32002R1223



Official Journal L 179 , 09/07/2002 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1223/2002

tat-8 ta' Lulju 2002

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KOMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 2002 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistikali u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kommissjoni (KE) Nru 969/2000 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta' l-oġġetti msemmija fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament.

(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 niżżel ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli wkoll japplikaw għal xi nomenklatura oħra li hija kompletament jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità, bil-ħsieb ta' l-applikazzjoni tat-tariffa u miżuri oħra li jirrelataw ma’ kummerċ ta' l-oġġetti.

(3) Skond l-imsemmija regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella stipulata fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament għandhom jiġu kklassifikati skond il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna 2, bis-saħħa tar-raġunijiet stipulati fil-kolonna 3.

(4) Huwa xieraq li informazzjoni tat-tariffa vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni ta' l-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda u li m'humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta'dan ir-Regolament, jistgħu jkomplu jintalbu mid-detentur, taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4], għal perjodu ta' tlett xhur.

(5) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella imniżżla fl-Anness huma kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tat-tariffa vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri li mhix skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament tista’ tkompli tintalab taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tlett xhur.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1.

[2] ĠU L 149, tas-7.6.2002, p. 20.

[3] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1.

[4] ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Deskrizzjoni ta' l-oġġetti | Kodiċi tan-NM | Raġunijiet |

(1) | (2) | (3) |

Qatgħat mingħajr għadam tat-tiġieġ, iffriżat u mimlijja bil-melħ fil-partijiet kollha. Għandhom kontenut tal-melħ skond il-piż ta' 1,2 % sa 1,9 %. Il-prodott huwa ffriżat u għandu jinħażen f'temperatura ta' anqas minn — 18 °C biex tkun żgurattul ta' żmien li fih jibqa’ tajjeb biex jittiekel ta' mill-anqas sena. | 02071410 | Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċi tan-NM 0207, 020714 u 02071410. Il-prodott huwa laħam tat-tiġieġ friżat għall-konservazzjoni fit-tul. L-addizzjoni tal-melħ ma jbiddilx il-karattru tal-prodott bħala laħam friżat ta' l-intestatura 0207. |

--------------------------------------------------