Official Journal L 316 , 20/11/2002 P. 0004 - 0006
Id-Deċiżjoni Nru 2046/2002/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 t'Ottubru 2002 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE dwar serje ta' linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni, għal networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' Artikolu 156 tiegħu, Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Wara li kkonsultaw l-Kumitat tar-Reġjuni, Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) L-għan prinċipali tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4] hu li l-Komunità, b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi networks telematiċi trans-Ewropej li jkunu operattivi u interoperabbli bejn l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunità, biex b'hekk tiffaċilita l-iskambju effiċjenti, effettiv u sigur ta' informazzjoni sabiex issostni l-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Komunità, kif ukoll il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiiet tal-Komunità. (2) Għandha tingħata prijorità lil dawk il-proġetti li jsaħħu l-vijabbilità ekonomika ta' amministrazzjonjiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, Stati Membri u r-reġjuni, u li, permezz ta' l-istabbiliment jew tisħiħ ta' networks settorjali, jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u pjan ta' azzjoni relatat, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-gvern online, li hu immirat sabiex minnu jibbenefikaw il-parlamenti nazzjonali, ċittadini u intrapriżi, u lejn inizjattivi oħra li jimmiraw li jtejbu t-trasparenza ta' attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità kif meħtieġ b'Artikolu 255 tat-Trattat u bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [5]. (3) Kont debitu għandu jittieħed tar-rakkomandazzjonijiet kontenuti fid-Dikjarazzjoni maħruġa fil-Konferenza Ministerjali dwar l-eGovernment"Minn Politika għal Prattika" miżmuma fi Brussel fid-29 u t-30 ta' Novembru 2001, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-konferenza "eGovernment għas-servizz taċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej – x'inhu meħtieġ fuq livell Ewropew", organizzata b'mod konġunt mill-Presidenza tal-Kunsill u l-Kumissjoni (IDA) fi Stokkolma/Sandhamn fit-13 u l-14 ta' Ġunju 2001. (4) Fl-ippjanar u l-implimentar ta' networks ġodda, huwa essenzjali li tkun assigurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u, fejn ikun relevanti, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità. (5) Fl-ippjanar u implimentazzjoni ta' networks ġodda, huwa essenzjali li wieħed janalizza u jevalwa l-iżvilupp organizzattiv u l-istabbiliment mill-ġdid ta' proċeduri operattivi li għandhom x'jaqsmu man-network jew networks li jkunu maħsuba li jiġu stabbiliti taħt il-proġett. (6) Minħabba raġunijiet ta' ċertezza legali, huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni espressa għal possibilità li tkun reveduta s-sezzjoni tal-programm ta' ħidma ta' l-IDA li tikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE matul is-sena ta' referenza. Għall-implimentazzjoni ta' l-Azzjonijiet tal-Komunità stipulati f'Artikoli 3 sa 6 tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE għandu jkun iċċarat li proposti għal kwalunkwe żidiet fl-estimi ta' aktar minn EUR 250000 għal kull linja ta' proġett f'sena waħda huma suġġetti għal proċedura ta' kumitat imsemmija f'dik id-Deċiżjoni. (7) Wara l-interess muri minn Malta u mit-Turkija, l-programm IDA jista' jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fi proġetti ta'interess komuni. Qabel ma l-programm IDA jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni sħiħa għal pajjiżi kandidati kollha, il-possibilità ta' dawn il-pajjiżi li jużaw għas-spejjeż tagħhom is-servizzi ġeneriċi IDA sabiex jimplimentaw xi politika Komunitarja għandha tkunu faċilitata. Din il-possibilità għandha tkun estiża wkoll lil pajjiżi mhux membri, taħt l-istess kondizzjonjiet. (8) Sabiex tkun maħluqa aktar flessibilità fl-allokazzjoni annwali ta' l-estimi, ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE għall-perjodu 2002 sa 2004 għandu jkun introdott, bl-appropjazzjonijiet annwali jkunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanazjarja. (9) L-implimentazzjoni ta' networks li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizjarji, għandha b'mod ġenerali tkun meqjusa bħala proġett ta' interess komuni taħt il-programm IDA. (10) In-networks telematiċi fil-qasam ta' l-edukazzjoni, speċjalment għall-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna kwistjonijiet ta' kontenut fuq networks miftuħa u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' servizzi awdjoviżivi u ta' informazzjoni ġodda, għandhom jitqiesu bħala proġetti ta' interess komuni taħt il-programm IDA. (11) Networks telematiċi fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għall-appoġġ ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandhom jitqiesu proġetti ta' interess komuni taħt il-programm IDA. (12) Networks telematiċi li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u pjan ta' azzjoni relatat, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-gvern online, immirat sabiex jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini u l-intrapriżi, għandhom ikunu meqjusa bħala proġetti ta' interess komuni taħt il-programm IDA. (13) Networks telematiċi li jikkonċernaw il-politika dwar l-immigrazzjoni, notevolment permezz ta' l-implimentazzjoni ta' skambju mtejjeb ta' tagħrif elettroniku ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex ikunu faċilitati l-proċeduri ta' informazzjoni u konsultazzjoni, għandhom jitqiesu bħala proġetti ta' interess komuni taħt il-programm IDA. (14) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deciżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6]. (15) Id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE għandha tkun emendata skond dan, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI; Artikolu 1 Id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE hija b'dan emendata kif ġej: 1. Il-punt li ġej għandu jkun miżjud f'Artikolu 1(1): "(ċ) fejn xieraq, l-identifikazzjoni u ħruġ ta' servizzi elettroniċi governattivi pan-Ewropej għal ċittadini u intrapriżi u servizzi governattivi elettroniċi relevanti oħra li għandhom jintużaw skond il-prijoritajiet stipulati f'Artikolu 4." 2. Il-punt li ġej għandu jkun miżjud ma' Artikolu 4: "(ħ) jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u pjan ta' azzjoni relatat, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-gvern online, li hu immirat li minnu jibbenefikaw ċittadini u intrapriżi." 3. Il-punt li ġej għandu jkun miżjud f'Artikolu 5(4): "(aa) deskrizzjoni ta' żvilupp organizzattiv ippjanat u l-istabbiliment mill-ġdid ta' proċeduri operattivi relatati man-network jew networks li huma maħsuba li jkunu stabbiliti taħt il-proġett." 4. Artikolu 7(2), (3) u (4) għandu jkunu sostitwit bli ġej: "2. Il-proċedura msemmija f'Artikolu 8(2) għandha tapplika fir-rigward ta' l-approvazzjoni, fuq il-bażi ta' konformità mal-prijoritajiet stabbiliti f'Artikolu 4 u l-prinċipji stipulati f'Artikolu 5, tas-sezzjoni tal-programm ta' ħidma IDA dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni għandha tħejji f'intervalli ta' sena u li tista' tiġi riveduta matul is-sena ta' referenza. Il-programm ta' ħidma IDA għandu jinkludi - tqassim ta' l-spiża preċedenti skond il-proġett għas-sena/snin l-imgħoddija, - stima ta' l-ispejjeż futuri li għandhom ikunu finanzjati mill-Komunità u mill-Istati Membri, u - dikjarazzjoni qasira dwar ir-riżultati/servizzi żviluppati minn din l-ispiża preċedenti. 3. Il-proċedura msemmija f'Artikolu 8(2) għandha tapplika fir-rigward ta' l-approvazzjoni, fuq il-bażi ta' konformità mal-prinċipji stipulati f'Artikolu 5, tar-rapport preparatorju u tal-pjan ta' implimentazzjoni globali ta' kull proġett IDA fit-tmiem tal-fażi ta' fattibiltà u fit-tmiem tal-fażi ta' żvilupp u konvalidazzjoni, kif ukoll għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe emendi sostanzjali sussegwenti għal dak il-pjan ta' implimentazzjoni. 4. Il-proċedura msemmija f'Artikolu 8(2) għandha tapplika fir-rigward ta' l-approvazzjoni, fuq il-bażi ta' konformità mal-prijoritajiet stabbiliti f'Artikolu 4 u l-prinċipji stipulati f'Artikoli 5 u 6, dwar it-tqassim skond il-proġetti ta' l-ispiża annwali ta' l-estimi taħt din id-Deċiżjoni. Proposti għal kwalunkwe żidiet fl-estimi ta' aktar minn EUR 250000 għal kull linja ta' proġett fis-sena, għandhom ikunu suġġetti għal din il-proċedura wkoll." 5. Artikolu 8 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 8 Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat magħruf bħala il-Kumitat Telematiku bejn l-Amministrazzjonijiet (TAC), kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE [7] għandhom japplikaw, wara li jiġi kkunsidrat Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu provdut f'Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999 468/KE għandu jkun ta' tliet xhur. 3. It-TAC għandu jaddotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. 4. Il-Kumissjoni għandha tirraporta kull sena lit-TAC dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni." 6. Artikolu 10 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 10 L-estensjoni għall-pajjiżi taż-ŻEE 1. Il-programm IDA jista' jkun miftuħ, fi ħdan il-kwadru tal-ftehim rispettivi tagħhom mal-Komunità Ewropea, għal parteċipazzjoni mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija fi proġetti ta' interess komuni li huma relevanti għal dawk il-ftehim. 2. Matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, l-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux membri u ma' organizzazzjonjiet jew korpi internazzjonali, skond il-każ, għandha tkun inkoraġġita. 3. Qabel ma l-programm IDA jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom, il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija jistgħu, għas-spejjeż tagħhom stess, jużaw servizzi ġeneriċi IDA, sabiex jimplimentaw xi politika tal-Komunità. 4. Pajjiżi ohra mhux membri jistgħu wkoll, għas-spejjeż tagħhom stess, jużaw servizzi ġeneriċi IDA sabiex tkun implimentata xi politika tal-Komunità." 7. Artikolu 12 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 12 Ammont finanzjarju ta' referenza 1. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni tal-Komunità taħt din id-Deċiżjoni għal perjodu 2002 sa 2004 għandu jkun ta' EUR 39,8 miljun. 2. L-approprazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja." 8. L-Anness qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej: (a) Fis-sezzjoni A, il-punt 6 li ġej għandu jkun miżjud: "6. Implimentazzjoni ta' networks li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji." (b) Fis-sezzjoni B, il-punt 10 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "10. Networks telematiċi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u kultura, ta' l-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, u tas-settur awdjoviżiv, notevolment għall-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna kwistjonijiet dwar il-kontenut fuq networks miftuħa u sabiex jippromwovu l-iżvilupp u ċ-ċirkulazzjoni libera ta' servizzi awdjo-viżivi u ta' informazzjoni ġodda." (ċ) Fis-sezzjoni B, il-punt 12 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "12 Networks telematiċi fl-oqsma tat-turiżmu, ambjent, protezzjoni tal-konsumatur u protezzjoni tas-saħħa pubblika għas-sostenn ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn Stati Membri." (d) Fis-sezzjoni B, il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu: "13. Networks telematiċi li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u pjan ta' azzjoni relatat, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-gvern online, li jimmira li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini u l-intrapriżi. 14. Networks telematiċi li jikkonċernaw il-politika dwar l-immigrazzjoni, speċjalment permezz ta' l-implimentazzjoni ta' skambju mtejjeb ta' informazzjoni elettronika ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex ikunu faċilitati proċeduri ta' informazzjoni u konsultazzjoni." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Ottubru 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President S. Møller [1] ĠU Ċ 332 E, tas- 27.11.2001, p. 287. [2] ĠU Ċ 80, tat- 3.4.2002, p. 21. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2002 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002. [4] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 1. [5] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43. [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. --------------------------------------------------