġu tratati biss bħala indikattivi minħabba n-nuqqas ta’ qafas leġislattiv speċifiku fi kważi l-Istati Membri kollha, flimkien mad-definizzjoni verament ġenerali tat-terminu "Feta" fin-nomenklatura doganali magħquda, kultant twassal għal stimi li jkunu x’aktarx bejn wieħed u ieħor, u l-paraguni trasversali ta’ risposti jipproduċu data statistikament diversi. Ċertament, ħafna Stati Membri jsibuha diffiċli biex jagħmlu distinzjoni bejn il-produzzjoni domestika u esportazzjoni mill-ġdid, li tista’ tkabbar il-figuri fejn ma jkunx il-każ. (18) Rigward il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-konsum tal-ġobon "Feta", bħala regola ġenerali japplikaw biss id-disposizzjonijiet ġenerali tal-Komunità u dawk nazzjonali dwar ġbejjen in ġenerali, għall-marketing, preżentazzjoni u tikkettjar. Il-Greċja u d-Danimarka biss għandhom leġislazzjoni speċifika dettaljata dwar dawn l-aspetti, filwaqt li l-Awstrija tillimita l-isem "Feta" għall-użu ta’ prodotti Griegi, permezz tal-ftehim bilaterali tagħha tal-1971 mal-Greċja. (19) Rigward il-volum tal-konsum tal-ġobon "Feta" fil-Komunità, analiżi tar-risposti mogħtija mill-Istati Membri turi li stima wiesgħa kkalkolata bl-addizzjoni tal-kwantitajiet tal-ġobon "Feta" prodotti u importati, u bit-tnaqqis tal-kwantitajiet esportati, irriżultat mhux adegwata f’xi każijiet u wasslet ukoll għal riżultati anomali f’oħrajn: minħabba li huwa impossibbli biex isir kont tal-ħażniet eżistenti, tal-kwantitajiet esportati mill-ġdid u ta’ fatturi oħrajn, il-kalkolazzjoni irriżultat f’konsum teoretikament negattiv f’xi Stati Membri. Barra minn hekk, il-ġobon "Feta" kif definit fin-nomenklatura doganali magħquda mhux sistematikament imqiegħed fis-suq taħt dak l-isem, jew minħabba restrizzjonijiet legali li jirriżervaw l-isem ta’ dak it-terminu għal prodotti li jissodisfaw xi ħtiġijiet aktar speċifiċi, jew għal raġunijiet kummerċjali li aktarx jippreferu ismijiet distinti li huma magħrufa mill-konsumaturi li għalihom huwa maħsub il-ġobon. Minkejja n-nuqqas ta’ ċertezza relattiva kkawżata minn din is-sitwazzjoni, ir-risposti mibgħuta mill-Istati Membri jissuġġerixxu li meta l-Greċja daħlet fil-Komunità Ewropea hija kellha madwar 92 % tal-konsum ta’ "Feta" fil-Komunità. Filwaqt li minn dak iż-żmien il-konsum żdied bil-mod il-mod fl-Istati Membri l-oħrajn, il-Greċja għad għandha madwar 73 % tal-konsum ta’ "Feta" fil-Komunità. Tqassim tal-konsum f’kull Stat Membru juri li l-konsum annwali tal-ġobon "Feta" għal kull persuna fi Spanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, l-Italja u l-Olanda mhuwiex aktar minn 0,010 kg, jew 0,08 % tal-konsum tal-Komunità. Fl-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Awstrija, Franza, l-Isvezja, il-Belġju u l-Finlandja, il- konsum annwali tal-ġobon "Feta" għal kull persuna ivarja bejn 0,040 kg u 0,150 kg, jew bejn 0,32 % u 1,22 % tal-konsum tal-Komunità. Huwa 0,290 kg (2,36 %) fil-Ġermanja u 0,700 kg (5,0 %) fid-Danimarka, paragunat ma 10,500 kg (85,64 %) fil-Greċja. (20) Skond l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, dawk il-ġbejjen li attwalment ikollhom l-isem "Feta" fit-territorju tal-Komunità ġeneralment jagħmlu referenza espliċita jew impliċita għal territorju, kultura jew tradizzjoni Griega, ukoll meta jiġu prodotti fi Stati Membri barra mill-Greċja, biż-żieda ta’ kliem jew tpinġijiet b’konnotazzjoni tassew Griega. Il-konnessjoni bejn l-isem "Feta" u l-Greċja hija għalhekk deliberatament issuġġerita u mfittxija bħala parti minn strateġija ta’ bejgħ li tikkapitalizza fuq ir-reputazzjoni tal-prodott oriġinali, u dan joħloq riskju reali ta’ konfużjoni għall-konsumatur. It-tikketti għal ġobon "Feta" li ma joriġinax fil-Greċja iżda imqiegħed fis-suq attwalment fil-Komunità taħt dak l-isem mingħajr ma ssir referenza diretta jew indiretta għall-Greċja huma fil-minoranza u l-kwantitajiet ta’ ġobon attwalment imqiegħda fis-suq b’dan il-mod jammontaw għal proporzjon żgħir ħafna tas-suq tal-Komunità. (21) Xogħlijiet ġenerali ta’ referenza bħal dizzjunarji u enċiklopediji, u pubblikazzjonijiet speċjalizzati mibgħuta mill-Istati Membri juru li l-isem "Feta" ma jidhirx f’xogħlijiet bit-Taljan u bil-Portugiż, filwaqt li x-xogħlijiet bil-Grieg, bl-Ispanjol u bl-Olandiż jirreferu esklussivament għal ġobon Grieg magħmul mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża. Xogħlijiet Svediżi jirreferu għal ġobon li joriġina mill-Greċja magħmul mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża, li issa huwa prodott fi Stati Membri oħrajn mill-ħalib tal-baqra, u jissemmew b’mod partikolari d-Danimarka u l-Isvezja. Fix-xogħlijiet bid-Daniż, issir referenza b’mod predominanti għal ġobon Grieg li jsir mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża, iżda wkoll għal ġobon li jsir fid-Danimarka u l-Balkani, u wkoll mingħajr referenza speċifika ġeografika. Xogħlijiet Finlandiżi jirreferu biss għal ġobon Grieg jew ġobon ta’ oriġini Griega magħmul mill-ħalib tan-nagħġa jew mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża, minbarra xogħol wieħed li ma jsemmi l-ebda oriġini ġeografika. Xogħlijiet Ġermaniżi jirreferu għal ġobon prodott fil-Greċja u ħafna mill-pajjiżi tax-Xlokk ta’ l-Ewropa, u wkoll f’pajjiżi barranin. Erbatax mis-17-il xogħol bil-Franċiż mibgħuta jirreferu għal ġobon Grieg magħmul mill-ħalib tan-nagħġa u/jew tal-mogħża, filwaqt li xogħol wieħed jirreferi għal ġobon magħmul fil-Greċja u l-Balkani, wieħed għal ġobon ta’ oriġini Griega imitat ħafna fl-Ewropa u wieħed għal ġobon Grieg magħmul mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża li l-produzzjoni tiegħu infirxet lejn pajjiżi oħrajn ta’ l-istess reġjun u aktar reċentement lejn il-bqija ta’ l-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq, bl-użu ta’ ħalib tal-baqra. Mix-xogħlijiet bl-Ingliż, erba jirreferu għal ġobon Grieg magħmul mill-ħalib tan-nagħġa, speċjalment fil-Greċja, erba’ oħrajn jirreferu għal ġobon Grieg magħmul minn ħalib tan-nagħġa jew tal-mogħża, wieħed jirreferi għal ġobon li joriġina mill-Greċja u mill-Lvant Nofsani, tradizzjonalment magħmul minn ħalib tan-nagħġa jew tal-mogħża iżda li kultant isir ukoll mill-ħalib tal-baqra, żewġ xogħlijiet jirreferu għal ġobon li joriġina mill-Greċja magħmul mill-ħalib tan-nagħġa jew tal-mogħża, issa prodott f’pajjiżi oħrajn iżda li għadu l-aktar spiss ingredjent f’ikel Grieg, xogħol wieħed jirreferi għal produzzjoni ta’ "Feta" fi New Zealand, il-Bulgarija, il-Jugoslavja, Ċipru, id-Danimarka u l-Greċja, il-pajjiż ta’ l-oriġini, xogħol wieħed jirreferi għal ġobon magħmul fil-Greċja u l-Balkani, ieħor jirreferi għal ġobon Grieg magħmul mill-ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża, iżda magħmul mill-ħalib tal-baqra fl-Istati Uniti, u erba’ xogħlijiet jissuġġerixxu illi ġobon maġħmul mill-Griegi ta’ l-antik kien il-prekursur dirett tal-ġobon "Feta" magħmul fil-Greċja llum. Fil-lingwi kollha, il-mod kif evolviet id-definizzjoni tal-ġobon "Feta" maż-żmien ma naqqsitx mill-assoċjazzjoni u l-identifikazzjoni mal-Greċja. (22) L-informazzjoni kollha mogħtija mill-Istati Membri ġiet ukoll mibgħuta lill-Kumitat Xjentifiku, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat", li ħareġ opinjoni unanima dwar il-materja fl-24 ta’ April 2001. (23) Il-Kumitat beda billi qal li "[…] denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika tista’ titqies li saret l-isem komuni ta’ prodott biss meta fit-territorju rilevanti ma jkun hemm l-ebda parti sinifikanti mill-pubbliku kkonċernat li għadu jikkunsidra l-indikazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika […]; rigward it-territorju fejn it-trasformazzjoni għandha tkun saret, is-sitwazzjoni fil-Komunità Ewropea bħala ħaġa waħda għandha tiġi meqjusa, fid-dawl ta’ l-iskop fil-Komunità kollha tar-Regolament u l-konsiderazzjoni tal-Komunità Ewropea li tikkonsisti f’suq wieħed. Għalhekk mhuwiex possibbli li tiġi kkunsidrata esklussivament jew primarjament is-sitwazzjoni fi Stat Membru waħdu. L-Artikolu 3 tar-Regolament jiddisponi għal konsiderazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, l-Istati Membri li jikkunsmaw u l-Istati Membri l-oħra, inkluża l-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità u dik nazzjonali […] Dwar il-pubbliku kkonċernat, l-istima tkun tiddependi fuq it-tip ta’ prodott u l-pubbliku li huwa indirizzat għalih il-prodott. Fil-każ preżenti, ladarba l-prodott huwa ġobon għall-konsum primarjament mill-konsumatur finali (iżda wkoll minn xerrejja kummerċjali, bħal ristoranti, fabbriki ta’ l-ikel eċċ), il-pubbliku ġenerali huwa rilevanti. Għalhekk, huwa mal-pubbliku ġenerali li d-denominazzjoni jew l-indikazzjoni in kwistjoni tkun tilfet it-tifsira ġeografika oriġinali tagħha. Fid-determinazzjoni ta’ x’inhi l-perċezzjoni ġenerali tal-pubbliku, huma rilevanti kemm miżuri diretti", bħal stħarriġ dwar opinjonijiet u stħarriġ ieħor, u miżuri "indiretti" bħall-livell tal-produzzjoni u l-konsum, it-tip u n-natura ta’ tikkettjar użati, it-tip u n-natura tar-reklamar użat dwar dawn il-prodotti, użu fid-dizzjunarji, eċċ. (24) Dwar il-produzzjoni tal-ġobon "Feta", il-Kumitat osserva li l-produzzjoni fil-Greċja tirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni fil-Komunità ta’ dan il-ġobon, u 90 % tal-produzzjoni tal-Komunità mill-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż; il-ġobon "Feta" prodott mill-ħalib tal-baqra jirrappreżenta 34 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità u huwa l-aktar iddestinat għal pajjiżi terzi. (25) Rigward il-konsum, il-Kumitat enfasizza li 73 % tal-konsum tal-ġobon "Feta" attwalment isir fil-Greċja, fejn il-konsum annwali huwa ta’ 10,5 kg għal kull persuna, kontra l-1,76 kg fil-bqija ta’ l-UE. Minkejja li l-Kumitat ikkonċeda li l-konsum tal- "Feta" huwa ċertament aktar għoli minn hekk fid-Danimarka u l-Germanja, huwa xorta waħda 15-il darba u 36-il darba inqas milli fil-Greċja, rispettivament. Skond il-Kumitat, il-konsum ta "Feta" bħala proporzjon tal-konsum ta’ ġobon totali għal kull ras huwa wkoll sinifikanti: fil-Greċja partikolarment 10,5 kg ta’ "Feta" jiġi kkunsmat minn kull persuna fis-sena minn konsum totali ta’ 14 kg ġobon; fid-Danimarka dak il-proporzjon hu ta’ 0,7 kg "Feta" għal 15 kg ġobon; fi Franza 0,13 kg "Feta" għal 20 kg ġobon; fil-Germanja, 0,29 kg "Feta" għal 19 kg ġobon. (26) Il-Kumitat osserva inċidentalment li "proporzjon sinifikanti tal-produzzjoni barra l-Greċja jiġi esportat lejn pajjiżi mhux membri u m’għandux influwenza fuq is-sitwazzjoni tad-denominazzjoni "Feta" fis-suq komuni", u li "n-nuqqas ta’ produzzjoni u konsum f’numru ta’ Stati Membri ma jaffettwax in-natura ġenerika u mhux ġenerika tad-denominazzjoni". (27) Meta kkunsidra l-analiżi tal-leġislazzjoni rilevanti nazzjonali u tal-Komunità, il-Kumitat osserva li 12-il Stat Membru m’għandhomx leġislazzjoni speċifika u li r-regoli ġenerali tal-Komunità u dawk nazzjonali dwar ġbejjen japplikaw għall- "Feta". Innota li l-Greċja kellha regoli dwar il- "Feta" mill-1935 u d-Danimarka mill-1963, u li l-Awstrija tirriserva d-denominazzjoni "Feta" għall-prodott Grieg skond ftehim bilaterali tal-1971. (28) Dwar il-metodi ta’ marketing tal-ġobon "Feta" fil-Komunità, il-Kumitat osserva li l-konsumatur jiġi offert "żewġ prodotti, b’komposizzjonijiet u karatteristċi organolettiċi differenti, taħt l-istess denominazzjoni". Il-Kumitat innota li tikketti għall-ġobon "Feta" li ma joriġinax fil-Greċja jagħmlu referenzi diretti u indiretti għall-Greċja, li jimplika li t-terminu "Feta" ma jintużax bħala "isem komuni, mingħajr sinifikanza ġeografika, sinonima ma’ ġobon abjad (mill-ħalib tan-nagħaġ jew tal-baqar) fis-salmura […]"; skond il-Kumitat, il- "Feta""ġeneralment jiġi ppreżentat bħala li huwa ta’ oriġini Griega […]". (29) Il-Kumitat “jikkonkludi unanimament li d-denominazjoni "Feta" mhix ġenerika, partikolarment għar-raġunijiet li ġejjin. (30) Il-produzzjoni u l-konsum ta’ "Feta" huma kkonċentrati bis-sħiħ fil-Greċja. Il-prodotti magħmula fl-Istati Membri l-oħrajn (il-Ġermanja, id-Danimarka u Franza), possibilment bl-isem "Feta", huma primarjament prodotti mill-ħalib tal-baqra, bl-użu ta’ teknoloġija differenti, u jiġu esportati fi kwantitajiet kbar lejn pajjiżi li mhumiex membri. Ma tistax għalhekk issir konklużjoni li d-denominazzjoni "Feta" hija ġenerika, ladarba l-prodott oriġinali Grieg huwa dominanti fis-suq tal-Komunità. Għandu jiġi wkoll innotat li f’dawk l-Istati Membri li mhumiex produtturi u konsumaturi sinifikanti, id-denominazzjoni "Feta" ma tistax tingħad li saret ġenerika ladarba l-kelma ma tintużax bħala isem komuni. Fil-perċezzjoni tal-komsumaturi, l-isem "Feta" dejjem jorbot ma’ oriġini Griega u għalhekk mhux xi ħaġa li saret isem komuni u allura ġenerika fil-Komunità. (31) Dwar il-leġislazzjoni rilevanti nazzjonali u tal-Komunità, il-Kumitat Xjentifiku josserva li fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri m’hemmx leġislazzjoni jew regoli speċifiċi għall-prodott ikkonċernat. Il-Greċja u d-Danimarka biss għandhom leġislazzjoni speċifika. Il-leġislazzjoni Daniża li tippermetti l-produzzjoni ta’ prodott bl-isem "Feta Daniż" hija differenti ħafna mill-leġislazzjoni Griega fejn jidħlu ħwejjeġ tekniċi (użu ta’ ħalib ultrafiltrat tal-baqra minflok tan-nagħġa jew tal-mogħża u l-użu ta’ addittivi sa l-1994). Minbarra dan, id-Danimarka ma tat l-ebda prova li d-denominazzjoni "Feta" saret isem komuni li jista’ jintuża ma’ l-isem tal-pajjiż produttur ("Feta Daniż") fi żmien meta dak l-Istat Membru ppermetta l-użu tiegħu (1961). Bl-istess mod, ma ngħatat l-ebda prova tan-natura ġenerika tiegħu għall-perjodu ta’ wara. (32) Il-fatt li d-denominazzjoni "Feta" tintuża fin-nomenklatura doganali komuni jew fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar rifużjonijiet fuq esportazzjoni m’għandux jinfluwixxi fuq il-perċezzjoni, l-għarfien u l-protezzjoni fis-suq intern tad-denominazzjoni kkonċernata, ladarba dik il-leġislazzjoni mhix rilevanti f’dan il-kuntest.” (33) Il-Kummissjoni ħadet nota tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku. Hija jidhrilha li l-analiżi eżawrjenti u totali ta’ l-informazzjoni legali, storika, kulturali, politika, soċjali, ekonomika, xjentifika u teknika innotifikata mill-Istati Membri jew li tirriżulta minn investigazzjonijiet li saru jew tħallsu mill-Kummissjoni twassal għall-konklużjoni li partikolarment l-ebda mill-kriterji meħtieġa taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 li juru li isem huwa ġeneriku ntlaħqu, u konsegwentement l-isem "Feta" ma sarx "l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ ikel li, minkejja li jirrelata għall-post jew għar-reġjun fejn dan il-prodott jew ikel ġie oriġinarjament prodott jew imqiegħed fis-suq, sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ ikel". (34) Ladarba t-terminu "Feta" ma ġiex stabbilit bħala ġeneriku, il-Kummissjoni ivverifikat, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, li l-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi biex l-isem "Feta" jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta tikkonforma ma’ l-Artikoli 2 u 4 tiegħu. (35) L-isem "Feta" huwa isem tradizzjonali mhux ġeografiku skond it-tifsira fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. It-termini "reġjun" u "post" imsemmija f’dik id-disposizzjoni jistgħu jiġu nterpretati biss minn perspettiva ġeomorfoloġika u mhux amministrattiva, sa fejn il-fatturi naturali u umani inerenti fi prodott definit x’aktarx jittraxxendu l-fruntieri amministrattivi. Taħt l-imsemmi Artikolu 2(3), madankollu, iż-żona ġeografika inerenti fid-denominazzjoni ma tistax tkopri pajjiż sħiħ. Fil-każ ta’ l-isem "Feta" għalhekk ġie osservat li ż-żona ġeografika definita msemmija fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 tkopri biss it-territorju tal-Greċja ewlenija u d-dipartiment ta’ Lesbos; il-gżejjer u l-arċipelagi l-oħrajn huma esklużi għaliex il-fatturi naturali u/jew umani meħtieġa ma japplikawx hemm. Barra dan, id-definizzjoni amministrativa taż-żona ġeografika ġiet iċċarata u żviluppata, ladarba l-ispeċifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fiha rekwiżiti kumulattivi obbligatorji: b’mod partikolari, iż-żona ta’ l-oriġini tal-materja prima ġie limitat b’mod sostanzjali ladarba l-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon "Feta" għandu jiġi min-nagħaġ u mill-mogħoż ta’ razez lokali mrobbija tradizzjonalment, li l-ikel tagħhom għandu jiġi bbażat fuq il-flora preżenti f’mergħat tar-reġjunijiet eliġibbli. (36) Iż-żona ġeografika koperta mid-definizzjoni amministrattiva u li tilħaq ir-rekwiżiti ta’ speċifikazzjoni tal-prodott hija uniformi biżżejjed li tilħaq ir-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 2(2)(a) u 4(2)(f) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Ir-rigħi u transumanza estensivi, li huma ċentrali għall-metodu li bih in-nagħaġ u l-mogħoż jinżammu biex jagħtu l-materja prima għall-produzzjoni tal-ġobon "Feta", huma r-riżultat ta’ tradizzjoni ta’ l-antenati li tippermetti adattament għal tibdiliet ta’ klima u l-impatt tagħhom fuq il-veġetazzjoni disponibbli tagħhom. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ razez żgħar u nativi ta’ nagħaġ u mogħoż li huma estremament robusti u reżistenti, xierqa għal sopravvivenza f’ambjent li joffri ftit ikel f’termini ta’ kwalità, iżda li f’termini ta’ kwalità hu mogħni bi flora diversifikata ħafna, u b’hekk jagħti lill-prodott lest l-aroma u t-togħma speċifiċi tiegħu. L-azzjoni reċiproka bejn dawn il-fatturi naturali u l-fatturi umani speċifiċi, partikolarment il-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali, li teħtieġ tisfija mingħajr pressa, b’dan il-mod tat lill-ġobon "Feta" ir-reputazzjoni notevoli internazzjonali. (37) Ladarba l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mogħtija mill-awtoritajiet Griegi tinkludi l-informazzjoni kollha mitluba taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, u l-analiżi formali ta’ dik l-ispeċifikazzjoni ma kixfet l-ebda żball ovvju ta’ stima, l-isem "Feta" għandu jiġi reġistrat bħala denominazzjoni protetta ta’ oriġini. (38) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/96 għandu għalhekk jiġi emendat f’dan is-sens. (39) Il-Kumitat, kif previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, ma tax opinjoni fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, il-Kummissjoni għaddiet il-proposta lill-Kunsill. Minħabba li l-Kunsill ma ħax passi fil-perjodu ta’ tliet xhur previst fil-ħames paragrafu ta’ l- l-Artikolu 15 ta l-istess Regolament (KEE) Nru 2081/92, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 1. L-isem "Φέτα" (Feta) għandu jiġi inkluż fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 bħala denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO). 2. L-isem "Φέτα" jiżdied mal-parti A ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 taħt l-intestatura "Ġobnijiet", "Greċja". L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-14 ta’ Ottubru 2002. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1. [2] ĠU L 324, tal-21.12.2000, p. 26. [3] ĠU L 148, tal-21.6.1996, p. 1. [4] ĠU L 86, tat-3.4.2002, p. 7. [5] ĠU L 130, tas-26.5.1999, p. 18 --------------------------------------------------