Official Journal L 301 , 05/11/2002 P. 0043 - 0047
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2002 li tippreskrivi kundizzjonijiet speċifiċi għall-importazzjoni ta’ prodotti ta’ l-industrija tas-sajd mill-Ħonduras (notifikata skond numru C(2002) 4098) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (2002/861/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tad-22 ta’ Lulju 1991 li tippreskrivi l-kundizzjonijiet tas-saħħa li jirrigwardaw il-produzzjoni u t-tqegħid għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ l-industrija tas-sajd [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 97/79/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 11.1 tagħha, Billi: (1) Ġiet imwettqa spezzjoni fir-Repubblika tal-Ħonduras f’isem il-Kummissjoni biex jiġu verifikati l-kundizzjonijiet li skond huma l-prodotti tal-industrija tas-sajd jiġu maħduma, maħżuna u mibgħuta lejn il-Komunità. (2) Il-kundizzjonijiet inkorporati fil-leġislazzjoni tal-Ħonduras dwar l-ispezzjoni tas-saħħa u l-immonitorjar ta’ prodotti ta’ l-industrija tas-sajd jistgħu jitqiesu bħal dawk li hemm preskritti fid-Direttiva 91/493/KEE. (3) B’mod partikolari, s-"Servicio Nacional de Sanidad Agropecuaria (Senasa)" huwa kapaċi li jivverifika b’mod effettiv l-implimentazzjoni tal-liġi li tkun fis-seħħ. (4) Huwa xieraq li jiġu preskritti regoli dettaljati li jikkonċernaw iċ-ċertifikat tas-saħħa li, skond id-Direttiva 91/493/KEE, għandu jakkompanja kunsinni ta’ prodotti ta’ l-industrija tas-sajd importati ġewwa l-Komunità mill-Ħonduras. B’mod partikolari, dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw id-definizzjoni ta’ ċertifikat mudell, il-kundizzjonijiet minimi rigward il-lingwa jew lingwi li bihom irid jiġi abbozzat u l-istatus tal-persuna awtorizzata biex tiffirmah. (5) Il-marka li għandha tiġi mwaħħla fuq il-pakketti tal-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd għandha turi l-isem tal-pajjiż terz u n-numru ta’ approvazzjoni/reġistrazzjoni tad-ditta, tal-vapur tal-fabbrika, tal-maħżen tal-friża jew bastiment tal-friża ta’ l-oriġini, ħlief għall-ċerti prodotti friżati. (6) Huwa wkoll meħtieġ li tiġi kompilata lista ta’ ditti approvati, vapuri tal-fabbrika, jew mħażen tal-friża, u lista ta’ bastimenti tal-friża mgħammra skond il-kundizzjonijiet mitluba mid-Direttiva tal-Kunsill 92/48/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tippreskrivi r-regoli minimi ta’ iġjene applikabbli għall-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd maqbuda abbord ċerti bastimenti skond l-Artikolu 3(1)(a)(I) tad-Direttiva 91/493/KEE [3]. Dawn il-listi għandhom jiġu kompilati fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni mis-Senasa lill-Kummissjoni. Għalhekk hija r-responsabbiltà tas-Senasa li tiżgura osservanza mal-provedimenti rilevanti tad-Direttiva 91/493/KEE. (7) Is-Senasa pprovda assigurazzjonijiet uffiċjali rigward osservanza mar-regoli elenkati fil-Kapitolu V ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/493/KEE fir-rigward tal-kontroll ta’ prodotti ta’ l-industrija tas-sajd, u fir-rigward ta’ l-issodisfar tal-kundizzjonijiet iġjeniċi meħtieġa bħal dawk li hemm preskritti f’dik id-Direttiva. (8) Il-miżuri li hemm maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Is-"Servicio Nacional de Sanidad Agropecuaria (Senasa)" għandu jkun l-awtorità kompetenti fil-Ħonduras biex jivverifika u jiċċertifika l-osservanza tal-prodotti tal-industrija tas-sajd mal-kundizzjonijiet meħtieġa skond id-Direttiva 91/493/KEE. Artikolu 2 1. Prodotti ta’ l-industrija tas-sajd importati ġewwa l-Komunità mill-Ħonduras għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. 2. Kull kunsinna għandha tkun akkompanjata b’ċertifikat oriġinali tas-saħħa numerat, mimli kif għandu jkun, iffirmat, datat u magħmul minn folja waħda skond il-mudell li hemm fl-Anness I. 3. Il-prodotti għandhom jiġu minn ditti approvati, bastimenti tal-fabbrika jew mħażen tal-friża jew minn bastimenti tal-friża reġistrati u elenkati fl-Anness II. 4. Ħlief fil-każ ta’ prodotti friżati ta’ l-industrija tas-sajd fi kwantitajiet kbar u intiżi għall-manifattura ta’ ikel priservat, il-pakketti kollha għandu jkollhom fuqhom il-kelma "IL-ĦONDURAS" u n-numru ta’ approvazzjoni/reġistrazzjoni tad-ditta, tal-bastiment tal-fabbrika, tal-maħżen tal-friża jew bastiment tal-friża ta’ l-oriġini, b’ittri li ma jitħassrux. Artikolu 3 1. Iċ-ċertifikat li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 2(2)għandu jiġi kompilat għall-inqas f’lingwa waħda uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn jiġu mwettqa l-kontrolli. 2. Iċ-ċertifikat għandu jkollu fuqu l-isem, il-kompetenza u l-firma tar-rappreżentant tas-Senasa u t-timbru uffiċjali ta’ dan ta’ l-aħħar f’kulur differenti minn dak ta’ dikjarazzjonijiet oħra. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-20 ta’ Diċembru 2002. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fid-29 ta’ Ottubru 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 15. [2] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 31. [3] ĠU L 187, tas-7.7.1992, p. 41. -------------------------------------------------- L-ANNESS I +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS I LISTA TA' DITTI U BASTIMENTI Kategorija: PP Makkinarju ta' l-ipproċessar Numru ta' Approvazzjoni | Isem | Belt Reġjun | Kategorija | 29-C | Empacadora de Camarones Santa Inés, S de RL | | PP | 57-C | Empacadora de Productos Acuáticos San Lorenzo, S de CV | | PP | 58-C | Empacadora Iberoamericana de Mariscos SA (Ibermar, SA) | | PP | 59-C | Empacadora Litoral, SA de CV | | PP | 62-C | Empacadora Deli, SA | | PP | --------------------------------------------------