Official Journal L 005 , 10/01/2001 P. 0004 - 0005
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/2/KE ta' l-4 ta' Jannar 2001 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 1999/36/KE dwar l-apparat ta' pressjoni li jista' jinġarr (Test b'relevanza ghaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/36/KE tad-29 ta' April 1991 dwar l-apparat ta' pressjoni li jista' jinġarr [1], b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, Billi: (1) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/36/KE jistipula li reċipjenti ġodda u tankijiet ġodda għandhom ikunu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3], kif ukoll li dawn għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE tat-23 ta' Lulju 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-trasport tal-merkanzija perikoluża bil-ferrovija [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5]. (2) Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija Perikoluża bit-Triq (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ADR) u r-regolment dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija perikoluża bil-ferrovija (minn issa 'l quddiem imsejjaħ RID) [6], flimkien ma' l-emendi tagħhom, huma annessi mad-Direttivi 94/55/KE u 96/49/KE rispettivament. Verżjoni ġdida ta' l-ADR u l-RID għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2001. (3) L-Anness V li jinsab mad-Direttiva 1999/36/KE jistabbilixxi l-moduli li għandhom jiġu segwiti għall-valutazzjoni dwar il-konformità tar-reċipjenti ġodda u tankijiet ġodda. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonformawx aktar mal-verżjoni l-ġdida ta' l-ADR u l-RID. B'konsegwenza, dan l-Anness għandu jiġi emendat. (4) L-emendi meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi li jinsabu mad-Direttiva 1999/36/KE għandhom jiġu adottati skond l-artikolu 14 tad-Direttiva, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tagħha. (5) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/36/KE, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 It-test ta' l-Anness li jinsab mad-Direttiva 1999/36/KE qiegħed jinbidel bit-test ta' l-Anness li jinsab ma' din id-Direttiva. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2001. Dawn għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan. Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fis-seba' jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Jannar 2001. Għall-Kummissjoni Loyola De Palacio Viċi-President [1] ĠU L 138, ta' l-1.6.1999, p. 20. [2] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7. [3] ĠU L 279, ta' l-1.11.2000, p. 40. [4] ĠU L 235, tas-17.9.1996, p. 25. [5] ĠU L 279, ta' l-1.11.2000, p. 44. [6] Ir-Regolament imniżżel fl-Anness I li jinsab ma' l-Appendiċi B tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bil-Ferrovija (COTIF). -------------------------------------------------- L-ANNESS L-ANNESS V IL-MODULI LI GĦANDHOM JIĠU SEGWITI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ It-tabella li ġejja turi liema moduli tal-valutazzjoni tal-konformità kif deskritti fl-Anness IV, il-Parti I, għandhom jiġu segwiti fil-każ ta' l-apparat ta' pressjoni li jista' jinġarr kif definit fl-Artikolu 2(1). Kategoriji ta' apparat ta' pressjoni li jista' jinġarr | Moduli | 1.Ir-reċipjenti li dwarhom it-test ta' pressjoni u l-kapaċità jkunu ta' mhux aktar minn 30 MPa × litru (300 bar × litru), | A1, jew D1 jew E1 | 2.Ir-reċipjenti li dwarhom il-prodott tal-prodott tat-test ta' pressjoni u l-kapaċità jkunu aktar minn 30 u mhux aktar minn 150 MPa × litru (300 bar × litru rispettivament), | H, jew B b'kombinazzjoni ma' E, jew B b'kombinazzjoni ma' C1 jew B1 b'kombinazzjoni ma' F, jew B1 b'kombinazzjoni ma' D | 3.Ir-reċipjenti li dwarhom il-prodott tat-test ta' pressjoni u l-kapaċità jkunu aktar minn 150 MPa × litru (1500 bar × litru), u l-istess għat-tankijiet | G, jew H1, jew B f'kombinazzjoni ma' D, jew B f'kombinazzjoni ma' F | L-avviż 1. L-apparat ta' pressjoni li jista' jinġarr għandu jkun suġġett, skond l-għażla tal-manifatturier, għal waħda mill-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità mniżżla fil-kategorija li fiha jiġi kklassifikat. Fil-każ ta' reċipjenti, jew il-valvoli tagħhom jew ta' aċċessorji oħra użati għat-trasport, il-manifatturier jista' wkoll jagħżel li japplika waħda mill-proċeduri ffissati għal kategoriji ogħla. L-avviż 2. Bħala parti mill-proċeduri biex tiġi żgurata l-kwalità, il-korp innotifikat għandu, meta jagħmel viżti għal għarrieda, jieħu kampjun ta' l-apparat fil-post fejn dawn jiġu mmanifatturati jew maħżuna bl-iskop li jagħmel verifika, jew li jġiegħel lil min jagħmel verifika, biex tiġi vverifikata l-konformità mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva. Għal dan il-għan il-manifatturier għandu javża lill-korp innotifikat bil-programm tal-produzzjoni li jkun ippjanat. Il-korp innotifikat għandu jwettaq ta' l-anqas żewġ viżti matul l-ewwel sena tal-manifattura. Il-frekwenza tal-viżti sussegwenti tiġi stabbilita mill-korp innotifikat fuq il-bażi tal-kriterji mniżżla fil-punt 4.4 tal-moduli rilevanti fl-Anness IV, il-Parti I. --------------------------------------------------