Official Journal L 136 , 18/05/2001 P. 0004 - 0005
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 963/2001 tas-17 ta’ Mejju 2001 dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1259/1999 rigward l-appoġġ addizzjonali tal-Komunità u t-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni lill-Kommissjoni IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi regoli komuni għal għajnuna diretta għall-iskemi ta’ l-appoġġ taħt il-politika agrikola komuni [1], u partikularment l-Artikolu 11, l-ewwel inċiż, tiegħu, Billi: (1) Il-miżuri għall-iżvilupp rurali ffinanzjati b’appoġġ addizzjonali tal-Komunità riferit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1259/1999 għandhom jifformaw parti mill-ipprogrammar tal-iżvilupp rurali skond l-Artikoli 41 sa 44 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1257/1999 of 17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemendaw u jikkanċellaw ċerti Regolamenti [2]. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tagħmel estimi tal-miżuri proposti b’konformità mal-Artikolu 33(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 1750/1999 tat-23 ta’ Lulju 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 672/2001 [4]. (2) Jeħtieġ li jiġu ffissati d-dati tal-iskadenza riferiti fl-Artikolu 5(2) tar-Regol-ament (KE) Numru 1259/1999 li jirregola id-disponibbilitaà ta’ l-appoġġ addizzjonali tal-Komunità. L-iskadenzi għandhom jippermettu żmien biżżejjed biex l-Istati Membri jużaw l-appoġġ addizzjonali tal-Komunità. (3) L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1259/1999 jaħseb għall-użu ta’ l-ammonti magħmula disponibbli għat-tnaqqis fil-ħlas għal ċerti miżuri addizzjonali għal miżuri eżistenti għall-iżvilupp. Dan l-appoġġ jista’ jikkonsisti jew bħala appoġġ addizzjonali għall-benefiċjarji, inklużi l-benefiċjarji ta’ l-impenni ġodda għall-azzjonijiet ġodda fil-qafas tal-miżuri eżistenti, jew b’appoġġ għall-miżuri eżistenti. M’għandux jintuża, b’dankollu, biex sempliċement iżid ir-rati li l-Komunità tiffinanzja konġuntement tal-miżuri diġa mbassra fid-dokumenti tal-ipprogrammar rurali. Biex tiġi assigurata t-traċċabilità, is-sorsi tal-finanzjament għall-azzjoni fuq għadd ta’ snin li jidħol għaliha xi benefiċjarju għandu jibqa l-istess sat-tmiem ta’ dan ix-xogħol. (4) Sabiex il-Kummissjoni tkun informata sewwa dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1259/1999, skond l-Artikolu 9 tiegħu, ir-regoli li jikkonċernaw il-kontenut u l-għażla taż-żmien għall-komunikazzjonijiet għandhom ikunu adottati. (5) Il-kumitat konġunt ifformat mill-Kumitati ta’ Ġestjoni stabbiliti bl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1254/1999 [5] u l-Artikoli relattivi tar-Regolamenti l-oħrajn dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ma tax l-opinjoni tiegħu fiż-żmien stabbilit mill-President tiegħu, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L- Artikolu 1 Appoġġ addizzjonali tal-Komunità 1. L-ammonti miżmuma skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999 għandhom jintużaw għal ħlas ta’ l-għajnuna addizzjonali mil-Komunità riferiti fl-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-aħħar tat-tielet sena finanzjara wara dik li fiha jkunu miżmuma. 2. L-appoġġ addizzjonali mill-Komunità għal waħda jew iżjed mill-miżuri referuti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999 għandhom jikkonsistu f’ għajnuna mgħotija f’għoti ta’ appoġġ: (a) lil benefiċjarji addizzjonali ta’ miżuri eżistenti inklużi fid-dokumenti tal-ipprogrammar tal-iżvilupp rurali kif msemmija fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Numru 1257/1999; u/jew, (b) lil miżuri addizzjonali li għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti tal-ipprogrammar tal-iżvilupp rurali. Il-persentaġġ tal-kontribuzzjoni tal-Komunità lil din l-għajnuna addizzjonali għandha tkun l-istess bħal fid-dokument tal-ipprogrammar tal-iżvilupp rurali għall-miżura kkonċernata. 3. Azzjoni li tibqa għaddejja għal ħafna snin magħmula minn benefiċjarju ma għandiex tkun iffanzjata f’sena waħda mill-għajnuna tal-Komunità kif imsemmija fl-Artikolu 33(2)(a) tar-Regolament (KE) Numru 1750/1999 u f’sena oħra minn għajnuna addizzjonali tal-Komunità riferuta fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999. L- Artikolu 2 Trasmissjoni ta’ informazzjoni lejn il-Kummissjoni 1. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999, u dwar kull wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness għal dak ir-Regolament: (a) analiżi tas-sitwazzjoni ta’ l-art agrikola użata u l-produzzjoni relattiva b’referenza għall-effetti ambjentali potenzjali; (b) deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ambjentali xierqa referuti fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament li jkunu ħadu fid-dawl ta’ l-analisi referuta fil-punt (a); (ċ) deskrizzjoni dettaljata tal-penali li jkunu ddeċidew skond l-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament. 2. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999 għandhom jibagħtu deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri adottati għal dan l-iskop. 3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu deskrizzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe miżuri oħrajn adottati skond ir-Regolament (KE) Numru 1259/1999. 4. Id-deskrizzjonijiet msemmija fil paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jirreferu għal kull leġislazzjoni relevanti tal-Istat Membru u/jew tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom jibagħtu din il-leġislazzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni jekk jiġu mitluba. 5. Il-komunikazzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom isiru minnufiħ la darba l-miżuri kkonċernati jkunu ġew adottati. Għal dawk il-miżuri adottati bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Lulju 2001, il-komunikazzjoni għandha issir sat-30 ta’ Settembru 2001. 6. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw kull sena, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru aġġornament ta’ l-allokazzjoni, bħala għajnuna addizzjonali tal-Komunità, ta’ l-ammonti miżmuma skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ l-infieq taħt l-Artikolu 37 tar-Re-golament (KE) Numru 1750/1999. L- Artikolu 3 Rapport annwali 1. Rapport ta’ kull sena tal-progress li jkun sar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-penali msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (3), li jinkludi apprezzament ta’ l-effetti tagħhom, għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena. L-ewwel rapport dwar il-progress li jkun sar għandu jkun ippreżentat sat-30 ta’ April 2002 u għandu jkopri l-miżuri u l-penali implimentati fis-snin 2000 u 2001. L-ewwel rapport għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja: (a) sommarju ta’ informazzjoni fiżika u finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri u ta’ kull penali kif msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (3) segwiti b’analiżi ta’ din l-informazzjoni inklużi id-dettalji ta’ kull problema ewlenija ffaċċjata; (b) valutazzjoni tal-progress lejn it-twettieq ta’ l-għanijiet tal-operazzjonijiet, ibbażata fuq l-informazzjoni miksuba taħt il-punt (a). 2. Meta r-rapport ma jkunx wasal sat-30 ta’ April ta’ kull sena jew ikun jew jidher ċar li mhux komplut, il-Kummissjoni għandha tissospendi għall-Istati Membri kkonċernati l-ħlas bil-quddiem dwar in-nefqa taħt is-subtitolu 1A tas-settur tal-Garanzija tal-FAEGG kif ġej: (a) jekk ir-rapport ma jasalx sal-15 ta’ Mejju jew ikun jew jidher ċar li mhux komplut f’din id-data, ammont ekwivalenti għall-ammonti mnaqqsin skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999 bejn l-1 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel għandu jinżamm mill-ħlasijiet bil-quddiem li jkollhom isiru fil-bidu ta’ Ġunju; (b) jekk ir-rapport jasal wara l-15 ta’ Ġunju jew ikun jew jidher ċar li mhux komplut wara din id-data, ammont ekwivalenti għall-ammonti mnaqqsa skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Numru 1259/1999 bejn is-16 ta’ Ottubru u it-30 ta’ April għandhom jinżammu mill-ħlas li jkollhu jsir fil-bidu ta’ Lulju. 3. Ħlas għall-Istati Membri kkonċernati ta’ l-ammont miżmum skond il-paragrafu 2 għandu jkun bil-kondizzjoni li jasal ir-rapport komplut u għandu jsir flimkien mat-tieni pagament li jsir wara. L- Artikolu 4 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fis-seba jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Mejju 2001. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 113. [2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80. [3] ĠU L 214, tat-13.8.1999, p. 31. [4] ĠU L 93, tat-3.4.2001, p. 28. [5] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 21. --------------------------------------------------