Official Journal L 080 , 23/03/2002 P. 0040 - 0041
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2002 li temenda d-Deċiżjoni 94/360/KE dwar it-tnaqqis tal-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti li jridu jiġu importati minn pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE (innotifikata taħt dokument numru C(2002) 1121) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (2002/237/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tippreskrivi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [1], u b’mod partikulari l-Artikolu 10 tagħha, Billi: (1) Id-Direttiva 97/78/KE irrevokat u ħadet post id-Direttiva 90/675/KEE [2], taħt liema Direttiva d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE [3] kienet ikkompilata. (2) Wara li ġew skoperti aktar kmieni traċċi ta’ ormoni ksenobiotiċi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ tumuri fil-laħam importat mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/302/KE [4] emendat id-Deċiżjoni 94/360/KE li tadotta sistema avvanzata ta’ kontrolli fuq l-importazzjoni kollha ta’ laħam frisk ta’ l-ifrat u l-ġewwieni, minbarra laħam tal-buflu u l-ġewwieni, importat minn dak il-pajjiż. (3) Wara l-iskoperta ta’ dawn is-sejbiet residwi, f’Ġunju 1999 l-awtoritajiet fl-Istati Uniti ta’l-Amerika reġgħu saħħew il-programm tagħhom ta’ frat ħielsa mill-ormoni. Wara li dan il-programm iltaqa’ ma’ aktar diffikultajiet, li kienu ġew identifikati waqt missjoni fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika mill-Uffiċċju ta’ l-Ikel u l-Veterinarju tal-Kummissjoni, il-programm ġie sospiż f’Lulju 1999 u llanċjat mill-ġdid f’Settembru 1999, f’forma aktar avvanzata bħala l-programm ta’ l-ifrat li mhux ittrattat bl-ormoni. (4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/518/KE [5] emendat aktar il-miżuri ta’ spezzjoni fil-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri tal-Komunità biex jinkludu ittestjar speċifiku għas-stilbeni wara li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Isvizzera osservaw il-presenza tad-diethylstilboestrol (DES) fil-laħam taċ-ċanga importat mill-Istati Uniti. (5) Fid-dawl tar-riżultati favorevoli li ħarġu mill-programm ta’ l-ittestjar, f’Settembru 2000 id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/583/KE [6] naqqset il-frekwenza tal-kontrolli fuq laħam frisk importat mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika minn kontrolli fuq il-kunsinni kollha għal kontrolli fuq 20 % tal-kunsinni, u neħħiet l-obbligu fuq l-Istati Membri li jistgħu jippermettu biss id-dħul fit-territorju tagħhom ta’ kunsinni li r-riżultati ta’ l-eżami u l-analiżi tagħhom ikunu favorevoli. (6) Din id-Deċiżjoni kienet l-ewwel pass lejn it-tneħħija għalkollox ta’ l-obbligu li jsir ittestjar għall-ormoni fuq kull kunsinna magħżula biex tiġi kkontrollata fiżikament, u d-Deċiżjoni kienet soġġetta għar-reviżjoni fid-dawl ta’ riżultati ta’ testijiet li kellhom isiru aktar ’ il quddiem skond l-Artikolu 2 tad-Deċizjoni 1999/302/KE. (7) Il-kontrolli addizzjonali stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 1999/302/KE u d-Deċiżjoni 1999/518/KE, u l-ittestjar imwettaq taħt il-programm addizzjonali tal-Komunità Ewropea għall-ormoni, ma tawx riżultati pożittivi fuq kampjuni ta’ laħam ta’ l-ifrat frisk u l-ġewwieni matul il-perjodu ta’ wara. (8) Għalhekk huwa xieraq li tiġi rrevokata l-kondizzjoni li 20 % tal-kunsinni tal-laħam importat mill-Isati Uniti ta’ l-Amerika jiġu ittestjati sabiex isir magħruf jekk hemmx il-preżenza possibbli ta’ ormoni, u fir-rigward ta’ testijiet laboratorji, li din l-importazzjoni tiġi ttrattata fuq l-istess bażi bħall-importazzjoni ta’ laħam minn pajjiżi terzi. (9) Il-miżuri li hemm maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kunitat Veterinarju Permanenti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: L-Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 94/360/KE hija emendata kif ġej: l-Artikolu 1a huwa revokat. L-Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Marzu 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 9. [2] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1. [3] ĠU L 158, tal-25.6.1994, p. 41. [4] ĠU L 117, tal-5.5.1999, p. 58. [5] ĠU L 197, tad-29.7.1999, p. 50. [6] ĠU L 246, tat-30.9.2000, p. 67. --------------------------------------------------