Official Journal L 163 , 21/06/2002 P. 0019 - 0020
Id-Deċiżjoni tal-Kummisssjoni ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta’ molluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini proċessati jew iffriżati mill-Ġappun (notifikat taħt id-dokument numru Ċ(2002)2198) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2002/470/KE) IL-KUMMISSSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/492/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ molluski bivalvoli [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/79/KE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 9(3)(b) tagħha, Billi: (1) Espert mill-Kummisssjoni wettaq żjara ta’ spezzjoni fil-Ġappun sabiex jivverifika l-kondizzjonijiet li taħthom molluski bivalvoli jiġu prodotti, proċessati, maħżuna u mibgħuta lill-Komunità. (2) Id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Ġappun jagħmlu lid-"Diviżjoni ta’ Spezzjoni u Sigurezza (ISD) tal-Ministeru tal-Welfare u x-Xogħol" responsabbli għall-ispezzjoni tas-saħħa tal-molluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini u għall-immonitorjar ta’ l-iġene u l-kondizzjonijiet sanitarji tal-produzzjoni. L-istess leġislazzjoni tagħti s-setgħa lill-ISD sabiex tawtorizza jew ma tħallix il-ħsad ta’ molluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini minn ċerti żoni. (3) L-ISD u l-laboratorji tagħha huma kapaċi jivverifikaw b’mod effettiv l-applikazzjoni tal-liġijiet fis-seħħ fil-Ġappun. (4) L-awtoritajiet kompetenti tal-Ġappun intrabtu li jikkomunikaw regolarment u mill-aktar fis lill-Komunità informazzjoni fuq il-preżenza ta’ plankton li jkun fih it-tossini fiż-żoni tal-ħsad. (5) L-awtoritajiet kompetenti tal-Ġappun ipprovdew garanziji uffiċjali fir-rigward tal-konformità mal-ħtiġiet speċifikati fil-Kapitlu V ta’ l-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/492/KEE u bil-ħtiġiet ekwivalenti għal dawk preskritti f’dik id-Direttiva għall-klassifikazzjoni ta’ produzzjoni u tqegħid mill-ġdid ta’ żoni, approvazzjoni ta’ dispaċċ u ċentri ta’ purifikazzjoni u kontroll tas-saħħa pubblika u mmonitorjar tal-produzzjoni. (6) Il-Ġappun instabet eliġibbli għall-inklużjoni fil-lista tal-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ ekwivalenza msemmija fl-Artikolu 9(3)(a) tad-Direttiva 91/492/KEE. (7) Il-Ġappun jixtieq jesporta lejn il-Komunità molluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini friżati jew proċessati, li jkunu ġew sterilizzati jew trattati bis-sħana skond il-ħtiġiet tad-Deċiżjoni tal-Kummisssjoni 93/25/KEE [3], kif emendata bid-Deċiżjoni 97/275/KE [4]. Għal dan il-għan, iż-żoni ta’ produzzjoni li minnhom molluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini jistgħu jiġu maħsuda u esportati lejn il-Komunità għandhom jiġu stabbiliti. (8) Il-kondizzjonijiet speċjali ta’ l-importazzjoni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ annimali u prodotti ta’ akwakultura [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/45/KE [6]. (9) Wara r-riżultati taż-żjara ta’ spezzjoni id-Deċiżjonijiet tal-Kummisssjoni 92/91/KEE tas-6 ta’ Frar 1992 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta’ arzell li joriġina fil-Ġappun [7], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 94/206/KE [8], 94/205/KE tat-8 ta’ April 1994 li tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta’ arell friżat jew proċessat u prectinidae li joriġinaw fill-Ġappun [9], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 95/81/KE [10], u 95/119/KE tas-7 ta’ April 1995 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta’ prodotti mis-sajd li joriġinaw fil-Ġappun [11], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 95/57/KE [12], m’għadhomx validi u għandhom jiġu revokati. (10) Il-miżuri għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Id-Diviżjoni ta’ l-Ispezzjoni u tas-Sigurezza (ISD) tal-Ministeru tas-Saħħa Xogħol u Welfare għandha tkun l-awtorit¦ kompetenti fil-Ġappun sabiex tivverifika u tiċċertifika li moluski bivalvoli, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva 91/492/KEE. Artikolu 2 Molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini proċessati jew friżati, li joriġinaw fil-Ġappun u maħsuba għall-konsum tal-bniedem għandhom joriġinaw fiż-żoni awtorizzati ta’ produzzjoni elenkati fl-Anness li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Id-Deċiżjonijiet 92/91/KEE, 94/205/KE u 95/119/KE huma revokati. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-24 ta’ Ġunju 2002. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Ġunju 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 1. [2] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 31. [3] ĠU L 16, tal-25.1.1993, p. 22. [4] ĠU L 108, tal-25.4.1997, p. 52. [5] ĠU L 46, tad-19.2.1991, p. 1. [6] ĠU L 189, tat-3.7.1998, p. 12. [7] ĠU L 32, tat-8.2.1992, p. 37. [8] ĠU L 99, tad-19.4.1994, p. 44. [9] ĠU L 99, tad-19.4.1994, p. 38. [10] ĠU L 66, ta’ l-24.3.1995, p. 24. [11] ĠU L 80, tat-8.4.1995, p. 56. [12] ĠU L 304,tas- 16.12.1995, p. 51. -------------------------------------------------- L-ANNESS INĦAWI TA' PRODUZZJONI SKOND ID-DISPOSIZZJONIJIET TAD-DIRETTIVA 91/492/KEE Numru | Isem | Post | Kategorija | 1 | Il-parti tal-Lvant tal-Bajja Mutsu | Prefettura ta' Aomori | A | --------------------------------------------------