32002R0997



Official Journal L 152 , 12/06/2002 P. 0016 - 0018


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 997/2002

tal-11 ta’ Ġunju 2002

li jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ applikazzjoni tad-disposizzjonijiet relattivi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-infrastrutturi ta’ ispezzjonar fitosanitarju rigward il-pjanti u l-prodotti mill-pjanti li ġejjin minn pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 rigward il-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti li ġejjin mill-pjanti u kontra l-firxa tagħhom fil-Komunità [1] ("id-Direttiva"), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/36/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(9), il-ħames subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1) Skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva, kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tista’ tingħata lill-Istati Membri sabiex jiġu koperti l-ispejjeż (sa 50 %), maħsuba direttament għat-titjib ta’ tagħmir u faċilitajiet neċessarji sabiex isiru spezzjonijiet, fil-kmamar ta’ spezzjoni minbarra f’dawk li jinsabu fil-post ta’ destinazzjoni, lil hinn mill-livell diġà milħuq u billi japplikaw il-kondizzjonijiet minimi stipulati mid-disposizzjonijiet ta’ applikazzjoni skond ma jitlob l-Artikolu 13(8), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva.

(2) Hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet relattivi għall-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-fini ta’ dan it-titjib lill-Istati Membri.

(3) Skond l-Artikolu 3(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 [3], miżuri veterinarji u fitosanitarji meħuda skond ir-regoli komunitarji għandhom jitħallsu mis-sezzjoni Garanzija tal-Fond Ewropew ta’ Orjentazzjoni u Garanzija Agrikola. Il-kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri jaqa’ taħt id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament fuq imsemmi.

(4) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Fitosanitarju Permanenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Kull domanda minn Stat Membru rigward "kontribuzzjoni post-finanzjarja għall-importazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti in relazzjoni ma’ spezzjoni" għandha:

(a) titressaq bil-miktub lill-awtorità li tissemma fl-Artikolu 1(4), tad-Direttiva;

(b) tkun indirizzata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, id-Direttorat Ġenerali "Saħħa u Protezzjoni tal-Konsumaturi" B-1049 Brussel, il-Belġju;

(ċ) tkun sottomessa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena. Għas-sena 2002, id-data għas-sottomissjoni, b’mod eċċezzjonali għandha titreġġa’ lura għall-15 ta’ Lulju 2002;

(d) tinkludi informazzjoni rigward it-tagħmir u/jew il-faċilitajiet li l-Istat Membru għandu l-ħsieb jikseb, skond programm addattat li għandu jitwettaq, u jinkludi:

(i) il-post tal-kamra jew kmamar ta’ spezzjoni li għalihom it-tagħmir u/jew il-faċilitajiet huma ddestinati;

(ii) deskrizzjoni tal-kamra ta’ spezzjoni li ssemmi l-preżenza ta’ ħaddiema, il-lista ta’ tagħmir u n-natura tal-kummerċ prinċipali ta’ pjanti jew prodotti ta’ pjanti;

(iii) ir-raġunijiet għax-xiri u/jew it-titjib tat-tagħmir u/jew tal-faċilitajiet;

(iv) id-deskrizzjoni teknika tat-tagħmir u/jew tal-faċilitajiet li għandhom jinxtraw jew jitjiebu;

(v) stima finanzjarja dettaljata ta’ xiri jew titjib maħsub li jsir (VAT u taxxi esklużi) rigward it-tagħmir u/jew il-faċilitajiet deskritti hawn fuq;

(e) issemmi t-tagħmir u/jew il-faċilitajiet hekk kif jissemmew fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, minbarra prodotti li jiġu kkunsmati.

L-Artikolu 2

1. Għal kull talba mressqa, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk:

(a) kienx hemm raġunijiet fitosanitarji validi rigward ix-xiri jew it-titjib propost;

(b) l-ispejjeż stmati għax-xiri jew titjib humiex raġonevoli.

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħaddilha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala neċessarja sabiex tagħmel l-eżami tagħha.

2. Kull sena, qabel il-15 ta’ Settembru, il-Kummissjoni għandha tipprepara lista ta’ programmi li jissodisfaw il-kriterji li jissemmew fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u, li huma eliġibbli biex jiġu kkunsidrati li jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. Sabiex tassigura kontribuzzjoni effettiva u konsistenti mill-KE, u meħud kont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fitosanitarja fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tagħmel klassifikazzjoni ta’ dawn il-programmi.

Għandha tingħata prijorità lill-programmi li għandhom l-akbar valur għall-kamra ta’ ispezzjoni skond il-kwantità u/jew il-kwalità ta’ l-ispezzjonijiet, u bħala konsegwenza, li jikkonċernaw:

- kemm it-titjib propost mill-esperti li jissemmew fl-Artikolu 21 tad-Direttiva,

- kif ukoll il-kmamar ta’ l-ispezzjonar li jridu jiġu ristrutturati sinifikatament.

Il-lista ta’ dawn il-programmi, li tippreċiża l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità proposta għal kull programm, għandha tiġi sottomessa għad-diskussjoni mill-Kumitat Fitosanitarju Permanenti.

3. Kull programm li jidher fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandu jiġi approvat b’mod individwali, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva. Din l-approvazzjoni għandha ssemmi r-rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, il-kondizzjonijiet li għalihom tista’ tiġi sottomessa u l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komuntià m’għandhiex tingħata jekk l-ammont totali ta’ spejjeż eliġibbli hu anqas minn 25000 Euros. Programm jista’ jikkonċerna aktar minn kamra ta’ spezzjonar waħda fl-istess Stat Membru.

L-Artikolu 3

Sabiex jingħata l-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità mogħtija għal programm approvat:

(a) ix-xiri jew it-titjib ta’ tagħmir u/jew faċilitajiet maħsuba mill-programm magħmula bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara l-approvazzjoni li tissemma fl-Artikolu 2(3);

(b) il-ħlas relattiv mal-programm magħmul mill-Istat Membru jsir matul is-sitt xhur wara t-tmiem tal-programm;

(ċ) l-Istat Membru għandu jressaq quddiem il-Kummissjoni talba għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja, f’euros, matul is-sitt xhur wara li jkun tlesta l-programm, u mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara li matulha l-programm kellu jitwettaq;

(d) l-Istat Membru għandu jinkludi fit-talba tiegħu l-provi ta’ ħlas permezz ta’ dokumentazzjoni xierqa, per eżempju rċevuti għall-ħlas li jkun sar.

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Ġunju 2002.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 169 ta’ l-10.7.2000, p. 1.

[2] ĠU L 116 tat-3.5.2002, p. 16.

[3] ĠU L 160 tas-26.6.1999, p. 103.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Tagħmir

1. Binoklu stereoskopiku

2. Mikroskopju ottiku

3. Ħigroskopju diġitali

4. Kamera diġitali

5. Vidjo diġitali

6. Friġġ

7. Tagħmir ieħor simili

Faċilitajiet

1. Uffiċċji permanenti jew li jistgħu jittieħdu minn post għal ieħor

2. Mejda ta’ l-ispezzjoni (tagħmir li jista’ jittieħed minn post għal ieħor maħsub għall-ispezzjoni)

3. Faċilitajiet oħra simili.

--------------------------------------------------