Official Journal L 353 , 30/12/2002 P. 0001 - 0009
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi miżuri interim ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali għall-konsum personali (notifikata taħt id-dokument numru C(2002) 4873) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2002/995/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill numru 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997, li tistabbilixxi prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 22(5) tagħha, Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 fuq l-ispiża fil-qasam veterinarju [2], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/572/KE [3] u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha, Billi: (1) Skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 fuq il-problemi ta’ spezzjoni tas-saħħa u veterinarija meta ssir importazzjoni ta’ bovini, ovini, razez tal-mogħoż u majjali, laħam frisk u prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi [4], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Numru 1452/2001 [5], laħam u prodotti tal-laħam li jiffurmaw parti mill-bagalji personali ta’ min jivvjaġġa u huma maħsubin għall-użu personali tagħhom jew li huma mibgħuta bħala pakketti żgħar għal persuni privati għal skopijiet mhux kummerċjali huma speċifikament esklużi, taħt ċerti kondizzjonijiet, mill-għanijiet ta’ dik id-Direttiva. (2) Skond l-Artikolu 8(2), il-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 91/494/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/89/KE [7], il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ fil-Komunità u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ laħam frisk tat-tjur stabbiliti minn dik id-Direttiva ma japplikawx, soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, għal laħam tat-tjur li jifforma parti mill-bagalji personali ta’ vjaġġatturi u maħsub għall-konsum personali tagħhom, jew mibgħut bħala kunsinni żgħar lil individwi privati. (3) Skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/45/KEE [8], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva 97/79/KE [9], id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva dwar is-saħħa pubblika u l-problemi ta’ saħħa ta’ l-annimali relatati mal-qtil ta’ annimali tal-kaċċa u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam ta’ annimali tal-kaċċa ma japplikawx għall-importazzjoni ta’ trofej jew kwantitajiet żgħar ta’ annimali tal-kaċċa maqtula trasportati minn vjaġġaturi. (4) L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 97/78/KE jeħtieġ, rispettivament, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma għandha tiġi ntrodotta l-ebda kunsinna minn pajjiż terz fil-Komunità mingħajr ma tkun ġiet soġġetta għal verifiki veterinarji adekwati, u li l-kunsinni jiġu ntrodotti fil-Komunità billi jgħaddu minn postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri. Madanakollu, skond l-Artikolu 16, dawn il-kondizzjonijiet ma japplikawx għal prodotti trasportati minn vjaġġaturi jew mibgħuta għal persuni privati għall-konsum tagħhom, taħt ċerti kondizzjonijiet. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli f’punti oħra ta’ dħul sabiex jiżguraw li l-prodotti li ma jissodisfawx kondizzjonijiet bħal dawn ma jiġux introdotti għajr minn postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri. (5) In-numru ta’ postijiet ta’ dħul fil-fruntieri tal-Komunità fejn passiġġieri u pakketti jaslu minn pajjiżi terzi jaqbżu dawk approvati bħala postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri. Madanakollu, hija r-responsabilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru li jiżguraw rwieħhom li vjaġġaturi, passiġġieri jew il-persuni responsabbli għall-kunsinni, huma konxji minn u huma konformi mar-regoli relevanti tal-Komunità hekk kif japplikaw għal kunsinni mhux kummerċjali ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. (6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/13/KEE [10] tistabbilixxi l-proċeduri għal spezzjonijiet veterinarji fil-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 5 jistabbilixxi limitu ta’ piż ta’ kilogramm għall-eżenzjoni minn spezzjonijiet veterinarji sistematiċi għal prodotti destinati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi approvati jew partijiet minnhom. Jipprovdi wkoll għal ċerti derogi għal pakketti żgħar ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fid-Danimarka, inter alia, minn Greenland u mill-Gżejjer Faroe, u għal ċertu ħut introdott fil-Finlandja mir-Russja. (7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/349/KE [11] tistabbilixxi l-lista ta’ prodotti li għandhom jiġu eżaminati fil-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri. Madanakollu, skond l-Artikolu 2, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni jgħoddu mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 97/78/KE. (8) Dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jistabbilixxu deroga mir-regoli tal-Komunità għall-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali għal kwantitajiet żgħar ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali trasportati bħala bagalji personali, jew introdotti taħt ċirkostanżi simili, minn individwi privati meta jidħlu fil-Komunità. (9) Fl-1996 ġie rrapportat tfaqqiegħ ta’ deni klassiku tal-majjali fil-Ġermanja li sussegwentement wassal għal epidemija fl-Olanda. Fis-sena 2000 ir-Renju Unit wkoll irreġistra tfaqqiegħ ta’ deni klassiku tal-majjali. Dan it-tfaqqigħ kien kawżat minn razez ta’ virus li ma ġewx iżolati qabel fil-Komunità. (10) Fid-dawl ta’ riskji ta’ dħul ta’ virus hekk kif rivelat mill-epidemija ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer ta’ l-1999 f’diversi pajjiżi tal-Magreb, it-33 Sessjoni [12] tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer (EUFMD) approvat linji ta’ gwida għal stima tar-riskju. Il-linji ta’ gwida jiffokaw fuq it-theddid assoċjat mat-turiżmu u mat-trasport u fuq it-tħejjija ta’ kampanja ta’ għarfien sabiex jitnaqqsu r-riskji. Huma jissuġġerixxu, fost l-oħrajn, kampanji ta’ għarfien fil-punti ta’ fruntiera u kontrolli aktar stretti fuq il-bagalji tal-vjaġġaturi. (11) Fl-2001 ġiet rapportata epidemija kbira tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit, li affettwat ukoll tliet Stati Membri oħra. It-tfaqqiegħ kien kawżat mill-virus tat-tip O1-PanAsia, razza li ma tiċċirkola f’ebda pajjiż terz li mingħandhom jiġu importati prodotti li joriġinaw minn annimali ta’ speċi suxxettibbli skond il-leġislazzjoni tal-Komunità. (12) F’Diċembru 2001 saret Konferenza Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fi Brussel, fejn ġie konkluż li għandhom jiġu rinforzati l-kontrolli fuq importazzjoni mill-vjaġġaturi ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. (13) Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u l-kampjonat dinji tal-futboll fil-Korea t’Isfel, li ssejjaħ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni u lill-Kummissjoni sabiex tfassal strateġija dettaljata maħsuba sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ introduzzjoni tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer mit-turisti. (14) Jaqbel li jsiru dispożizzjonijiet li jagħtu lok lill-Istati Membri sabiex joħolqu punti ta’ dħul għajr dawk il-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri li fihom laħam, ħalib u prodotti li joriġinaw minnhom, trasportati minn passiġġieri individwali huma ristretti jew soġġetti għal spezzjonijiet skond il-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva 97/78/KE mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li għandhom id-dritt li jagħmlu spezzjonijiet veterinarji jew minn xi awtorità li lilha ngħataw dawn id-drittijiet. (15) Wara li wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ epidimiji fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-mard infettiv fl-annimali li jista’ jiġi trasmess permezz tal-prodotti li jkunu oriġinaw minn dawn l-annimali, inkluża l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, l-introduzzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Komunità għal skopijiet mhux kummerċjali taħt ir-regoli eżistenti, minn pajjiżi terzi li mhumiex ħielsa minn dan il-mard, jirrappreżenta riskju ta’ saħħa għall-annimali li issa qiegħed jiġi indirizzat mill-Kummissjoni fi proposti leġislattivi xierqa [13]. Sakemm isiru l-modifiki għar-regoli ta’ importazzjoni li jeżistu bħalissa, huwa neċessarju li jiġu adottati mingħajr dewmien miżuri interim ta’ salvagwardja li jillimitaw b’mod sostanzjali l-importazzjonijiet mhux kummerċjali ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, bħala l-unika miżura effettiva sabiex ikun hemm prevenzjoni li tali importazzjoni ddaħħal mard serju ta’ l-annimali fil-Komunità. (16) Għaldaqstant, diversi Stati Membri implimentaw miżuri speċjali ta’ kontroll mal-fruntieri tagħhom u talbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni bil-għan li tkun garantita armonizzazzjoni minima għal dawn il-miżuri. (17) Huwa għalhekk xieraq li jiġu speċifikati u limitati t-tipi u l-kwantitajiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li jistgħu jgawdu mill-eżenzjoni mill-kontrolli veterinarji li huma stabbiliti fuq importazzjonijiet mhux kummerċjali mingħajr ma jinħoloq riskju sinifikanti għas-saħħa ta’ l-annimali. Sakemm issir l-adozzjoni ta’ regoli aktar dettaljati, huwa wkoll xieraq li jkun provdut li dawn il-kontrolli jiġu organizzati mill-Istati Membri fil-punti relevanti ta’ dħul fil-Komunità fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva 97/78/KE, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-bżonn li dawn il-prinċipji jiġu adattati għan-natura mhux kummerċjali ta’ dawn l-importazzjonijiet, u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar dawn il-kontrolli tingħata lill-vjaġġaturi. (18) Huwa wkoll xieraq li tkun provduta reviżjoni regolari tal-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Deċiżjoni bil-għan li jiġu aġġornati meta jiġu adottati r-regoli ġodda proposti għall-importazzjoni. (19) Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: L-Artikolu 1 1. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa sospiż: (a) l-Artikolu 1(2)(b),(ċ) u (e) tad-Direttiva 72/462/KEE, dwar deroga mill-għan ta’ din id-Direttiva għal laħam u prodotti tal-laħam importati minn vjaġġaturi jew mibgħuta lil persuni privati; (b) l-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 91/494/KEE, dwar deroga mill-għan ta’ din id-Direttiva għal laħam tat-tjur u prodotti tal-laħam importati minn vjaġġaturi jew mibgħuta lil persuni privati; (ċ) l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/45/KEE, dwar deroga mill-għan ta’ din id-Direttiva għal importazzjonijiet ta’ annimali tal-kaċċa maqtula trasportati mill-vjaġġaturi; u (d) l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni 93/13/KEE, dwar laħam, ħalib u prodotti tal-laħam u tal-ħalib. 2. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/349/KE, Stati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli fil-postijiet ta’ dħul fil-Komunità nnominati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skond il-prinċipji stabbiliti taħt l-Artikoli 3(1), 4(3)(b) u (4), 17(1) u (3) u 24(1) tad-Direttiva 97/78/KE għal laħam, ħalib, u prodotti tal-laħam u tal-ħalib imsemmija f’dik id-Deċiżjoni, meta importati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1)(a), (b), (d) tad-Direttiva 97/78/KE. Madanakollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 20 u 22 tad-Direttiva 97/78/KE, u b’deroga għall-kondizzjonijiet mitluba għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja, dawn il-kontrolli ma għandhomx jgħoddu għal: (a) prodotti msemmija fl-Anness I; (b) prodotti li jidħlu fil-Komunità minn Greenland, il-Gżejjer Faroe, l-Islanda, Andorra, San Marino, Liechtenstein, l-Isvizzera, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, l-Ungerija, l-Islovenja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, Malta u Ċipru, meta trasportati minn vjaġġaturi bl-idejn jew fil-bagalji tagħhom għall-konsum personali tagħhom, wara li tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott u l-kwantità tiegħu li tista’ tkun użata b’mod raġonevoli minn individwu. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-punti relevanti kollha ta’ dħul fil-Komunità, il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jiġu mgħarrfa lill-vjaġġaturi li jaslu minn pajjiżi terzi. L-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li għaliha hemm provdut fl-Anness II, murija b’avviżi prominenti mqiegħda f’postijiet fejn jidhru faċilment. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġament għall-operaturi internazzjonali tat-trasport ta’ passiġġieri sabiex jgħarrfu lill-passiġġieri kollha li huma jġorru lejn il-Komunità bil-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari billi jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III. L-Artikolu 3 Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti mill-anqas kull tliet xhur mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali fid-dawl b’mod partikolari tar-regoli ġodda tal-Komunità fuq is-saħħa ta’ l-annimali applikabbli fil-ħin ta’ l-importazzjoni. L-Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni lill-passiġġieri li għaliha hemm provdut fl-Artikolu 2 tkun disponibbli mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2003. Mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri kopji ta’ l-avviżi maħluqa skond il-mudell ta’ l-Anness II. L-ispejjeż tal-proċess għandhom jiġu mħallsa mill-budget tal-Komunità sa massimu ta’ 25000 EUR. L-Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, 9 ta’ Diċembru 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p.9. [2] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p.19. [3] ĠU L 203, tat-28.7.2001, p.16. [4] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p.28. [5] ĠU L 198, tal-21.7.2001, p.11. [6] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p.35. [7] ĠU L 300, tat-23.11.1999, p.17. [8] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p.35. [9] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p.31. [10] ĠU L 9, tal-15.1.1993, p.33. [11] ĠU L 121, tat-8.5.2002, p.6. [12] http://www.fao.org/ag/AGA/Agah/EUFMD/reports/sess33/default.htm [13] Jinkludi COM (2000) 438 finali, d-dokumenti 2000/0180, 2000/0181 (CNS) u 2000/0182 (COD). -------------------------------------------------- L-ANNESS I Prodotti tal-laħam u tal-ħalib li huma soġġetti għad-deroga minn verifiki veterinarji sistematiċi meta jinġarru minn passiġġieri li jidħlu fil-Komunità: - ħalib tat-trab tat-trabi, ikel tat-trabi u ikel speċjali meħtieġ minħabba raġunijiet mediċi, bil-kondizzjoni li dawn il-prodotti ma jeħtieġux refriġerazzjoni qabel jinfetħu, li huma prodotti tad-ditta ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur finali, u li l-ippakkjar ma jiġix miftuħ. -------------------------------------------------- L-ANNESS II Dan l-avviż għandu jiġi fformulat f’mill-anqas waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea u f’tieni lingwa kkunsidrata xierqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, li tista’ tkun dik li tintuża f’pajjiż ġar jew, f’każ ta’ ajruporti u portijiet, il-lingwa li l-aktar hemm possibilità li tiġi wżata mill-passiġġieri li jaslu fit-terminal. Stati Membri għandhom iżidu ma’ dan l-avviż aktar informazzjoni xierqa għall-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi lokali, u għad-disposizzjonijiet nazzjonali tagħhom adottati fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE. +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- L-Anness III Operaturi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri għandhom jagħmlu użu mill-mezzi ta’ informazzjoni eżistenti għall-vjaġġaturi (eżempju fuljetti, messaġġi bil-vuċi, espożizzjonijiet fuq screens u fuq il-ħitan eċċ) għall-avviż li ġej: +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------